MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109

Il-Ħanfusa l-Ħamra twassal għal bidla fil-Liġi

Residenti f’Ħ’Attard inkwetati bil-bumunqar

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Il-ħanfusa magħrufa bħala l-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm (Red Palm Weevil) qed tkompli teqred aktar palm f’Malta u tista’ tkun ir-raġuni li twassal għal bidla fil-Liġi.
Il-ħanfusa ħamranija b’daqs ta’ madwar żewġ u ħames ċentimetri litteralment tgħawwar u tiekol iz-zokk ewlieni tal-palma u teqred lis-siġra fi ftit ġimgħat. Bi sforz biex il-marda ma tkomplix tinfirex l-awtoritajiet ilhom għal aktar minn sena għaddejjin b’ħidma biex jaħarqu palm infettat.
Iżda f’numru ta’ każijiet l-awtoritajiet qed isibu problema biex jieħdu azzjoni u dan minħabba li s-sidien tad-djar jew ġonna fejn ikun hemm palm infettat mhux dejjem ikunu lesti jikkoperaw. Ikun hemm ukoll każijiet fejn djar u ġonna jkunu abbandunati u s-sid ma jkunx jaf li għandu siġar marid bil-bumunqar.
Illum tinsab infurmata li l-Gvern għandu pjani li jgħaddi liġi li biha tawtorizza spetturi mid-Dipartiment Għas-Saħħa tal-Pjanti biex mingħajr burokrazija żejda jkunu jistgħu jaqtgħu palm marid u nfestat bil-Bumunqar l-Aħmar.
Din id-deċiżjoni għandha ġġib sens ta’ soljiev fost residenti li joqogħdu viċin l-Ambaxxata Amerikana f’Ħ’Attard li ilhom għal dawn l-aħħar xhur jitolbu l-għajnuna tal-Awtoritajiet biex jintervjenu u jneħħu l-periklu li qed joħloq il-bumunqar. Nies għokrithom għajnejhom li ftit passi ’l bogħod hemm palma marida bil-ħanfusa l-ħamra.
Fit-triq hemm aktar vilel bil-palm fil-ġnien. Dan apparti l-fatt li f’Ħ’Attard hemm ukoll il-Palazz ta’ San Anton li hu miżgħud b’dan it-tip ta’ siġar. Il-biża’ hi li aktar palm jimrad u l-qerda tinfirex mar-raħal kollu.
Residenti sa anke ċemplu fuq programmi tar-radju u b’isimhom iddikjaraw il-biża’ tagħhom. Madakollu l-awtoritajiet għadhom ma qatgħux il-palm minħabba problemi li sabu fil-proċess.
Il-bumunqar laqat biss lil Malta u s’issa l-marda għadha ma nfirxitx f’Għawdex u f’Kemmuna.
Bħala miżura ta’ prekawzjoni sena ilu l-Gvern Malti kien ħareġ ordni biex l-ebda palma ma tkun tista’ tiġi trasportata lejn Għawdex.

Tagħrif dwar il-Bumunqar Aħmar tal-Palm

Il-bumunqar hu nsett bi ġwienaħ b’saħħithom ħafna. Kapaċi jtir distanzi twal għal madwar kilometru bla waqfien.
Xi kultant jista’ jkun hemm aktar minn 80 dudu fiz-zokk ta’ palma nfettata.
Hu diffiċli li persuna tinduna minn kmieni li palma tkun infestata bil-bumunqar għax il-larva jibda ċ-ċiklu minn ġewwa l-palma. Ħafna drabi meta l-bniedem jinduna li palma hi marida jkun tard wisq għax tkun diġà saret ħafna ħsara.
Meta l-infestazzjoni tkun fi stadju avvanzat wieħed jista’ jilmaħ likwidu magħqud ta’ lewn kannella mal-palma kif ukoll frak u biċċiet ta’ fibri ħerġin minn ġo toqob żgħar li jkunu tħaffru minn dan l-insett. It-taħsir fil-palma jikkawża wkoll riħa partikolari. Il-weraq tal-palma jibda wkoll jisfar u jitbiel u xi weraq minn nofs tas-siġra jibdew jaqgħu jew jinqalgħu faċilment.
Importanti li siġar tal-palm infestati bil-bumunqar, jew li jkunu mejta, jitneħħew mill-ewwel u jinħarqu. Il-post għandu jinżamm nadif. Wieħed irid joqgħod attent ħafna li ma jikkawżax feriti fiz-zokk tal-palma għax feriti jew toqob huma postijiet ideali fejn ibid il-bumunqar. Feriti jew toqob fil-palma għandhom jitgħattew.
L-Unjoni Ewropea daħħlet numru ta’ miżuri biex tevita li l-mard tal-bumunqar jinfirex, fosthom li jekk persuna tinduna b’palm marid ikollha l-obbligu li ċċempel lid-Dipartiment Għas-Saħħa tal-Pjanti fuq 21430248 jew 23397223.
Il-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm beda fl-Asja tropikali u nxtered fl-Afrika u fl-Ewropa. Fis-snin Tmenin laħaq il-Mediterran. Fl-1994 instab fi Spanja, fl-1998 u 1999 wasal fl-Iżrael u fil-Ġordan u fl-2006 insab fi Franza, fl-Italja, f’Mallorca, fil-Greċja u f’Ċipru.

Dan it-tagħrif ittieħed mis-sit elettroniku www.planthealth.gov.mt

 

 

Intervista
‘Labar u msiemer’ fl-edukazzjoni

Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg


Editorijal
Integrazzjoni


Il Punt
Il-kuraġġ tal-bidla
Louis Grech



Emmanuel Micallef
Lesti għad-daqqa jew le?


Carmelo Mifsud Bonnici

Ir-realtà tat-terroriżmu



Wenzu Mintoff
X’wiċċ għandu!



Toni u Peppi
Mit-torċa għall-brigata: tibdil kożmetiku jew ta’ sustanza?


Minn Carmel Cacopardo
Il-bidla tal-klima u l-ħolqien tax-xogħol: x’relazzjoni?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan