Aħbarijiet | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Malta għadha ma żviluppatx politika reali ta’ integrazzjoni tal-immigranti. KURT SANSONE jagħti ħarsa lejn ir-rapport maħruġ mill-The Today Public Policy Institute fuq il-problema tal-immigrazzjoni
Fil-ħafna diskorsi politiċi li jittrattaw l-immigrazzjoni, fid-diskussjonijiet fuq it-televiżjoni u fil-kitbiet fuq il-gazzetti u l-internet, rari ħafna smajna argumenti serji u raġunati dwar kif għandhom ikunu trattati l-immigranti li qed jgħixu u jaħdmu fil-komunità.
Ħafna drabi l-enfasi tkun fuq kif ma nħalluhomx jiġu hawn u kif se nagħmlu biex nibagħtuhom ’il barra minn xtutna. Fuq x’se jsir b’dawk li jinsabu fostna, xejn.
Għaldaqstant ir-rapport li kien ippubblikat din il-ġimgħa minn The Today Public Policy Institute (TPPI) dwar l-immaniġġar tal-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari ta nifs ġdid lid-dibattitu.
Għall-ewwel darba kellna grupp ta’ esperti mingħajr irbit politiku li tkellmu b’mod ċar dwar il-ħtieġa ta’ politika nazzjonali ta’ integrazzjoni ta’ dawk l-immigranti li jinsabu fostna u li se jiġu ’l quddiem.
L-awturi tar-rapport, Stephen Calleya u Derek Lutterbeck, taw stampa sħiħa tas-sitwazzjoni.
Calleya u Lutterbeck insistew li Malta għadha ma żviluppatx politika reali ta’ integrazzjoni tal-immigranti. “Għal dawn l-aħħar snin il-pajjiż dawwar wiċċu għal xi jseħħ minn dawn l-individwi wara li jiskontaw il-perjodu ta’ detenzjoni. Iżda r-realtà hi li l-għadd ta’ dawk li qed jgħixu u jaħdmu (jew jixtiequ jaħdmu) fil-komunità qed jikber,” sostnew l-awturi tar-rapport.
Minn analiżi taċ-ċifri uffiċjali u mhux uffiċjali ntqal li sal-aħħar ta’ din is-sena l-għadd ta’ immigranti fiċ-ċentri miftuħa jew li qed jgħixu għal rashom se jilħaq l-4,500.
“Sal-2012 – sakemm ma jkunx hemm żblokk fil-kwistjoni tal-qsim tal-piż fl-UE – l-għadd jista’ jitla’ sa 8,000 persuna,” sostnew.
L-awturi ma qagħdux iduru mal-lewża dwar kemm se ttul il-problema.
“Ir-realtà hi li l-immigrazzjoni irregolari hi problema li mhux se tħallina,” qalu.
Dan id-diskors hu ħafna differenti minn dak tal-maġġoranza kbira tal-politiċi li bi kliemhom jagħtu x’jifhmu li xi darba għad inkunu f’sitwazzjoni fejn ma jkollniex iktar immigranti fostna.
Iżda l-awturi tar-rapport wissew ukoll li jekk Malta mhux se taffronta l-isfida tal-integrazzjoni l-pajjiż jirriskja jgħaddi mill-istess esperjenza li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-pajjiżi l-kbar Ewropej.
“L-esperjenza turina li f’dawn il-pajjiżi iffurmaw ghettos ta’ immigranti kkaratterizzati minn esklużjoni soċjali estrema, faqar u nuqqas ta’ xogħol,” qalu Calleya u Lutterbeck.
Dan ifisser li rridu niżviluppaw pjan fit-tul li jaħseb għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-immigranti.
Dwar id-dħul tal-immigranti fis-suq tax-xogħol l-awturi qalu li teżisti problema ta’ nuqqas ta’ taħriġ fost l-immigranti. Ir-rapport jagħraf li xi wħud mill-immigranti jispiċċaw isibu mpjieg temporanju fl-ekonomija moħbija, b’detriment għad-dinjità tagħhom u b’theddida għas-suq tax-xogħol formali.
