Wenzu Mintoff | 07 ta’ Diċembru 2008 Nr 109

Toni Abela ħabib tiegħi tal-qalb għal iktar minn raġuni waħda.
Qattajna flimkien l-isbaħ żmien u anki l-ikreh. Il-Perit Mintoff fiż-żmien li kien għadu dilettant taż-żwiemel u tas-sarċijiet, lili u lil Toni kien isejħilna l-parilja. Kien hawn min kien isibna bħal id-di u d-do u mhux l-ewwel darba li sibna lil min lili jgħajjatli Toni u lilu jgħajjatlu Wenzu.
Ilna nafu lil xulxin ’il fuq minn 30 sena meta ltqajna l-ewwel darba l-Freedom Press. Bħalma jagħmlu l-akbar ħbieb, mhux l-ewwel darba li kellna argumenti sħan bejnietna kollha xrar, imma b’xi mod jew ieħor kollox jerġa’ lura għan-normal. Karattri għal kollox differenti imma sħab fl-istess ħsibijiet u ideali politiċi u turbulazzjonijiet li għaddejna minnhom flimkien fi żminijiet diffiċli.
Kemm-il darba konna viċin li ‘noqtlu’ lil xulxin. L-eqreb kien dakinhar li żżewwiġt u hu kien ix-xhud tiegħi. Ftit sigħat qabel it-tieġ, biċ-ċajt qalli li se jiġi tard biex iħallini nistenna. Żamm kelmtu għax hekk għamel u ħalla l-għarusa tistenna aktar minn 20 minuta barra fuq iz-zuntier fil-bard ta’ Frar u x’ħin daħal il-Katidral kont vampa nar għalih u tgħidx kemm bgħattu jieħdu minn taħt l-ilsien.
Konfessuri
F’termini ekklesjastiċi kieku t-tnejn li aħna konna qassisin jew patrijiet, u hu diġà kien nofs wieħed, x’aktarx li konna nkunu l-konfessuri ta’ xulxin. Lil Toni Abela jistgħu jgħidulu ħafna affarijiet u jagħtuh ħafna titli bħalma qed jagħmlu l-propogandisti apoloġisti Nazzjonalisti bħalissa kif imdorrija jagħmlu ma’ kull min kellu pożizzjoni fit-tmexxija Laburista. Jiddemonizzaw mhux l-aktar lill-persuna imma fuq kollox lill-partit li jirrappreżenta.
Imma li żgur ma jistgħux jgħidu fuq Toni n-Nazzjonalisti li mhux ġenwin, ta’ prinċipju u l-politika jeħodha minn sens ta’ missjoni u mhux minn sens ta’ x’jista’ jakkwista. Ftit tal-ġimgħat ilu rħew il-ħarira li Toni Abela hu xi estremist militanti li ma tirraġunax miegħu, speċi fossila li ġejja minn żmien l-Għar Dalam politiku ta’ dan il-pajjiż.
Il-verità hi ferm ’il bogħod minnhekk. Irħew din il-ħarira u l-pappagalli u figatelli fil-gallinar politiku Nazzjonalista jirrepetu wieħed wara l-ieħor l-istess diska li tant tiżżarżar li jkun hawn min teħel ma’ moħħu u ma lsienu u jibda jemminha hu wkoll.
L-ikbar ħasra hi li l-bumbardament mill-kanuni Nazzjonalisti tant hu qawwi li għandu ħabta jikkundizzjona anki lil min ġej mix-xaqliba Laburista. Ftit huma dawk il-Laburisti li meta jsir xi survey tal-udjenzi tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju li jammettu li jsegwu n-NET, meta fil-fatt il-kumpless ta’ inferjorità tant hu kbir li mhux biss isegwuh imma jħalluh jikkundizzjonahom.
Ħa nagħmluha ċara, Toni m’għandu bżonn l-ebda difiża. Hu kapaċi aktar minn biżżejjed biex jiddefendi lilu nnifsu. Imma nħoss li għandi ngħid l-affarijiet kif inhuma u kif inħosshom għax jekk xejn meta nkun qed niddefendi lilu, xi ftit jew wisq inkun qed niddefendi lili nnifsi wkoll.
