Wenzu Mintoff | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Gvern ta’ ‘żewġ uċuh’ bħal ma ngħidu bil-Malti mhix eżatt bħal ‘Gvern double face’ kif jifhmuha l-Ingliżi. Madankollu t-tnejn joqogħdulu lill-Gvern li għandna.
Bħal ma joqogħdulu wkoll gvern wiċċu qiegħed, gvern wiċċu mċappas, gvern wiċċu ma jafx jistħi u anki gvern ta’ wiċċ b’ieħor.
X’ma nħobbux il-Malti bħala lsien mill-iktar ikkulurit u ffjurit li jagħtik biex torqom, iddomm u timrah. Ejja ngħiduha kif inhi: dan il-Gvern mhux nieqes mill-kreattività u l-inventività li għandha ħabta teċċella l-aktar fil-ħolqien ta’ taxxi ġodda. Ngħidu aħna minflok ma pprojbixxa l-użu tal-basktijiet tal-plastik u inċentiva l-basktijiet taċ-ċarruta jew tal-karta raffa, impona taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik li mad-daqqa t’għajn tidher insinifikanti, imma li se żżid id-dħul tal-Gvern meta tinħadem fuq il-mijiet tal-eluf u l-miljuni ta’ basktijiet.
Gvern li qabbad il-vixxri lil ħafna Maltin u Għawdxin b’dan l-aħħar baġit li għadu kif għamel, u ma setax jonqos li kien qed jippjana l-pass li jmiss, li jintaxxa r-riżultat ta’ dan il-vixxri kollu, id-drenaġġ. Ma nafx jekk din it-taxxa hix fuq kull vaska nkella jekk hux fuq kull spakkxin. Imbasta ma tkunx fuq kull bieb, li ma jmurx ikun hawn xi beċċun jiftakar f’dak li kien se jagħmel u qatt m’għamel il-Gvern ħajjien tal-Labour.
F’dittatura pulita u virtwali għal ħames snin, il-Gvern jipprova jkun kollox hu, jilgħabha tat-tradizzjonalista u fl-istess ħin iridha tal-modern. Jaġixxi ta’ konservattiv u jipproġetta ruħu ta’ progressiv. Irid jagħti x’jifhem li hu liberali u għandu ħabta jkun reazzjonarju fl-istess ħin. Partit fil-gvern li qisu supermarket kbir fejn issib minn kollox u anki l-maqlub tiegħu, fejn tagħżel dak li jogħġbok u tiskarta dak li ma jolqtokx. Dan il-Gvern tant hu totalizzanti, ħalli ma ngħidx totalitarju, li jekk tagħtih il-għala, irid ikun mhux biss il-Gvern imma anki l-Pppożizzjoni fl-istess ħin.
Forsi mhux eżatt gvern b’żewġ prim ministri, imma gvern fejn l-iktar wieħed pulikarja u prużuntuż jitlaq il-ħabel sat-tul kollu tiegħu fejn iwassal u jekk hemm bżonn anki sax-xifer. U meta nkunu għoddna ħadniha għal rasna ’l isfel, jiġi s-salvatur li jiġbed il-ħabel lura, anki jekk biċċa żgħira, biex jidher li qed isalvana minn xifer il-preċipizzju.
Ta’ partit demokristjan, populista u poplari li hu l-PN joffri l-illużjoni li kulħadd jista’ jħossu komdu taħt is-saqaf tiegħu: l-isfruttaturi u l-isfruttati, l-ispekulatur kuntrattur u dak li għandu l-ambjent għal qalbu, il-prostituta u anki r-ruffjan tagħha, lil min għandu xi forma ta’ kuxjenza li tnebbaħ għemilu u lil min m’għandu l-ebda skrupli, lil min jemmen ġenwinament fid-drittijiet tal-ħaddiema u lil min għalih il-ħaddiem tajjeb biss biex tużah, tagħsru u tarmih.
Minn partit tal-elit, tal-professjonisti, tal-kleru u tal-alta borgeżija, il-PN irnexxielu jittrasforma ruħu f’umbrella kbira biżżejjed biex kulħadd mis-sema ’l isfel jista’ jistkenn taħtha. Il-barrakka Nazzjonalista tant hi kbira li kulħadd jirnexxilu jsib rokna għal kenn fiha. Ħallik li fl-aħħar mill-aħħar xorta waħda baqgħu l-vera ftit tal-elit li jiġbdu l-ħbula u l-kotra fl-għeruq li jiġbdulha l-ispaga.
Bernardo Provenzano
Fuq livell differenti, anki jekk mhux sa barra, ngħid għalija qatt ma niżżilt il-fatt li fil-Knisja tagħna l-kelma t’Alla kulħadd jinterpretaha kif irid hu, tiġġebbed bħal lakstuwa u flessibbli biżżejjed biex kulħadd iħossu komdu jmur il-Knisja biex iserraħ il-kuxjenza, jiskorri jekk jieħu l-intrigu u barra bid-daqq, dnubietu maħfura.
Kristu Sidna li ġie fostna biex jisħaq fuq il-ħaqq, il-ġustizzja u l-ħniena qiegħed on record li ma riedx jagħmel suq mill-knisja tiegħu. Tabilħaqq il-Knisja bħar-ragħaj it-tajjeb, għandha l-missjoni li tipprova tiġri wara kull nagħġa mitlufa.
