Intervista | 07 ta’ Diċembru 2008 Nr 109
Franica Pulis tintervista lit-tabiba Charmaine Gauci
Il-kwistjoni jekk għandux ikun hemm magna tal-kondoms fl-Università ilha titqajjem minn sena għal sena sa mill-1993. Ħmistax-il sena wara din l-imbierka magna għadha fantażma fuq il-kampus daqs is-Soru l-Bajda fit-toilets tal-iskejjel primarji.
Għalkemm issa forsi hemm xaqq dawl għax għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard.
“Se niddiskutuha fil-politka tas-saħħa sesswali. Trid tara x’inhuma l-implikazzjonijiet. Hawn min jgħid li bil-magni se tinkoraġixxi s-sess. Ħaddieħor jgħid li xorta se jsir imma mbagħad mhux se jkun hemm il-kondoms disponnibli. Se tkun diskussa mal-Ministeru tal-Edukazzjoni,” qalet Charmaine Gauci, id-Direttur tad-Dipartiment.
Iltqajna mat-tabiba fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-AIDS, jum li jservi biex tal-inqas darba f’sena tinfetaħ tieqa fuq il-bżonn ta’ kampanja sostnuta ta’ edukazzjoni sesswali.
F’Malta hawn 109 persuni infettati bl-AIDS jew bl-HIV. Biex ifakkar dan il-jum id-Dipartiment nieda kampanja ġdida ABCD, ibbażata fuq dik proposta mill-għaqda dinjija tas-saħħa, immirata lejn iż-żgħażagħ biex jipproteġu kemm jistgħu lilhom infushom sesswalment.
Gauci titkellem dwar l-għan tal-kampanja u x’messaġġ se tibgħat.
“Irridu nsaħħu r-relazzjonijiet sesswalment b’saħħithom u nevitaw mard infettiv li jiġi trasmess sesswalment. Fil-messaġġi tagħna nimxu fuq il-kampanja ABCD.
“L-‘A’ hi astinenza. Hi l-uniku mod li biha tevita kompletament l-mard trasmess sesswalment. Jekk għandek koppja f’relazzjoni importanti li jkun hemm komunikazzjoni bejniethom u li jsir ftehim dwar is-sesswalità tagħhom u l-att sesswali.”
Iżżid tgħid ukoll li anki waqt relazzjoni soda bejn tnejn min-nies li huma fidili lejn xulxin (il-‘B’ ta’ Be Faithful) xorta jista’ jkun hemm bżonn ta’ kondom minħabba li xi ħadd minnhom jista’ jkun li kellu jew kellha relazzjonijiet sesswali oħra li minnhom seta’ ġie infettat b’xi mard. Issemmi li min għandu xi suspett li seta’ nfetta ruħu għandu jagħmel it-testijiet neċessarji.
Tkompli tispjega dwar il-kampajna.
“F’ħajja fejn persuna tagħżel li jkollha aktar minn partner wieħed imħeġġeġ li jintuża l-kondom u jintuża b’responsabbiltà (is-‘C’ ta’ use condoms responsibly) u kull meta jsir is-sess. Il-kondoms mhumiex 100 fil-mija effettivi biex jevitaw mard trasmess sesswalment speċjalment dak li jittieħed meta ġilda tmiss ma’ oħra. Iżda xorta nħeġġu li jintuża għax hu l-uniku mod li bih jitnaqqas ir-riskju ta’ mard. Hu importanti li jintlibes sew.”
Issemmi wkoll d-‘D’ li tfisser ‘don’t do drugs (tiħux drogi)’. Tispjega li l-istess mard li jiġi trasmess sesswalment, bħall-HIV, AIDS u l-Hepatitis B u Ċ, jista’ jittieħed minn siringi użati u għalhekk jenfasizzaw fuq din ukoll.
“Hawnhekk noffru siringi nodfa b’xejn lil min jagħmel użu regolari mid-droga. Veru li dawn in-nies qegħdin jagħmlu ħażin lilhom infushom imma sakemm qed jippruvaw jaqtgħu l-vizzju għallinqas ma jżidux il-ħsara b’xi mard infettiv ukoll.
“Mad-droga npoġġu wkoll l-alkoħol. M’aħniex ngħidu li hu droga imma hemm ħafna nies li jkollhom one-night stands meta jkunu taħt l-effett tal-alkoħol.”
Kompliet tgħid li l-poster sar b’karattri ta’ cartoons biex jiġbed aktar għajn iż-żgħażagħ u dan se jitwaħħal fit-toilets tal-postijiet ta’ divertiment li huma jiffrekwentaw. Għal Jannar se jeħlu wkoll mal-bus shelters.
