Sports | 14 ta’ Diċembru 2008 Nr 111
Minn Mark Attard
Ħsibtha darbtejn u aktar qabel ma ddeċidejt li nintervista lil Steve D’Amato. Mhux għax qatt xi darba kelli xi ħaġa kontrieh. Xejn minn dan! Anzi, dejjem ammirajt id-dedikazzjoni li għandu dan iż-żagħżugħ għal-logħba tal-futbol. Iżda l-kontroversji li dħalt fihom f’dawn l-aħħar ġimgħat mal-klabb ta’ fejn twelidt u trabbejt ma ridthomx jeskalaw fuq xi ħaġa li stajt nevita.
Ċerti nies li mhux midħla tal-media u huma mill-Ħamrun jew fil-klabb Spartani ma tantx ħadu pjaċir bija. Ma qablux ma’ ċerti titli tiegħi u anqas ma’ xi kontenut li stajt ktibt fl-artikli tal-jiem li għaddew.
Mhux sigriet li ngħid li jien Ħamruniż. Kulħadd jaf b’dan. Iżda xtaqt nassigura biss lil kulħadd li m’għandi xejn personali kontra l-ebda uffiċjal ta’ Ħamrun Spartans. Nikkritika biss fejn naħseb u nemmen li jkunu żbaljati. Dejjem għamilt hekk ma’ kull klabb. U hekk se nibqa’ nagħmel.
Kien għalhekk li ddeċidejt li għandi nagħti spazju lill-kowċ ta’ Ħamrun Spartans. Jitkellem b’diplomazija u kalma kbira. Nistaqsih jekk jafx li hu l-iżgħar kowċ li qatt kellu l-futbol Malti fl-ogħla diviżjoni tiegħu.
“Ma kontx ċert minnha. Għaddieli ħsieb għax 30 sena hija età żgħira. Xi ħaġa bħal din tagħmilli kuraġġ. Naprezza li l-klabb tal-Ħamrun wera fiduċja fija li nista’ nagħti kontribut lil dan il-klabb minkejja li għadni żgħir.”
Jitkellem miegħi fuq il-persuna tiegħu nnifsu. Mill-ftit li nafu kont naf li qed jgħid il-verità. Jgħidli xi jfisser għalih ukoll il-futbol. Xejn biex jimpressjona.
“Jien bniedem kalm u ma ngħaġġilx fid-deċiżjonijiet li nieħu f’ħajti. Bniedem li naħseb u nevalwa ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar naħseb li jien bniedem li f’ħajti dejjem infittex sfidi ġodda.
“Għalija l-futbol huwa xi ħaġa ta’ importanza kbira f’ħajti. Fih valur uniku. Minn mindu kont żgħir il-futbol kien passjoni għalija. Minn dejjem xtaqt li nkun involut f’xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-futbol. Inħobb l-isports kollu iżda l-futbol huwa uniku għalija. Jagħtini passjoni bira. Dik l-isbaħ ħaġa li għandi f’ħajti.
“Jien futbol alcoholic. Kull partita li jkun hemm fuq it-televiżjoni nsegwiha. Fil-weekend nara bejn sitta u seba’ logħbiet. Kull logħba nsib l-interess fiha. Sakemm ikun hemm bilanċ bejn it-timijiet naraha żgur anki jekk ikunu żewġ timijiet żgħar.
“Dan l-aħħar il-logħbiet kollha qed ikun fihom bilanċ kbir u nieħu kull logħba li nara b’dedikazzjoni kbira. Anki fit-tim tal-Ħamrun. Meta nispiċċaw minn xi logħba li nkunu lgħabna nibda nħares u naħseb mill-ewwel fil-partita li jkun imissna.”
Steve D’Amato twieled fil-11 ta’ Ġunju 1978 u joqgħod il-Ħamrun. Ikellimni fuq Ħamrun Spartans. Jgħidli x’valur fih dan il-klabb anki jekk fil-preżent l-atmosfera mhix xi waħda trankwilla.
“Klabb ta’ storja kbira. Klabb li għandu ħafna partitarji warajh. Plejer jista’ jgħid li qed jilgħab ma’ klabb li ftit tas-snin ilu kien glorjuż f’dawk li huwa rebħ u unuri. Inħoss li minkejja li ilu ħafna ma jirbaħ unur fil-futbol Malti, Ħamrun Spartans baqa’ wieħed mill-iktar klabbs ta’ attrazzjoni fil-futbol Malti.”
X’inhu l-għan ta’ Ħamrun din is-sena?
“Jien ħa ngħidlek l-għan tiegħi. L-għan tiegħi huwa li mmexxi lill-klabb ’il quddiem.”