Toni bin il-ħaddiem. L-għeruq tiegħu mill-iktar umli imma trabba f’għożża kbira. Laħaq fejn laħaq b’ħiltu u bl-għaraq ta’ xbinu. Hu t-tip ta’ bniedem li għalkemm qatt mhu se jinsa l-għeruq soċjali tiegħu m’għandu l-ebda laqxa fuq spallejh li timlieh bil-preġudizzji kontra min twieled b’kuċċarina tal-fidda f’ħalqu.
Moħħ miftuħ u intelliġenti. La qatt kien yes man u lanqas qatt ma kien jehda bl-ortodossija u l-estremiżmu politiku, kif qed jippruvaw ipenġuh illum in-Nazzjonalisti.
Għall-kuntrarju hu u jien konna minn ta’ quddiem nett biex dawk li tebbgħu isem il-Partit Laburista fit-Tmeninijiet bil-vjolenza u l-korruzzjoni, jiġu kkontrollati u mwarrba.
In-Nazzjonalisti dak iż-żmien rewħu u strumentalizzaw kemm felħu l-kwistjoni tal-vjolenza u l-korruzzjoni biex javvanzaw l-interessi politiċi tagħhom. Aħna meta għamilna ħilitna biex il-Partit jindaf, konna nafu li qed nirriskjaw l-prospetti politiċi tagħna personali. Kien ferm aktar faċli tigdem ilsienek, tistenna, tara u titla’ skaluna skaluna l-iskalapiża politika, milli toħroġ għonqok u titkellem kif għandek titkellem bil-konsegwenzi kollha li dan seta’ jkollu.
Imma n-Nazzjonalisti u l-apoloġisti tagħhom fil-media ma tinteressahomx il-verità tal-fatti. Għax għandhom is-saħħa fil-media indipendenti u għax jaħsbu li ħafna min-nies għandhom memorja qasira, jaħsbu li lil dak li jkun jistgħu jlibbsuh il-libsa li jkunu fasslulu huma u mhux il-libsa li verament tixraqlu.
Fiż-żmien meta konna ħriġna kontra dawk li kienu waqqgħu ġieh il-Partit, in-Nazzjonalisti dak iż-żmien ma kinux jgħidu li aħna konna estremisti u fanatiċi, imma kienu jikkwotawna fid-diskorsi tagħhom u jippruvaw jinqdew bina kemm jifilħu.
L-akbar qatgħa ta’ ħajti kienet tkun meta ġieli Fenech Adami jew Guido Demarco kienu jsemmuna fid-diskorsi tagħhom biex isawtu lill-gvern ta’ dak iż-żmien.
Fl-1977 meta kont għadni lanqas għalaqt is-17-il sena kienet saret il-famuża ċerimonja tal-gradwazzjoni meta għamel l-orazzjoni f’isem l-istudenti Michael Frendo u Anton Buttigieg u Philip Muscat ħarġu ’l barra miċ-ċerimonja bi protesta għal xi rimarki li Frendo għadda fil-konfront tagħhom.
L-Università dakinhar kien inqala’ pandemonju sħiħ u ssawtu wkoll xi studenti. Aħna konna nimmilitaw fl-għaqda tal-istudenti Laburisti Università u ddeċidejna li noħorġu stqarrija li tikkundanna dawk l-atti vjolenti. Ħassejna li ma stajniex inkunu kredibbli mal-istudenti sħabna u nidħlu fi djalogu ġenwin magħhom jekk ma nikkundannawx il-vjolenza, iktar u iktar jekk tkun saret min-nies tal-partit tagħna stess.
L-għada nieħdu qatgħa kbira meta nsib ismi u isem sħabi fl-ewwel paġna tan-Nazzjon għax de Marco li b’ħanġra daqshiex beda jgħajjat min-naħa għall-oħra tal-kamra “anki sħabkom l-istudenti soċjalisti qed jikkundannawkom.”
