Intervista | 14 ta’ Diċembru 2008 Nr 111
Franica Pulis tintervista lil Mary Anne Zammit, kelliema għall-AD
Mary Anne Zammit bħalissa hi l-unika mara fl-Eżekuttiv tal-Alternattiva Demokrattika u hi pjuttost wiċċ ġdid fix-xena politika.
Hi kelliema għas-Saħħa u l-Protezzjoni Soċjali iżda kif tistqarr hi stess, lanqas taf kif sabet ruħha b’rwol attiv fil-partit.
“Kelli xi ħbieb li qaluli mmur għal-laqgħat tagħhom u peress li jien attiva ħafna speċjalment fil-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-vjolenza fuq in-nisa ħsibt li tkun opportunità kif insemma’ leħni.”
Niltaqa’ ma’ Zammit ftit wara li attendiet konferenza tal-Partiti Ħodor Ewropej f’Ċipru dwar it-traffikar illegali ta’ persuni għal skopijiet ta’ negozju marbut mas-sess.
L-argumenti soċjali huma marbuta wkoll mal-qasam professjonali li timraħ fih hi. Tgħidli li ċertu interess fil-qasam soċjali ġej mix-xogħol li tagħmel bħala probation officer kif ukoll mill-edukazzjoni li speċjalizzat fiha. Għalhekk tħossha komda bir-rwol li għandha fl-AD.
Bħala mara ma tħossx li għandha diffikultà fl-AD. “Issir irrilevanti intix mara jew raġel meta tiddiskuti l-kwistjonijiet. Li nara hu li mara taħseb b’mod differenti minn raġel u li kapaċi tkun aktar newtrali waqt it-taħditiet,” tgħid Zammit.
Nistaqsiha jekk taħsibx li bil-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni jonqosx l-abbuż marbut magħha.
“Fl-opinjoni tiegħi, u din mhix il-politka tal-AD, naqbel li l-prostituzzjoni tkun legali. Għandu jkun hemm aktar għarfien fuq il-mard li jiġi trasmess sesswalment u għandu jkun hawn kliniċi apposta biex isirulhom testijiet mediċi. Mill-klijenti li jkolli m’hawnx biżżejjed għarfien dwar dan it-tip ta’ mard u lanqas dwar il-protezzjoni minnu.
“Naħseb li tnaqqas ħafna l-isfurzar tal-pimps u t-traffikar tan-nies għal skop ta’ negozju. Din bħad-droga. Jekk tkun illegali iktar tagħmilha eċitanti.
“Il-prostituzzjoni minn dejjem kienet mezz biex ir-raġel jiżvoga l-aptit sesswali tiegħu u tgħin lil dawk li jkunu frustrati sesswalment. Jista’ jkun li tnaqqas ukoll l-istupru. L-irġiel li jmorru mal-prostituti mhux bilfors li jkunu neqsin min-nisa imma jista’ jkun li jkollhom bżonn jissodisfaw il-fetishes tagħhom.”
Titkellem dwar is-sitwazzjoni tat-traffikar tan-nies kif inhi bħalissa. Skont iċ-ċifri tal-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni 420,000 mara ġew esportati mill-Ukrajna matul is-snin.
Spjegat kif dawn in-nisa jaqgħu fin-nassa billi jkun hemm reklamar ta’ xogħol fil-gazzetti. It-traffikanti jwegħduhom ħafna flus jekk jaħdmu fil-pajjiżi tal-Punent u dawn jiddeċiedu jidħlu għaliha. Dawn jirranġawlhom kollox inkluż passaport falz u jivvjaġġaw ma’ nisa oħra mingħajr ma qatt jaslu fid-destinazzjoni mwiegħda. Fost dawn in-nisa jkun hemm uħud li japplikaw għal xogħol ta’ żeffiena jew biex jagħti pjaċir sesswali imma qatt ma jkunu jafu li se jsiru skjavi.
“Normalment jittiħdilhom il-passaport u b’hekk jispiċċaw immigranti illegali. Minbarra li jingħataw drogi biex iżommuhom aktar taħt il-kontroll tagħhom kif ukoll ikunu mhedda bi vjolenza u stupru,” tispjega Zammit.
Il-pajjiżi l-aktar milquta direttament huma l-Ukrajna, il-Moldova, l-Albanija, il-Kroazja, is-Serbja u t-Turkija. Uħud minn dawn il-pajjiżi jservu ta’ post transitorju. Pajjiżi oħra bħall-Greċja, l-Italja, l-Awstrija, il-Belġju, ir-Renju Unit u l-Olanda huma d-destinazzjoni finali.
