Editorjal | 21 ta’ Diċembru 2008 Nr 112
It-tħabbira li s-sit tat-Teatru Rjal u Bieb il-Belt se jinbnew mill-ġdid hi pożittiva għax tixhed l-impenn politiku tal-Gvern li jagħti dehra sura ta’ nies lill-entratura tal-belt kapitali.
Hu pożittiv li dawn iż-żewġ proġetti flimkien se jkunu kkunsidrati bħala proġetti ewlenin għall-erba’ snin li ġejjin anki fil-kuntest ta’ investimenti pubbliċi li jeħtieġ isiru biex l-ekonomija tibqa’ ddur.
L-għażla tal-Perit Renzo Piano fiha nnifisha hi sinjal ċar tal-importanza mhux biss nazzjonali imma wkoll internazzjonali li għandu dan il-proġett. Piano hu perit ta’ fama dinjija u l-firma tiegħu weħidha hi biżżejjed biex tiġbed lejn pajjiżna interess minn oqsma professjonali fil-qasam tad-disinn, tal-arkitettura u tal-bini.
Il-Gvern seta’ jagħżel perit ieħor internazzjonali u joħloq kompetizzjoni bejn żewġ ismijiet rinomati bħalma ġara f’Monaco għad-disinn ta’ art riklamata mill-baħar (proġett li mhux se jsir minħabba l-ispiża marbuta miegħu). Iżda Piano diġà għandu ħjiel ta’ Malta. Jaf il-kontroversji li kienu nqalgħu fid-Disgħinijiet u għandu wkoll xamma tajba tal-karattru tal-Belt Valletta. Għaldaqstant nemmnu li ismu għandu jagħti iktar valur lil dan il-proġett.
Madankollu hemm tliet kwistjonijiet li jeħtieġ ikunu indirizzati bi trasparenza.
L-ewwel kwistjoni ovvja hi l-finanzjament. Il-Gvern ma vvota l-ebda ċenteżmu fl-aħħar baġit għal dan il-proġett. Bil-wegħdi li saru qabel l-elezzjoni ta’ għexieren ta’ proġetti maħsuba biex jirriġeneraw il-Port il-Kbir insibuha diffiċli nifhmu kif se jinstabu dawn il-flejjes kollha.
Il-Gvern irid ikun ċar dwar liema proġetti se jibdew fis-snin li ġejjin, minn fejn se jiġu l-flus u kif se jingħataw il-kuntratti tax-xogħol. Ma nistgħux nirriskjaw li jkollna xi Mater Dei ieħor bi prezz ferm iktar minn dak ippjanat u li jkun lest wara 15-il sena ta’ terturi.
Tajjeb li jsir il-proġett ta’ Bieb il-Belt u t-Teatru Mwaqqa’, imma mhux akkost ta’ kollox. L-għaqal jitlob li l-affarijiet isiru sew, mingħajr ħabi u bi spiża raġonevoli.
It-tieni kwistjoni tirrigwarda d-disinn tal-post. Nemmnu li l-għażla ta’ Piano hi għażla konxja lejn disinn li se jirrappreżenta l-ġenerazzjoni tal-lum, b’rispett lejn il-passat. Ma nemmnux li d-disinn irid ikun marbut ma’ dak li kien hemm qabel. Il-ġenerazzjoni tal-lum għandha d-dritt li tħalli t-timbru tagħha fuq ġawhra bħall-Belt speċjalment fuq sit miknus li ilu jħammrilna wiċċna għal iktar minn 60 sena.
Madankollu nistennew li Piano jikkonsulta man-nies u l-għaqdiet biex kemm jista’ jkun, fit-timbru tiegħu, jirrispetta wkoll l-aspirazzjonijiet
tal-poplu.
It-tielet kwistjoni hi l-użu tas-sit. Għalkemm l-idea li jinbena Parlament f’sit daqstant prominenti fiha valur demokratiku, nemmnu li l-Gvern għaġġel wisq biex jagħlaq il-bibien kompletament għal suġġerimenti oħra.
Seta’ l-Parlament ġdid jinbena x’imkien ieħor, bħal ngħidu aħna Sant Iermu, il-bini ta’ Evans jew l-isptar Boffa meta ssir iċ-ċaqliqa? Ikun aħjar jekk is-sit ikun dedikat għall-kultura?
Naħsbu li l-argument ekonomiku kontra l-bini mill-ġdid ta’ teatru modern tal-opra sar wisq b’ħeffa u mingħajr studju serju tal-potenzjal turistiku. Iżda b’kultura m’aħniex nifhmu biss teatru. Seta’ s-sit jinbidel f’librerija pubblika moderna bħala palazz dedikat għall-qari u l-ktieb?
Nemmnu li fuq l-użu tas-sit setgħet saret konsultazzjoni iktar wiesa’ anki biex il-politiċi ma jieħdux it-timbru li qed jaħsbu fihom infushom bil-bini ta’ Parlament ġdid.
Fl-aħħar mill-aħħar Parlament ġdid mingħajr riforma fix-xogħol tal-Parlament ikun ħela ta’ riżorsi għax nispiċċaw b’bini kbir imħaddem fuq bażi part-time. |
|
Franica Pulis tintervista lill-kittieb Immanuel Mifsud
Editorijal

Il Punt
Evarist Bartolo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Yvonne Micallef Stafrace
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|