Imma konvint li l-Ħamrun isalvaw mir-relegazzjoni?
“Nerġa’ ngħidlek li l-għan tiegħi hu li mmexxi l-klabb ’il quddiem.”
Tlabt xi akkwisti ġodda għal Jannar li ġej?
“Għadu kmieni. Xejn konkret.”
Imma safejn tista’ tasal b’dan it-tim?
“Jien nimxi logħba logħba u nagħmel tragward kull partita.”
Kif ħassejt il-ħtieġa li taċċetta l-offerta ta’ Ħamrun Spartans?
“L-isfida tal-Ħamrun kienet opportunità tajba għalija. Kienet deċiżjoni diffiċli għalija u domt naħsibha ħafna. Ma rridux ninsew li l-Ħamrun Spartans huwa klabb kbir b’popolazzjoni enormi li rebaħ u għamel parti mill-istorja tal-futbol Malti. Li ġie għalija klabb bħal Ħamrun kienet opportunità tajba u minbarra hekk kien mument fejn stajt niċċaqlaq.
“Qist imporanti mad-deċiżjoni tiegħi l-faċilitajiet li għandhom il-Ħamrun. Jien kont imdorri bit-tajjeb ma’ Melita u ma ridtx immur għall-agħar. Melita kont imdorri bl-aqwa. Kelli kollox. Hamrun l-istess. Hemm l-ambjent li xtaqt.”
Ikellimni fuq xi differenzi li seta’ nnota bejn iż-żewġ klabbs bi statura għal kollox differenti fil-futbol Malti.
“Il-Melita ma kienx hemm dak il-following qawwi li hemm fil-Ħamrun. Ġieli kont inkun miexi lejn tas-Sliema u jwaqqafni xi ħadd biex jistaqsini kif konna sejrin. Il-Ħamrun mod ieħor. Hemm folol u eluf kbar ta’ nies. Ħaġa li impressjonatni kienet li anki waqt it-taħriġ ġieli jinżlu n-nies isegwu t-tim. L-amministrazzjoni hija waħda kbira wkoll. Hemm kulma hemm bżonn biex jerġgħu jkunu fost l-aqwa tal-futbol Malti.”
Nitkellmu fuq il-klabb ta’ Melita. Steve jgħidli li qatt f’ħajtu ma jista’ jinsa lil dan il-klabb li bdieh fil-futbol Malti u fetaħlu bieb biex imexxi klabb tal-Premier.
“Jien kont kuntent ħafna mal-Melita. Nirringrazzja lill-Kumitat kollu tal-appoġġ li tawni fis-snin li għamilt hemm. Ma nistax ninsa lill-President Anton Naudi li kien dejjem ta’ appoġġ u fiduċja. Miegħi mxew tajjeb ħafna.
“Għamilt perjodu twil fin-nursery u tlajt grad grad. Bdejt nieħu ħsieb in-nursery sakemm wasalt sa kowċ fit-tim tal-Minors. Minn hemm sirt assistant kowċ mat-tim tal-kbar u wara li għamilt sentejn f’din il-kariga nqalgħet l-opportunità. Irriżenja l-kowċ tal-Melita f’nofs il-kampjonat u offrew l-isfida lili. Aċċettajt mill-ewwel. Il-Kumitat xtaq jibqa’ jżommni bħala l-kowċ tal-ewwel tim tiegħu.
“Melita huwa klabb serju u mmexxi b’organizazzjoni kbira. Kellu titjib enormi. Bħala klabb tat-Tieni Diviżjoni hemm faċilitajiet kbar. Hemm nies dedikati ħafna. Jien ngħidlek li huwa klabb glorjuż bl-istil ta’ amateur li għandu. In-nursery kbira mmens u tilqa’ fiha xi 350 tifel. Hemm dixxiplina kbira. Minkejja li bħala diviżjoni huwa klabb żgħir nista’ nassigurak li bħala struttura huwa kbir. Ma nista’ ninsihom qatt. Se nibqa’ nġorr lill-klabb ta’ Melita f’qalbi tul ħajti kollha.
“Jien tlaqt minn hemm mingħajr problema ta’ xejn. Anzi tlaqt bi ħbiberija kbira u għadni fil-kuntatt regolari magħhom sal-ġurnata tal-lum. Kont kuntent ħafna. Nostalġija għandi u se tibqa’. Nixtiqilhom il-ġid kollu tad-dinja.
“Għandi fiduċja kbira li Martin Gregory jista’ jkompli jkabbar lil dan il-klabb. Naħseb li Martin għandu l-istil tiegħi bħala kowċ. Kien wieħed mir-right persons for the job.”