Ridt l-art tiblagħni ta’ daqxejn żagħżugħ li kont, imwerwer li spiċċajt fil-crossfire tal-partiġġjaniżmu politiku għax konna għedna dak li ħassejna li kien sew li ngħidu f’dawk iċ-ċirkostanzi diffiċli.
In-Nazzjonalisti ma kienx jinteressahom li l-affarijiet isiru sew f’dan il-pajjiż, imma kienu jrewħu kemm jifilħu fuq il-ġamar, jipprovokaw u jxewxu biex imbagħad joqogħdu jilagħbuha tal-martri u tal-vittmi.
Kull vuċi ta’ dissens fil-Partit Laburista kienu joħonquha u jifgawha huma stess meta kienu jagħmlu kapital politiku partiġġan minnha. Mhux li l-verità u s-sewwa jirbħu żgur li kien jinteressahom imma moħħom kien li jċappsu n-nies magħhom u li jinqdew bihom.
Għad-differenza ta’ dawk li xi darba jew oħra xellfuha mal-Partit Laburista u li spiċċaw trakkati mal-Partit Nazzjonalista, aħna kkritikajna fejn ħassejna li għandna nagħmlu dan għax xtaqna partit aħjar milli kien u żgur mhux biex inpaxxu lin-Nazzjonalisti.
Biex inkunu konsistenti magħna nfusna u ma’ dak li nemmnu fih, jekk iġġiliedna l-korruzzjoni fi żmien il-Labour, bl-istess mod kellna niġġieldu l-korruzzjoni taħt in-Nazzjonalisti, li żgur ma kinux neqsin minnha.
U għax ma qgħadniex lura milli nagħmlu dan, jekk meta konna nikkritikaw lil ċerti elementi fil-Labour, għan-Nazzjonalisti konna meqjusa bħala moderati li jiġu kkwotati fl-ewwel paġna tal-gazzetti tagħhom, fid-daqqa u l-ħin, meta bdejna nikkritikaw lilhom spiċċaw isejħulna estremisti fanatiċi.
Il-grillu
Tabilħaqq l-ixkubetta fiha l-grillu u kulħadd iqabbel kif jaqbillu. Min-Nazzjonalisti ma nistenna xejn aħjar jew differenti minn hekk. Biss però nissorprendi ruħi u dak li ma nistax naċċetta hu l-fatt li minn ġo ħdanna stess ikun hemm min iħalli l-kundizzjonament Nazzjonlista jagħmel bih tant li jibda jemmen dak li jgħidu n-Nazzjonalisti li b’Toni u Anglu, Joseph Muscat għandu żewġ mażżri ma’ saqajh.
Jekk biex il-Laburisti jirbħu lin-Nazzjonalisti ta’ bilfors iridu jkunu bħan-Nazzjonalisti u jirraġunaw f’kollox bħalhom, allura lanqas ħaqq dak l-isforz u dik l-enerġija kollha biex tintrebaħ l-elezzjoni għax jekk jiġri dan xorta se jkunu baqgħu n-Nazzjonalisti fil-Gvern.
Jekk se nħallu l-kondizzjonament tagħhom jagħmel bina, inkunu qed inħalluhom jiddettawlna l-aġenda tagħna mhux biss f’dak li hu kontenut imma anki fl-għażliet tal-persuni li jridu jmexxu ’l quddiem l-aġenda tagħna.
Ħa jaġġorna ruħu maż-żminijiet kemm hemm bżonn il-Partit Laburista biex il-politika tiegħu tibqa’ rilevanti u tħoss il-ħin kollu l-polz tan-nies. Imma allaħares qatt għad naslu fil-punt li ċ-ċentru lemin f’dan il-pajjiż tant iħossu rebbieħ u trijonfanti li jippretendi li jista’ jiddetermina, direttament jew indirettament, l-għażliet u d-deċiżjonijiet li jridu jsiru fil-kamp oppost. |
|
Franica Pulis tintervista lit-tabiba Charmaine Gauci
Editorijal

Il Punt
J.G. Vassallo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|