Calleya u Lutterbeck insistew fuq il-ħtieġa ta’ taħriġ biex l-immigranti jkunu jistgħu jqumu fuq saqajhom billi jsibu xogħol skont il-Liġi u hekk bil-mod il-mod isiru inqas dipendenti fuq l-għajnuna tal-Gvern.
“Kif il-popolazzjoni Maltija tixjieħ, ikun għall-vantaġġ tagħna li nimlew il-postijiet tax-xogħol battala f’ċerti setturi bl-immigranti,” sostna r-rapport.
Iżda għall-awturi hu importanti li l-għajnuna biex l-immigranti jkunu jistgħu jintegraw tibda meta jkunu fiċ-ċentri magħluqa. Bħala minimu għandu jkun hemm lezzjonijiet fl-Ingliż u tagħrif dwar Malta u l-użanzi. Hekk meta jsibu rwieħhom fiċ-ċentri miftuħa jkollhom ċans ikbar li jintegraw mal-komunità.
Filwaqt li għamlu rakkomandazzjoni biex jinbena ċentru ieħor miftuħ, l-awturi jwissu kontra l-konċentrazzjoni ta’ immigranti f’post wieħed.
Ir-rapport iħares ukoll lejn iċ-ċifri tal-wasliet biex jipprova jagħti stampa sħiħa u reali tal-kobor tal-problema.
L-għadd ta’ wasliet mill-2002 sal-lum kien ta’ 11,500 persuna. Ras għal ras dan ifisser daqslikeku fi Franza jew fl-Ingilterra waslu 1.72 miljun immigrant. Skont l-awturi, Malta rat l-ogħla rata ta’ wasliet fost il-pajjiżi tal-UE.
Madankollu din iċ-ċifra li tista’ tallarma lin-nies hi mqabbla wkoll mat-total ta’ persuni barranin li jgħixu f’Malta, li hi fost l-inqas fl-UE.
“Ta’ min wieħed jinnota li l-għadd ta’ nies barranin fil-popolazzjoni Maltija jammonta għal 2.7 fil-mija, ċifra żgħira ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej,” qal ir-rapport.
Huma biss is-Slovakja u l-Polonja li għandhom persentaġġ inqas ta’ barranin jgħixu fil-pajjiż.
Għaldaqstant l-awturi tar-rapport sostnew li l-isfida għal Malta ma kenitx tant waħda ta’ kif se tlaħħaq ma’ popolazzjoni kbira ta’ immigranti iżda ta’ popolazzjoni ta’ immigranti irregolari li “żdiedet b’mod drammatiku fuq medda qasir ta’ żmien.”
Iżda l-awturi nsistew li ċ-ċifri ta’ kemm hemm immigranti jgħixu fil-komunità barra ċ-ċentri miftuħa u kemm hemm minnhom impjegati huma biss stimi approssimattivi għax ma teżistix statistika uffiċjali aġġornata li tagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni.
Qalu li jekk “il-Gvern irid jagħmel l-għażliet it-tajba dwar kif se jittratta l-problema tal-immigrazzjoni għall-ġejjieni, speċjalment l-impatt soċjali, l-istatistika tagħna trid tkun sħiħa u ta’ min joqgħod fuqha.”
Ir-rapport xeħet dawl ukoll fuq in-nuqqasijiet fiċ-ċentri magħluqa u miftuħa.
“Il-kundizzjonijiet li jgħixu fihom l-immigranti fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa mhumiex tajbin. Ġustament Malta kienet fiċ-ċentru ta’ kritika qawwija internazzjonali u d-dehra tagħha ttappnet ma’ kull rapport.”
Fuq iċ-ċentri miftuħa ta’ Ħal Far u l-Marsa l-awturi qalu li dawn huma ffullati ħafna. Dawn iċ-ċentri kienu maħsuba biex jakkomodaw 600 u 500 persuna rispettivament u fil-preżent qed jakkomodaw 850 u 750 rispettivament. Iċ-ċentri tal-Knisja wkoll huma mimlija.
Fuq il-belt tat-tined f’Ħal Far l-awturi kkritikaw in-nuqqasijiet kbar ta’ dan iċ-ċentru miftuħ li ma joffrix faċilitajiet sanitarji tajbin u dinjitużi biex jospitaw in-nies. Huma ssuġġerew li ċ-ċentru jinbidel ma’ ieħor b’akkomodazzjoni permanenti.