Steve huwa wieħed minn dawk il-kowċis li għandu l-kwalifiki kollha neċessarji għal pajjiżna biex issejjaħ ‘Kowċ Prim’. Ta’ 26 sena kellu diġa’ l-Liċenzja A.
“Ħadthom pass pass. Bdejt mill-kors tal-Foundation meta kelli 17-il sena. Imbagħad bqajt tiela’ kors wara ieħor. Illum għandi 30 sena u ili bl-A License xi erba’ snin. Ta’ 26 sena kelli l-UEFA A. Ħassejt li minkejja ta’ età żgħira nista’ nagħti kontribut tajjeb lit-tim li nkun miegħu. Dejjem ħadt dawn il-korsijiet b’entużjażmu kbir.”
Nitkellem ma’ Steve fuq il-fatt li minkejja li diġà għandu esperjenza vasta fil-kowċing jaħsibx li jista’ jkun żvantaġġat għax qatt ma kien plejer qabel.
“Ma naħsibx li huwa ta’ żvantaġġ għall-kowċ għax qatt ma jkun plejer. U dan għax l-istudju li għamilt fuq il-logħba u bil-korsijiet b’kollox tgħallimt ħafna. Forsi aktar minn min hu kowċ u kien plejer. Nidħol f’dettalji kbar u nevalwa kollox. Naħseb li fil-kowċing mhux daqshekk neċessarju li tkun plejer qabel iżda naraha ta’ importanza li jkollok il-mezz ta’ komunikazzjoni tiegħek bħal ta’ għalliem. Il-mod ta’ kif kowċ jieħu d-deċiżjonijiet u jwassal il-messaġġ tiegħu lill-grupp ta’ plejers li jkollu hija importanti ferm. Tista’ tqis bħala asset li kowċ ikun eks plejer iżda ma naħsibx li hija l-aktar ħaġa importanti f’kowċ. Li bniedem ikun intelliġenti u ma jgħaġġilx fid-deċiżjonijiet li jieħu hija kruċjali.
“Plejer kont biss mat-tim tal-Kulleġġ San Alwiġi. Dħalt fil-kowċing meta kelli 17-il sena. Kien hemm għalliem involut fil-kowċing f’San Alwiġi. Kien jaf li lili tinterassani l-logħba u darba avviċinani biex immur ngħinu. Kien jieħu ħsieb it-tim tal-Under 12. Il-ħaġa għoġbitni. Kont għadni ma nsuqx u għalhekk dan il-bniedem kien dejjem jiġi għalija u jwassalni lura. Il-karriera bdiet togħġobni mill-ewwel tant li qatt ma ħarist aktar lura. Bqajt għaddej sal-aħħar.”
Lil Steve nagħtih parir li issa la wasal s’hawn imissu jsib iċ-ċans biex iġib il-liċenzja PRO tal-UEFA. Ikun it-tieni kowċ Malti li għandu din il-kwalifika wara Stephen Azzopardi ta’ Sliema Wanderers.
“Ħaġa li ili naħseb ħafna fuqha. Tinsab f’moħħi u naħseb fuq dan kontinwament. Kienet deċiżjoni li mgħaġġiltx fiha għax kien hawn tama li jsir hawn Malta. Kien hawn diċerija u stennejt għax il-korsijiet li jsiru hawn Malta huma tal-ogħla livell. Minn Malta tgħallimt ħafna inkluż il-psikoloġija fil-futbol. Jekk nara li hawn Malta mhux se jsir immur nagħmlu barra minn Malta, preferibilment f’Coverciano l-Italja jew l-Ingilterra. Bħalissa hija biss xi ħaġa f’moħħi. Huwa ħsieb li nixtieq nasal għalih ’il quddiem fil-karriera tiegħi.”
Ħaġa li kelli kurżita’ nistaqsi lil Steve kienet dik jekk jistax iħossu stramb li jista’ jkollu plejers li huma ta’ eta’ ħafna ikbar minnu fit-tim.
“Lanqas xejn. U dan għax naf li dak li nkun qed nagħmel huwa tajjeb. Inħoss li dak li nagħmel jien imur tajjeb kemm għall-plejer ta’ età żgħira u anki għall-plejer veteran. La darba tkun taf li qed tagħmel xogħlok tajjeb il-plejer jista’ jkun min ikun. Meta l-plejers jaraw fik li qed tagħmel affarijiet tajbin jirrispettawk bla problema ta’ xejn.”
Ħafna jiftakru lil Steve D’Amato bħala wieħed mill-ilħna fil-partiti live tal-kampjonat Premier li jintwerew fuq Melita Sports. Ikellimni fuq dan ukoll.