Terġa’ tenfasizza dwar it-testijiet li jinħtieġu l-aktar għax mard bħal gonorrea u chlymadia mhux dejjem ikollhom sintomi allura ma titteħidx il-kura meħtieġa f’waqtha. Ir-riskju li jkun hemm konsegwenzi serji bħall-infertilità fil-persuna jekk ma jiġux ikkurati fil-ħin. Dawn it-testijiet jistgħu jsiru fil-GU Clinic fi Sptar Boffa li għalihom anki tista’ tibqa’ anonimu. Minbarra li dak li jkun dejjem jista’ jmur għand tabib.
Nistaqsiha dwar il-punt li tqajjem mit-tabib Irlandiż Derek Freedman dwar l-Isptar Boffa. Hu qal li l-GU clinic toffri ftit privatezza lil dawk li jkunu qegħdin jistennew għat-tabib, xi ħaġa li tista’ ttellef milli n-nies ifittxu għall-għajnuna.
Wieġbet li bħalissa bħala dipartiment qegħdin jaħdmu fuq pjan ta’ azzjoni parti mill-politka għas-saħħa sesswali li ma tittrattax biss il-mard trasmess sesswalment imma anki relazzjonijiet, taħriġ, edukazzjoni fl-iskejjel, kura, promozzjoni għas-saħħa, sorveljanza u riċerka.
“Il-politka se titfassal fuq stat komplet ta’ saħħa fiżika, mentali u soċjali. Fiżika fis-sens ta’ mard. Mentali bħala konsegwenzi emozzjonali, fosthom meta persuna ġġarrab tqala qabel iż-żmien jew jitlaqha partner. Soċjali fil-mod ta’ kif tinterpeta l-affarijiet is-soċjetà ta’ madwarek.
“Qed naraw x’inhi s-sitwazzjoni u x’hemm bżonn jitranġa. Mhux il-GU clinic biss imma anki dawk in-nisa li minflok imorru għand il-ġinekologu.”
F’pajjiż fejn il-Knisja għad għandha ċerta saħħa, kemm tħoss li din qed tagħti kontribut jew qed ixxekkel?
“Kulħadd jagħżel l-istat ta’ kif irid jimxi hu. Jekk persuna ddeċidiet li tastjeni, ħadet dik id-deċiżjoni fuq il-morali u t-twemmin tagħha. Aħna niggwidaw lil dak li jkun biex ikollu relazzjonijiet sesswali b’saħħithom.
“Jekk persuna ddeċidiet li jkollha aktar minn partner wieħed, jien nirrispetta dik id-deċiżjoni. Imma aħna rridu nkunu responsabbli li ninfurmawha x’għandha tagħmel biex tipproteġi ruħha u tevita l-mard.
“Bħala professjonisti mediċi għandna dejjem nagħtu l-informazzjoni dwar l-użu tal-kondoms għax hu dmirna li nipproteġuhom. Idealment kulħadd jistenna li jagħmel is-sess wara ż-żwieġ u l-koppja tibqa’ fidila lejn xulxin. Imma r-realtà f’ċerti każi hi oħra. Jekk persuna għażlet dik it-triq jien obbligata ninfurmaha.”
Kuntenta bl-edukazzjoni li l-istudenti qed ikollhom bħalissa biex ikunu assertivi u fejn hemm bżonn jgħidu ‘le, ma rridx’ jew ‘ilbes kondom’?
“Il-figuri li qed naraw juru li rridu naħdmu aktar. Il-GU clinic tara numru sostanzjali ta’ żgħażagħ li huma sesswalment attivi u li jesponu rwieħhom għal riskji.”
Iżżid tgħid li bħalissa d-Dipartiment għandhom pjan ta’ ħidma mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex tissaħħaħ l-edukazzjoni tas-saħħa sesswali.
“M’għandekx biss l-iskejjel imma anki l-ġenituri. L-ewwel trid tibda milli l-ġenituri ikunu mudell tajjeb għal uliedhom u jkunu l-ġenituri stess li jgħallmuhom dwar ir-relazzjonijiet. Importanti wkoll li l-ġenituri jkunu jafu x’qed jiġri fl-iskola fil-kurrikulu tat-tfal biex jgħinu u jinkoraġġixxu lil uliedhom. Ċerti skejjel ilaqqgħu lill-ġenituri qabel ma ċerti temi jibdew jittrattawhom fil-klassi biex jippreparawhom.
“Normalment l-adoloxxenti li jkollhom problemi jew mistoqsijiet ta’ natura sesswali jduru fuq sħabhom għal parir mhux fuq il-ġenituri. Għalhekk għandha tissaħħaħ ir-relazzjoni biex dawn imorru fuq il-ġenituri tagħhom u jingħataw parir tajjeb.”