Imma anki f’dan il-każ jagħmel sens li x’imkien tinqata’ linja u mhux jitħalla lil kulħadd jgħaddi minn għajn il-labra. Veru li bħala Nsara suppost li ma niġġudikawx, imma pereżempju b’liema loġika tista’ qatt tifhem kif il-boss Mafjuż Bernardo Provenzano li kien wara l-qtil tal-imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, u kien qatel ukoll tifel ta’ wieħed mafjuż pentit billi litteralment ħallu u dewbu f’tank tal-aċtu, waqt li kien għaddej b’dan kollu, kien isib il-faraġ tiegħu fit-talb lis-santi tal-qaddisin?
Anki biex jaħilfu lealtà lejn Cosa Nosta, fir-rit ‘folkloristiku’ li jużaw, ixerrdu d-demm minn subgħajhom fuq xi santa reliġjuża mqattgħa.
Fit-twemmin, kemm dak reliġjuż u dak politiku, l-importanti mhux is-santi jew is-simboli li jirrafigurawh imma eżattament xi jfisser, mhux x’jissejjaħ imma xi jsejjaħ. Li hu żgur li qatt ma jista’ jkun li Bernardo Provenzano u Padre Pio jkunu tal-istess fidi u twemmin għax tal-ewwel jiddelitta jġorr f’ħobbu s-santi tat-tieni.
Li għandu jiddistingwina mhux it-twemmin jew ir-reliġjon li nappartjenu għaliha imma l-kuxjenza u l-mod kif ngħixu.
Jista’ jkollok Kattoliku kollu santi u qdusija imma jkun l-akbar assassin. Imbagħad ikollok Musulman jew saħansitra xi ħadd ateu li ma jemminx f’Alla li ħalqu imma xorta jgħix ħajja eżemplari u qaddisa.
Gramsci
Dan iġibni għad-daqsxejn ta’ kontroversja li nqalgħet kmieni din il-ġimgħa fl-Italja meta l-Kardinal Penitenzjier Emeritu tal-Vatikan De Magistris iddikjara li Antonio Gramsci, il-fundatur tal-Partit Komunista Taljan li miet fil-ħabs priġunier ta’ Mussolini, ikkonverta għall-Kattoliċiżmu u ngħata s-Sagramenti fuq is-sodda tal-mewt tiegħu.
Skont dak li ngħad, fiċ-ċella tiegħu Gramsci kellu santa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Fl-aħħar ġranet ta’ ħajtu s-sorijiet li kienu jduru bih fil-klinika lil Gramsci tawh santa ta’ Kristu u dan biesha.
Dawn l-istejjer jaffaxxinawni għax fil-mument tal-mewt kulħadd, anki l-ikbar ateju, jista’ jinħakem mill-biża’ u mill-ansjetà ta’ x’jista’ jiġri minna wara din il-ħajja.
Li hu żgur li l-intenzjonijiet retti ta’ xi ħadd bħal Gramsci jiġu ġġudikati fuq il-mertu tagħhom u mhux jekk hux veru jew le li fl-aħħar ta’ ħajtu sarx devot ta’ Santa Tereża.
Iktar kmieni din il-ġimgħa Karmenu Mifsud Bonnici kien għoddu mbarka fuq waħda mill-kruċjati soliti tiegħu, għax kien hemm min ippropona bħala waħda mill-bidliet għall-Istatut tal-Partit Laburista tkun li r-referenza għall-“fehmiet u t-twemmin soċjalista demokratiku” tinbidel “għall-prinċipji soċjal-demokratiċi”.
Bir-rispett kollu lejn Dr Mifsud Bonnici, “what’s in a name?”
L-ikbar sfida mhux kemm insejħu lilna nfusna ‘soċjalisti’, imma x’infissru eżattament fiż-żminijiet li qegħdin ngħixu, b’‘soċjaliżmu’, ‘xellug’ u ‘prinċipji soċjal-demokratiċi’.
Irridu jew ma rridux il-kelma ‘soċjalista’ f’Malta, imma mhux biss, għal xi raġuni jew oħra, ġusta jew mhix, sar għandha konnotazzjonijiet negattivi li jfakkru lil numru mdaqqas ta’ nies fi żminijiet ta’ ħafna nkwiet bla bżonn.
Anki jekk is-soċjaliżmu f’Malta għamel ħafna ġid mal-ftit deni li seta’ qabbad li xi wħud. X’jiswa li noqogħdu ninħlew fuq din it-tip ta’ semantika politika u nostalġija mill-passat jekk imbagħad ma nkunux kapaċi nirridefinixxu b’mod li jolqot u jispira lil ħaddieħor x’qed infissru eżattament b’xellug u soċjaliżmu rilevanti għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom? Jekk m’aħniex se narmaw irwieħna sew biex nirrispondu għal din l-isfida, li se jiġri hu li se nispiċċaw b’sens qawwi ta’ vojt ġewwa fina li jew jimtela bin-nostalġija li tiħdok lura minflok ’il quddiem, inkella agħar minn hekk, se jkun hawn min isostni li biex tirbaħ lill-PN trid bilfors tkun bħalu. |
|
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Editorijal

Il Punt
Louis Grech

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Minn Carmel Cacopardo
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|