Sport | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Mark Attard
19 ta’ Diċembru 1992, il-ġurnata kienet is-Sibt. Għaddew kważi 16-il sena imma dik il-ġurnata niftakarha ċara daqslikieku lbieraħ. Malta tilgħab partita valida mill-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja USA ’94 kontra l-Italja ta’ Arrigo Sacchi.
Kienu l-Italja ta’ Franco Baresi, Paolo Maldini, Roberto Donadoni, Gianluca Vialli u Roberto Baggio, li għaż-żewġ konfronti kontra Malta kien indispost. Kienu l-istess Italja li f’dik l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja waslu sal-finali u tilfu biss bl-ogħti tal-penalties kontra l-Brażil.
Forsi b’dan li għadni kif ktibt ġeddidt il-memorji ta’ ħafna. Dak inhar jien kelli 13-il sena u minn dan l-ispettaklu ma kontx tlift sekonda waħda. Niftakar perfettament kull mossa li saret f’dawn id-90 minuta, inkluż l-azzjoni tal-gowl lejn l-aħħar minuti tal-partita. L-awtur tal-gowl mhux b’inqas…
“Kont irbaħt ballun f’nofs il-ground u tajtu lill-Mundu. Komplieh fuq Charlie Scerri tah ’il quddiem lill-Bużu. Seta’ xxuttja hu iżda pprefera jagħtih lili u b’lasti vojta ma stajtx niżbaljah. Il-ballun kont ilqattu ħażin xorta bix-shin guards imma Pagliuca inqata’ mill-azzjoni u spiċċa mal-art u għalhekk ġejt b’lasti vojta.
“Kien l-uniku gowl li skurjajt f’partita uffiċjali u l-ewwel gowl li qatt skurjat Malta mal-Italja. Meta n-nies jiltaqgħu miegħu għadhom jistaqsu għalija bħala l-bniedem li skurjajt mat-Taljani. Se nibqa’ niftakar dak il-mument hekk kif rajt il-ballun fix-xibka għal dejjem.
“Dak iż-żmien kont qisni eroj. Ma stajt noħroġ imkien. Kienet għadha kemm twieldet l-ewwel tifla tiegħi u għalhekk il-Mulej tagħni żewġ rigali sbieħ ħafna f’daqqa.”
Hekk nibda din l-intervista ma’ Martin Gregory meta mmur niltaqa’ miegħu fl-uffiċċju tiegħu tal-kumpanija Vodafone, il-post fejn hu l-Kap tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. Lil Martin nurih fid-dettal kemm niftakar din il-partita. Ngħidlu li f’dawk il-ħinijiet ta’ qabel il-gowl tiegħu d-direzzjoni ta’ TVM u tar-RAI bdiet tiffoka fuq tfajla mill-isbaħ li hekk kif skorja l-emozzjoni ġriet biha u nfaqgħet tibki u taqbeż kemm tiflaħ lejn in-naħa ta’ fejn il-kollegi ta’ Martin bdew jaqbżu fuqu. Filwaqt li ngħidlu dan id-diskors iħokk rasu, jitfa’ daħka żgħira u jiżvela miegħi min kienet dik it-tfajla.
“Mela isma’ din l-istorja. Jien ma kontx nafha lil dik il-persuna u qatt ma kont iltqajt magħha qabel. Il-kunjata kienet rat il-logħba d-dar fuq it-televiżjoni. Meta mort lura wara l-logħba flok qlajt il-ftaħir ħadt ċamata. Kif dħalt flok qaltli prosit staqsitni dik li bdiet tibki min hi.
“Illum għandi kollega tiegħi fuq ix-xogħol. Inzerta ħabib tagħha u darba bdejt ngħidlu din l-istorja. Ma kontx naf li ħabib tagħha u l-kollegi hawn ġew ftehimu bejniethom biex jagħmluli ċajta. Konna f’laqgħa tax-xogħol u fl-Aġenda kien hemm miktub ‘European Goal’.