“Il-problema ġejja mindu spiċċat il-Gwerra l-Bierda. Minħabba l-istat ekonomiku ta’ dawn il-pajjiżi u l-faqar hu faċli biex persuni jinqabdu f’morsa li tqalla’ ħafna flus lil uħud. Ħafna organizzazzjonijiet qegħdin jagħmlu aktar flus milli kieku qed ibigħu d-droga. It-traffikar tan-nies isir f’ħafna bnadi tad-dinja fosthom fl-Asja u fl-Amerka t’Isfel.”
Zammit tirreferi għall-film Taken, li ħareġ f’Malta ftit ilu, bħala wieħed maħdum b’mod eċċellenti għax jagħti eżempju ċar ta’ kif in-nisa jaqgħu fin-nassa tat-traffikar.
“Għandek ġuvni gustuż li jistieden żewġ tfajliet għal party tar-Rock f’Pariġi u dawn jaqgħu għaliha. Ma kienx raġel b’dehra kriminali li seraqhom.Dawn l-irġiel li qed jaqgħu għal dan it-tip ta’ xogħol, mingħajr ma niskużahom, jagħmlu għax ikollhom bżonn il-flus.”
Iżżid tgħid li din il-problema qed tikber għax hemm nies involuti li għandhom pożizzjoni b’saħħitha.
“Is-soluzzjoni għalija hi aktar liġijiet b’saħħithom u li l-UE tgħin lill-pajjiżi li minnhom qed jittraffikaw lin-nisa biex in-nies tagħhom ma jkollhomx għalfejn joħorġu minn pajjiżhom jew li joħolmu li jmorru xi mkien aħjar bħal ma qed jiġri fl-immigrazzjoni illegali.”
Zammit ma temminx li Malta hi maqtugħa minn dan il-fenomenu u ssostni li l-prostituzzjoni mhix dik biss li naraw fil-Marsa jew fil-Gżira iżda wkoll dik li ssir fil-lukandi u postijiet oħra minn nisa barranin.
Nitħaddtu dwar suġġett ieħor li għandu x’jaqsam mas-sess u l-abbuż tiegħu: l-istupru. Zammit, minbarra li hi artista, hi kittieba wkoll u l-aħħar xogħol tagħha kien Torn Velvet: A Story about Rape li jittratta stupru fuq tfajla minn bniedem b’pożizzjoni għolja fis-soċjetà.
Tistqarr li kellha namra għall-kitba mindu kienet żgħira iżda kienet waslet f’punt fejn ma riditx tibqa’ tikteb aktar stejjer romantiċi imma ħasset il-missjoni li tirrakkonta affarijiet aktar serji.
“Ktibt dwar stupru għax is-suġġett ftit kien għadu ġie trattat fil-letteratura Maltija. Kieku kont raġel kont nagħmel kapitlu dwar kif seħħ l-istupru. Imma ma ridtx noħloq sensazzjoni u kont naf li xi nisa jew irġiel li kienu ġew stuprati se jaqraw dan il-ktieb.
“Allura ddeskrivejt x’qed jiġri mingħajr ma dħalt f’ħafna dettall u profondità. Ridt nurihom li mhumiex weħidhom. Fil-fatt kien hemm ċerti rġiel li ġew fuqi u qaluli li ma kontx profonda biżżejjed. Imma dak hu minħabba l-fetish tagħhom.”
Tgħid li l-akbar sodisfazzjoni kien li n-nies saru jafu aktar dwar l-istupru u marru jfittxu l-għajnuna.
“Mira oħra kienet is-sex offenders. Jien ħdimt magħhom dawn l-irġiel. Naf xi jħossu u xi jkun għaddej minn moħħhom. Uħud minnhom naħseb li ma jerġgħux jagħmlu li għamlu bil-biża’ tal-Qorti u l-ħabs għax jekk tagħtihom iċ-ċans jeħduh u jerġgħu jwettqu r-reat.”
Spjegat li permezz tax-xogħol tagħha hi qatt ma tara stupraturi imma ġieli kellha każijiet ta’ nies li jkunu għamlu attentat ta’ stupru fuq adulti u minuri, pornografija tat-tfal fuq l-internet, stalking, esebituri (dawk li jikxfu ġisimhom fil-pubbliku) u atti oħra li joffendu l-pudur tal-persuna.
“M’hawnx trattament għalihom. Jingħataw trattament mediku u psikoterapewtiku imma waqt il-probation. F’dan iż-żmien joqogħdu attenti ħafna għax jafu li qegħdin jiġu osservati u jekk jagħmlu xi bawxata jkunu jafu x’qed jistennihom.