Ir-rapport tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ għajnuna Ewropea biex Malta taffronta l-problema.
“Malta żvantaġġata mill-Konvenzjoni ta’ Dublin li tinsisti li l-proċess tal-ażil irid isir fl-ewwel pajjiż fejn l-immigranti jkunu niżlu,” sostnew l-awturi.
Huma saħqu fuq il-bżonn li l-Gvern ikompli jagħmel il-każ tiegħu fil-fora Ewropej biex il-qbil li sar fuq il-qsim ġust tal-piż jiddaħħal fil-prattika.
Il-kobor tal-problema
11,500: L-għadd ta’ immigranti li waslu Malta bejn l-2002 u Settembru tal-2008
1.72 miljun: Jekk il-wasliet tal-immigranti jinqasmu ras għal ras skont il-popolazzjoni, l-għadd ta’ dawk li ġew Malta hu ekwivalenti daqslikieku waslu 1.72 miljun immigrant fi Franza jew l-Ingilterra
2.7%: Dan hu l-persentaġġ ta’ nies barranin li jitwieldu Malta, li hu fost l-inqas fl-UE
1,800: L-għadd ta’ wasliet kull sena bejn l-2006 u l-2007
40% iktar: L-għadd ta’ wasliet sa Settembru tal-2008 imqabbel mas-sena ta’ qabel
2,000: L-għadd ta’ immigranti sa Settembru li għadda miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzjoni
1,817: Kemm jifilħu jżommu ċ-ċentri ta’ detenzjoni eżistenti
2,400: L-għadd ta’ immigranti sa Settembru li jgħixu fiċ-ċentri miftuħa tal-Gvern u tal-Knisja
1,400: Stima tal-għadd ta’ immigranti li telqu miċ-ċentri miftuħa u qed jgħixu fil-komunità
4,500: Stima tal-għadd ta’ immigranti li sal-aħħar tal-2008 se jkunu qed jgħixu fiċ-ċentri miftuħa jew fil-komunità
1,200: Stima ta’ kemm hemm immigranti reġistrati għall-impjieg
500: L-għadd ta’ immigranti fl-impjieg
650: Stima tal-immigranti impjegati mhux uffiċjalment
Uħud mir-rakkomandazzjonijiet
- Jinbena ċentru ieħor miftuħ ta’ akkomodazzjoni ta’ 1,000 sodda
- L-impjegati mas-Servizz ta’ Detenzjoni jitla’ għal 300 biex ilaħħqu mal-ftuħ taċ-ċentru l-ġdid f’Ta’ Kandja
- It-tined f’Ħal Far li qed iservu ta’ ċentru miftuħ għandhom jinbidlu ma’ strutturi iktar permanenti u adegwati.
- Trid issir reviżjoni tal-manteniment finanzjarju li jingħataw l-immigranti fiċ-ċentri miftuħa u tkun studjata l-possibbiltà li l-manteniment jonqos maż-żmien biex l-immigranti jkunu mħeġġa jintegraw fil-komunità
- Fiċ-ċentri magħluqa jinbdew korsijiet bażiċi fil-lingwa Ingliża u tagħrif ġenerali dwar Malta
- Taħriġ lill-immigranti biex ikunu jistgħu jaħdmu skont il-Liġi
- Insistenza mal-UE biex jiddaħħal fil-prattika l-kunċett tal-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni bejn l-Istati membri
- Skema biex sajjieda li jkunu nvoluti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ skont l-obbligi internazzjonali jkunu kumpensati għax-xogħol mitluf
- Kampanja ta’ edukazzjoni dwar l-immigrazzjoni irregolari
- Twaqqif ta’ programm permanenti li jgħin lill-immigranti jirritornaw lura f’pajjiżhom
- Permezz tal-għajnuna internazzjonali li tagħti Malta tipprovdi fondi għal titjib strutturali fil-pajjiżi minn fejn l-aktar jaslu immigranti |
|
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Editorijal

Il Punt
Louis Grech

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Minn Carmel Cacopardo
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|