Toni u Peppi | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Il-ħtieġa ta’ tibdil radikali fl-istatut tal-Partit Laburista ilha tinħass kważi 20 sena. Fl-Oppożizzjoni l-kitba kienet fuq il-ħajt u ridt tkun għami biex ma tilmaħx il-ħtieġa ta’ tibdil radikali fis-sistema regolatorja. Fil-fatt, mill-għada tar-riżultat elettorali, xi ħaġa fil-ġenetika politika ta’ dan il-Partit bdiet mill-ewwel tiċċaqlaq.
Lanqas kienu bdew deħlin l-ismijiet ta’ dawk li riedu jikkontestaw għal xi kariga li mhux kollha bdew jitkellmu fuq dawn ix-xorta ta’ tibdiliet. Saħansitra kien hemm kontestanti li ħarġu bi speċi ta’ manifesti elettorali jipproponu testwalment x’tip ta’ emendi jridu jaraw.
Wieħed minn dawn kien Joseph Muscat, li kif inħatar bħala mexxej, semma dawn it-tibdiliet fl-ewwel diskors tiegħu. Għalhekk l-emendi sostanzjali li qed isiru fl-Istatut huma frott ta’ ħtieġa li ilha tinħass u wegħdi li saru lid-delegati tal-Partit.
L-emendi li qed isiru fl-Istatut tal-Partit Laburista mhumiex biss fl-interess ta’ dan il-partit imma wkoll tal-pajjiż kollu li fl-aħħar mill-aħħar jaqbillu li wieħed mill-partiti kbar jaħdem tajjeb u b’mod effiċjenti, b’mod speċjali meta jkun fil-Gvern.
Iżda x’tibdiliet qed isiru? It-tibdiliet għandhom tliet oġġettivi. L-ewwel hu dak li l-organi tal-partit ikunu aktar iffukati fuq policies u diskussjonijiet ta’ sustanza. Għalhekk tnaqqas in-numru ta’ delegati iżda saru aktar rappreżentattivi. B’dawn l-emendi se jkun hemm preżenza ta’ aktar żgħażagħ u li s-sessi, kemm jista’ jkun, ikunu rappreżentati ndaqs. Għalhekk ukoll iddaħħlet il-possibbiltà li nies teknikament kompetenti jimiltaw fl-istrutturi tal-partit.
It-tieni oġġettiv hu dak li l-partit ikollu l-bażi tiegħu aktar wiesgħa u jkun applikat l-prinċipju tas-suffraġju universali anki f’dan il-kuntest. Għalhekk qiegħed jitwaqqaf dak li se jissejjaħ Kungress mhux biss biex il-membri tal-Partit flimkien mad-delegati jaħtru lill-mexxej, iżda wkoll biex jiġu konsultati fuq it-tfassil ta’ programmi elettorali u proġetti politiċi minn żmien għal żmien. Minbarra dan daħal il-prinċipju li anki fuq livell lokali, kull faxxa soċjali u anki fuq bażi ta’ sess u età jkollha ċertezza li tkun rappreżentata. Proprju fl-ispirtu ta’ dan kollu Għawdex qed ikun meqjus testwalment bħala reġjun għalih.
It-tielet oġġettiv hu dak li l-partit ikun aktar ħafif u ma jsibx l-ostaklu ta’ proċeduri pedantiċi u li ħafna drabi jfixkluh milli jaġixxi fil-ħin u mingħajr il-ħtieġa li bilfors kollox isir pubbliku meta b’hekk issir aktar ħsara milli ġid. Għalhekk inbidel radikalment il-mod kif tinżamm dixxipilina fi ħdan l-istrutturi kollha tal-partit u saħansitra kif jinħatru ċertu uffiċjali fi ħdan l-ogħla strutturi tal-partit mingħajr il-ħtieġa ta’ dibattitu inutli.
Minbarra dan qed tkun aċċertata l-possibbiltà ta’ attrazzjoni ta’ persuni bi kwalifiki fejn l-aktar li jkun hemm bżonnhom.
Iżda l-mistoqsija omm tal-mistoqsijiet kollha hi din: dan il-partit se jinbidel?
It-tweġiba hi fl-affermattiv fis-sens li l-partit qed jevolvi. Bħal ma evolvew partiti oħra, il-Partit Laburista wkoll għaddej minn dan il-proċess. Proċess li ilu biex isir.
Bit-tibdil fl-istatut ma jfissirx li dan il-partit qed jitbiegħed mit-twemmin u l-missjoni politika tiegħu. Anzi jekk ma ħareġ xejn ċar mill-workshops u anki l-konferenzi plenarji fuq dawn l-emendi hu li dan il-partit se jibqa’ l-alternattiva politika għax proprju għandu proposti differenti minn ta’ ħaddieħor.