Ittenni li fil-pjan ta’ azzjoni se jaraw x’inhuma l-aħjar metodi kif jittrattaw l-istudenti u lill-ġenituri tagħhom. Minbarra dan se jaħdmu għal reviżjoni fil-kurrikulu li jinkludi taħriġ għall-għalliema.
Mistoqsija dwar l-iskejjel tal-Knisja u kif se jaħdmu magħhom peress li sentejn ilu kienet qamet kwistjoni meta tqassam stħarriġ li kien jinkludi l-attività sesswali fl-iskejjel sekondarji kollha, Gauci tgħid: “Diġà kellna laqgħa ma’ rappreżentanti mill-Knisja. L-istudju ħa jerġa’ jsir fl-2010. Qed naħdmu flimkien biex naraw kif nistgħu naħdmu mal-iskejjel kollha. Hemm punt ta’ djalogu. Għandna nżommu saqajna mal-art għax għandna bżonnhom dawn l-istatistiċi. Ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom. Jien li rrid noħroġ minn dan l-istudju hi l-verità biex nolqtu l-problema.”
Id-diskussjoni taqa’ fuq jekk hemmx bżonn li l-edukazzjoni sesswali tiġi mgħallma minn età ta’ ħames snin bħalma qed jiġri fir-Renju Unit.
“Iktar ma tibda mindu tkun żgħir iktar aħjar għax mhemmx tabùs għat-tfal. Tibdielhom billi turihom kif inhu l-ġisem ta’ tifel u dak ta’ tifla. Tgħallimhom iħobbu lil ġisimhom u jirrispettawh. Jekk tħobb lilek innifsek, li mhix xi ħaġa ħażina, diffiċli tasal tagħmel ħsara lilek innifsek.”
Insemmilha punt ieħor importanti li ssemma mit-tabib Freedman fl-intervista dwar li dan iż-żmien is-sess sar kumdità li tagħmlu anki ma’ xi ħadd li lanqas biss taf x’jismu. Hu semma l-periklu li jekk xi ħadd ikollu x’jaqsam ma’ persuna anonima jiġi djanjostikat b’marda, dan lanqas biss ikun jista’ javża lill-persuna l-oħra dwarha.
Fil-fatt mill-aħħar rapport tal-GU clinic, 42 fil-mija tal-pazjenti li żaru l-klinika qalu li l-aħħar partner li kellhom kien każwali u 64 fil-mija ammettew li qatt ma jużaw il-condom: taħlita perikoluża kif jgħid it-Tabib Philip Carabot.
Id-Dipartiment kif qed jirrispondi għal din it-tip ta’ kultura li donnha qed tiżdied aktar ma jgħaddi ż-żmien?
“Dik hi l-problema li għandna. Meta nirċievu notifika ta’ mard trasmess sesswalment nitkellmu mal-persuna involuta biex naraw ma’ min saru l-kuntatti. Qed niltaqgħu ma’ każi, li mhumiex taż-żgħażagħ kollha, li ma jkunux jafu min kien il-partner għax ikunu taħt l-effett tal-alkoħol. Ġieli lanqas jiftakru kellux xagħru isfar jew iswed.
“Meta jkollna każ notifikat nippruvaw insibu l-partners involuti biex dawn jagħmlu t-testijiet meħtieġa u fejn hemm bżonn jieħdu l-kura. Dawk li jkunu ma’ partner fiss normalment iħeġġuh huma biex jieħu l-kura. Iżda meta jkollok il-one-night stands diffiċli ħafna. Ix-xogħol ta’ contact tracing isir mit-tobba fi ħdan dan id-Dipartiment u b’mod kunfidenzjali. It-Tabib Philip Carabot ukoll jgħinha f’dan ix-xogħol u jagħmlu hu wkoll.”
Id-diskussjoni taqa’ fuq l-ewwel studju li Frances Camilleri Cassar ħarġet dwar id-date rape fost studenti Universitarji tfajliet li kellhom bejn it-18-il sena u l-24. L-iktar figuri xokkanti li spikkaw kienu li 22 fil-mija saritilhom pressjoni biex jagħmlu s-sess,12 fil-mija beżgħu li tieqaf ir-relazzjoni u 16 fil-mija beżgħu jgħidu ‘le’.
“Irridu naslu li ż-żgħażagħ tagħna jkunu assertivi biżżejjed biex jieħdu d-deċiżjoni huma u mhux b’xi pressjoni fuqhom. Trid l-assertiveness u l-empowerment,” temmet tgħid it-tabiba. |
|
Franica Pulis tintervista lit-tabiba Charmaine Gauci
Editorijal

Il Punt
J.G. Vassallo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|