“Il-kwistjoni hi li sakemm hemm il-biża’
tal-Qorti u l-ħabs dawn joqogħdu. Imma wara li tispiċċa s-senstenza?”
B’dik il-mistqosija tiftaħli l-bieb għal oħra iktar kontroversjali. Dawn l-irġiel huma vittmi?
“Ifhem: il-fatt li raġel jeċita ruħu għal tifla u mhux għal mara jkun jaf li hemm xi ħaġa ħażina. Jien ma nagħtihomx tort sa barra għax uħud minnhom ikunu ġew abbużati huma stess. Imma nipprova nkun bilanċjata għax meta tara fl-isptar l-istat tat-tfal abbużati li jidħlu fih issir diffiċli. Hemm bżonn ta’ skema ta’ superviżjoni permanenti.”
Zammit se tittratta l-pornografija tat-tfal u l-pedofelija fil-ktieb li jmiss, Tfal Misruqa, li hu ispirat mill-każ ta’ Madelaine McCann u se jkun fih ukoll l-element tal-paranormal. Meta ssemmi l-pedofelija ma tistax ma ssemmix ir-reġistru tal-pedofili. Nistaqsiha taqbilx li jsir wieħed f’Malta.
“Naqbel u ma naqbilx. Malta pajjiż żgħir u malajr biex tpattiha lil xi ħadd tabbuża mir-reġistru. Narah daqsxejn perikoluż. Allura iktar naħseb għandu jkun hemm sistema li titniżżel fil-kondotta milli fir-reġistru.”
Indawwar is-suġġett lura għall-istupru fuq
in-nisa. Kull mara qiegħdha f’riskju li tiġi stuprata jew hemm nisa li qegħdin f’riskju akbar minn oħrajn?
“Naħseb li mhemm l-ebda mara li hi f’riskju akbar minn ħaddieħor u m’għandux x’jaqsam l-ilbies. Meta mara tilbes ċertu lbies ma tilbsux biex tgħid lir-raġel: ‘Ejja orqod miegħi’ imma biex tesprimi l-femminilità tagħha. L-istess jekk tifflertja.
“Mhemmx età għan-nisa u rġiel stuprati. Kien hemm każ ta’ mara anzjana li kienet liebsa diċenti u ġiet stuprata. Kien hemm każijiet ta’ nies morda f’qiegħ ta’ sodda jew anki ma’ nies mejtin.
Fil-gwerra tintuża bħala poter.
“L-istupru hu impuls. Hawn irġiel tant għandhom impulsi sesswali qawwija li ma jkunux jistgħu jikkontrollawhom hix tifla, mara jew annimal, l-aqwa li jissodisfahom. Jiddependi dejjem
mill-individwu.”
Issemmi li fl-istupru hemm element ta’ rabja li tort tagħha l-istupratur jispiċċa joqtol lill-vittma. Hemm ukoll min jagħmilha biex jiddomina lill-mara. Titkellem dwar il-fażijiet li jgħaddu minnhom l-istupraturi.
“Ħafna drabi dawn idumu ħafna biex jaċċettaw li stupraw mara. Din tkun l-ewwel fażi. Meta jgħaddu għat-tieni, li jkunu aċċettaw li stuprawha, imbagħad jgħidulek li hi stednithom jew li kienet miexja b’ċertu mod.
“Il-kriminali jdumu biex jaċċettaw reat li jwettqu anki jekk ikunu daħlu fuq xi ħadd anzjan u sawtuh. Ma jkollhomx empatija. Meta jaċċettaw jibdew jistħu u jħossuhom ħatja. L-empatija tiġi
bil-psikoterapija.”
Titkellem ukoll dwar il-vittmi u l-ħtieġa ta’ rape crisis centre.
“Il-vittmi jerġgħu jiġu stuprati mis-sistema. L-ewwel nett il-vittma tkun taħt xokk u tmur tinħasel. B’hekk jintilfu ħafna traċċi li jkun ħalla l-istupratur.
“Il-Pulizija wkoll għandha bżonn ta’ aktar taħriġ, mhux għax mhumiex, imma hemm bżonn li jkun hemm pulizija apposta. Nippreferi kieku jkun hemm ċentru apposta li persuna tmur tirrapporta fih minflok fl-għassa biex ikollha aktar għajnuna u l-appoġġ meħtieġ.
“Mhux qed nitkellem dwar stupru biss. Dan seta’ kixiflek ġismu. Lanqas jekk tkun ta’ ċerta esperjenza u tkun assertiva għax ukoll jaħsdek. Aħseb u ara jekk ma tkunx.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Mary Anne Zammit, kelliema għall-AD
Editorijal

Il Punt
Adrian Grima

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|