“Kienet parti sabiħa ħafna minn ħajti. Kienet xi ħaġa li kont nieħu pjaċir nagħmel. Kienet opportunità tajba ħafna għalija biex insegwi aktar il-kampjonat Premier. Kienet xi ħaġa li kont nagħmilha b’dedikazzjoni kbira. Kienet passjoni. Inħobb ħafna nevalwa skwadra u tim. Jiddispjaċini li kelli nwaqqafha iżda fiċ-ċirkostanzi li ġejt ma stajtx inkompli.”
Nitkellmu fuq kowċis oħra mill-kampjonat Premier. Nistaqsi lil Steve jekk għandux lil xi wieħed partikolari li dejjem ammira u jgħidli xi jfisser għalih li jkun kowċ tajjeb.
“Jien nirrispetta lil kull kowċ, inkluż dawk avversarji tiegħi mill-kampjonat Premier li ilhom hemmhekk aktar minni. Ħa nagħmel l-almu tiegħi biex kulma nista’ nagħmel nagħmlu bl-aħjar mod possibbli. Dawn il-kowċis biex ġabu din l-esperjenza minn x’imkien xi darba bdew. Xi darba kienu bħali. Jien domt naħsibha ħafna. Stajt ma mortx mal-Ħamrun imma ħassejt li kien l-aqwa mument għalija.
“Hawn numru ta’ kowċis ta’ livell. Mhux se nagħtik ismijiet iżda għandi l-preferiti tiegħi bħalma għandu kulħadd. Jien ma mmurx nara s-sessjonijiet ta’ taħriġ tagħhom iżda kowċ ikun tajjeb mhux għax iġib ir-riżultati. Jekk ikollok plejers tajbin u tal-aqwa livell faċli tkun kowċ tajjeb. Mhux li tirbaħ l-unuri biss jagħmlu l-aqwa kowċ. Sfortunatament jibqa’ jidher u jissemma l-aktar huwa dak li jirbaħ. It-tragward tiegħi dejjem kien li nipprova nilħaq il-massimu li kull plejer jista’ jagħti.”
Imma taħseb li fil-futbol Malti hawn plejers li jridu jitgħallmu?
“Iva. Nara li hawn ħafna plejers għatxana biex jitgħallmu u jtejbu l-kwalitajiet tagħhom. Meta plejer jikkonvinċi ruħu li l-kowċ ikun jaf x’inhu jagħmel se jistmak. Jekk ikun hawn plejers li mingħalihom jafu ħafna, meta jaraw lil ħaddieħor li qed jipprova jgħallimhom awtomatikament jirrispettawh. Importanti li l-kowċ jikkonvinċihom li qed jagħmel l-aħjar affarijiet għall-aħjar tagħhom.”
Nistaqsih jekk hawnx xi plejer li dejjem xtaq ikun il-kowċ tiegħu u jekk talbux lil Ħamrun Spartans biex iġibuhulu.
“Hawn diversi plejers. Hawn numru tajjeb ta’ plejers li nammira. Diffiċli biex nagħżel wieħed anki għax ma rridx ninstema’ ħażin.
“Jien naf fejn qiegħed bħalissa u kuntent ħafna. Irrid nibqa’ mmexxi lit-tim u nagħmel ħilti biex il-Ħamrun jiġi fiż-żmien tajjeb. Rajt ir-ritratti tal-festi kbar li kienu jagħmlu l-Ħamrun. Nixtieq li jkolli l-opportunità li xi darba ngħix dan iż-żmien mal-Ħamruniżi.
“Jien inħares fejn inkun fil-mument. Bħalissa qiegħed mal-Ħamrun u se nagħmel minn kollox biex nagħti dak kollu li naf. Jien bniedem dedikat u rrid nasal dejjem fejn nixtieq. Bħalissa l-ħsieb tiegħi huwa biss kif se mmexxi l-klabb Ħamruniż ’il quddiem. Inqum u norqod qed naħseb biss biex nara kif lil Ħamrun immexxihom ’il quddiem.”
Steve jirringrazzja lil dawk kollha li għenuh tul il-karriera tiegħu s’issa.
“Nixtieq ngħid grazzi lill-familja tiegħi li dejjem appoġġatni u lil dawk kollha involuti fil-Melita speċjalment lill-President Anton Naudi u l-Kumitat. Grazzi wkoll lill-Ħamrun ta’ din l-opportuunità li tawni u nwegħidhom li se nagħmel minn kollox biex nagħmel ġid kbir lil dan il-klabb.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Mary Anne Zammit, kelliema għall-AD
Editorijal

Il Punt
Adrian Grima

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|