Fil-fatt fil-kors tad-diskussjoni maratona ta’ ġimgħa tqanqlet il-kwistjoni jekk għandux ikun hemm referenza għas-soċjal demokrazija jew soċjaliżmu demokratiku. Mingħajr tlaqliq intagħżlet tal-aħħar.
Il-Partit Laburista li llum jagħmel parti mill-grupp tal-Partiti Soċjalisti Ewropej ried li bis-saħħa ta’ dawn l-emendi jagħmilha ċara li hemm distinzjoni ideoloġika ċara minn dawk li llum jagħmlu dikjarazzjonijiet psewdo-xellugin.
Għalkemm hemm tibdil fl-isem u fl-arma, fis-sens li għandha tingħata bixra moderna, l-importanti hu li se jkun ċar li dan il-partit jimxi fuq ideoloġija li dejjem ħaddan u differenti minn dik tal-partit fil-Gvern. Hawn min għandu interess li joħloq l-immaġini u l-perċezzjoni li f’Malta ma fadal l-ebda differenzi bejn iż-żewġ partit il-kbar jekk mhux ukoll li l-ideoloġija tal-partit fil-Gvern radmet lil kulħadd.
Id-dikjarazzjoni ta’ prinċipji u twemmin tal-Istatut il-ġdid fost l-oħrajn li membru ta’ dan il-Partit ma jistax ikun membru f’partit ieħor li ma għandux l-istess twemmin tal-Partit Laburista, hi dikjarazzjoni ċara ta’ din id-distinzjoni ta’ twemmin politiku.
Fl-aħħar nett irid jingħad li l-metodu tal-mod kif saru dawn l-emendi, jiġifieri l-workshops, kien esperiment fid-demokrazija parteċipattiva li kellu suċċess. Qatt qabel fl-istrutturi interni ta’ partit ma kien hemm proċess ta’ din ix-xorta u jidher li bħala metodu informali se jinżamm fuq bażi regolari b’antiċipu ta’ dibattiti politiċi u konferenzi ġenerali fil-Partit Laburista.
Jekk kellek tistaqsini liema hija l-iktar azzjoni pożittiva li ħa l-Partit Laburista ma kontx nagħżel it-tibdil li sar fl-istatut. Kont nagħżel xi ħaġa li forsi għal uħud tidher insinifikanti li iżda għalija hija pożittiva ħafna. Qed nirreferi għall-kampanja edukattiva li l-Partit Laburista, permezz tat-televixin u r-radju, qed jagħmel biex in-nies ma jaħlux dawl u ilma. Kampanja kontinwa li tissuġġerixxi miżuri konkreti kif ma taħlix. Jien konvint li din l-inizjattiva tal-Partit Laburista se twassal biex in-nies jaħlu anqas u aktarx jirċievu kontijiet inqas għolja minn kemm qed jimmaġinaw.
Ħa ngħiduha kif inhi: il-Partit Laburista kien politikament jaqbillu ma jimbarka fuq l-ebda kampanja biex lejlet il-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew in-nies jirċievu kontijiet għoljin! Ovvjament il-Partit Laburista se jagħmel kampanja b’din il-kampanja u għandu raġun jagħmel hekk għax din id-deċiżjoni se tagħmlu aktar kredibbli. Mhux għax din se tkun biżżejjed biex il-Partit Laburista jibda jitqies bħala Gvern alternattiv, iżda żgur li jekk jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn, fejn il-filosofija issir politika, fejn il-paroli jsiru azzjoni, naħseb li se jkun qabad triq li tagħtih aktar kredibbiltà.
Naħseb li hija ħaġa tajba ħafna li l-Brigata Laburista spiċċat. Jiena qatt ma qbilt mal-Brigata Laburista. Iżda illum iktar u iktar ma tagħmilx sens. Li bl-iskuża ta’ edukazzjoni jkollok tfal żgħar jimmarċjaw f’attivitajiet partiġġani mingħajr ma jifhmu fiex qed jieħdu sehem illum jista’ anke jitqies bħala abbuż.
It-tibdil fl-isem ma tantx ħassejt li huwa xi tibdil radikali. F’dan is-sens naħseb iktar ikun xieraq li jibdel ismu l-Partit Nazzjonalista! Jekk illum għandna partit f’Malta li żgur mhux ‘nazzjonalista’, dan huwa proprju l-Partit Nazzjonalista. Nistħajjilkom tistaqsuni “What’s in a name?” Veru, imma n-nazzjonaliżmu għandu konnotazzjonijiet koroh wisq. Iktar u iktar illum meta l-poplu Malti bħal donnu qed isir iktar razzist. Żgur li l-isem ‘Nazzjonalista’ huwa l-kuntrarju ta’ dak li huwa u li jemmen fih il-partit tal-lum.
Dan tal-Partit Laburista tibdil kosmetiku? Ikun jew ma jkunx kosmetiku jiddependi minn kemm se jissarraf jew le f’azzjoni. Il-Partit Laburista għandu fuq in-naħa l-oħra partit li jmexxih wieħed mill-iżjed politiċi xellugin li qatt kellna f’pajjiżna. Il-Partit Laburista llum għad għandu d-dilemma li biex ikun differenti jkollu jersaq (jew jibqa’) fuq il-lemin. Ngħid ‘jibqa’ għax nemmen li taħt Alfred Sant, il-Partit Laburista kien għażel li jpoġġi fuq l-uniku siġġu vojt li kien għad baqa’: dak ta’ fuq il-lemin.
Għadu kmieni wisq biex ngħidu x’se jiġri taħt Joseph Muscat. Veru li huwa żagħżugħ u dan fil-ħsieb politiku huwa vantaġġ. Iżda ħa ngħidha bla tlaqliq - illum ħafna żgħażagħ huma aktar komdi fuq il-lemin u jaħraqhom il-PN, u l-aktar Gonzi, għax jarawh wisq fuq ix-xellug. Ħafna miż-żagħżagħ illum ma jafux x’inhi tbatija u allura jinħarqu li għadna Stat fejn il-qafas tas-sevizzi soċjali jipprova jilqa’ fih lil kulħadd. Forsi din tinstema’ ftit kontradittorja, għax jekk iż-żgħażagħ huma aktar komdi bil-lemin, kif kienu l-istess żagħżagħ li taw rebħa lill-Partit Nazzjonalista li hu xellugi?
Kumplikata din! Naħseb li ġara kien li l-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni baqa’ jippriedka x-xellug iżda uża l-metodi tal-lemin biex jikkomunika. Mill-banda l-oħra, il-Partit Laburista ta’ qabel l-elezzjoni kien fuq il-lemin iżda uża l-metodi tax-xellug biex jipprova jipperswadi. U f’dinja fejn id-ditta u l-qoxra u l-pakkett huwa aktar importanti, iż-żgħażagħ inġibdu iktar lejn il-pakkett lemini milli mill-kontenut xellugi li ppriedka qabel l-elezzjoni il-PN. F’dan is-sens il-Partit Laburista għandu għażla diffiċli quddiemu. It-tibdiliet li saru din il-ġimgħa huma biss il-punt tat-tluq li jibqa’ kosmetiku jekk ma jissarrafx fi proposti konkreti u kuraġġużi li jqajmu diskussjoni. Proposti li jridu jsibu qafas ta’ komunikazzjoni li jħallihom jitwieldu u joħolqu diskussjoni. Inkella l-Partit Laburista jerġa’ jaqa’ fil-borma tal-kawlata tar-reception class li kienet waħda mill-fatturi li tellfitu eluf ta’voti.
Meta llum tgħid ‘fuq ix-xellug’ u ‘fuq il-lemin’ m’għadhiex tfisser ideoloġija fissa, xi ktieb bil-kmandamenti li miegħu tikkonsulta biex tara kif għandek timxi. Il-bażi tal-politika llum saru l-issues li jqumu minn żmien għal żmien. Issues li bilfors trid tarahom fiċ-ċirkostanzi li fihom iqumu. F’dan iż-żmien fejn l-ideoloġiji nbidlu f’issues, in-nies li jmexxu u jokkupaw il-karigi fil-Partiti saru iktar importanti mill-Partit innifsu. Għaldaqstant huwa t-twemmin ta’ Gonzi u ta’ Muscat li se jsawru l-ħsibijiet tal-partiti u mhux bil-kuntrarju. Għalhekk, l-għażla tan-nies li jmexxu f’kull partit qed issir dejjem iktar kruċjali. In-nies fl-elezzjoni ġenerali la se jagħżlu partit għax jogħġobhom ismu u lanqas għax għandu strutturi moderni. In-nies se tagħżel lin-nies li jmexxu dawn l-istrutturi biex jibdew imexxulħom pajjiżhom u ħajjithom. Kif ġara fl-aħħar elezzjoni meta n-nies għażlu lil Gonzi u mhux lill-Partit Nazzjonalista.
F’dan il-kuntest, id-domanda ‘It-tibdil li għamel il-Partit Laburista din il-ġimgħa se jwassal biex in-nies tagħżlu jkun fil-Gvern?’ hija mistoqsija li għadu kmieni wisq biex ikollha risposta iżda diġà huwa tard wisq jekk din il-mistoqsija għadha lanqas biss saret. |
|
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Editorijal

Il Punt
Louis Grech

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Minn Carmel Cacopardo
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|