“Kif rajtha ħsibt li kienet xi ħaġa ġdida tax-xogħol. Kif wasal il-ħin għal din it-tema c-CEO tefa’ d-dvd tal-gowl tiegħi. Dak il-ħin dħakt għax indunajt li kien il-gowl tiegħi. Qomt bil-wieqfa u għidtilhom li issa se tibda tifraħ u tibki tfajla vera sabiħa. F’daqqa waħda ħarġet minn warajja fil-kamra fejn konna. Ġabha Joe Cuschieri, ħabib tiegħi. Iltqajt magħha 15-il sena wara. Dik it-tfajla ma kienet ħadd ħlief il-preżentatriċi Jackie Mercieca. Dak iż-żmien kienet hostess tal-Air Malta.”
Kif jgħidli min kienet bħal speċi ninħasad. Lil Jackie nafha biss minn wiċċha iżda niftakarha sew ma’ One TV fiż-żmien meta kont hemm jien. Din l-istorja ma kont naf biha qatt qabel u għandi dubji jekk qatt xi darba ħarġitx fil-media.
Il-mistoqsija tiegħi wara 16-il sena fuq Jackie tibqa’ din: Kif irnexxilha tidħol u tibqa’ ssegwi l-partita mill-korsa tal-grawnd ftit passi bogħod mill-bankina ta’ Pippo Psaila u Arrigo Sacchi! Jien u Martin ma rnexxilniex naslu għal tweġiba….
“Bla dubju dik kienet l-iktar logħba li jibqgħu jiftakruni nies għaliha apparti ċ-ċuċati li għamilt mar-referees tul il-karriera tiegħi. Kien hemm ukoll ir-rebħa mal-Estonja u kellna logħba oħra mal-Belġju f’Ta’ Qali meta rbaħna 1-0. Kien skorja l-Bużu u kienet l-aħħar logħba tal-Mundu.
“Kellna tim b’saħħtu. Konna nserrħu fuq il-ftit u fuq il-ħafna skont in-neċessità tal-ġurnata. Iżda jekk nieħu kollox ma’ kollox ngħidlek li t-tliet pilastri kienu John Buttigieg fuq wara, Raymond Vella fin-nofs u Carmel Busuttil fuq quddiem. Il-plejers l-oħra konna tajbin ħafna iżda dawn it-tlieta kienu fi klassi għalihom. Għadhom sal-lum jekk tmur tarahom jilagħbu xi 5 a-side tinduna li għandhom xi ħaġa speċjali.” Kien diskors li bilfors kelli nagħmillu l-mistoqsija ta’ jekk jaħsibx li sal-lum dak kien l-aqwa tim nazzjonali Malti ta’ kull żmien.
“Fiż-żmien tagħna kienu jgħidu għaż-żmien ta’ qabilna tat-tim ta’ Louis Arpa u Willie Vassallo. Illum jgħidu li l-aqwa tim kien tagħna taż-żmien il-Mundu, il-Bużu u Buttigieg. Konvint li 10 snin oħra jgħidu li t-tim ta’ Michael Mifsud, Gilbert Agius u Kevin Sammut kien aqwa minn ta’ issa.”
Martin Gregory twieled fl-10 ta’ Frar 1965 u joqgħod Ta’ Sliema. Miżżewweġ lil Suzanne u missier ta’ żewġt itfal, Philippa u Sean, li t-tnejn li huma dilettanti ħafna taż-żfin u l-ballet. Illum reġa’ daħal fil-futbol Malti bħala l-kowċ ta’ Melita wara r-riżenja ta’ Steph D’Amato biex ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans. Lagħab 63 darba mat-tim nazzjonali u skorja l-uniku gowl tiegħu kontra t-Taljani. Bħala klabbs Martin beda l-karriera tiegħu ma’ Sliema Wanderers biex imbagħad ingħaqad ma’ Floriana fi transfer li għadu ddispjaċut bih sal-ġurnata tal-lum.
“Bdejt nilgħab meta dak iż-żmien kien hemm is-Sliema Sports Association. Kont nilgħab mal-Young Boys. Dak iż-żmien kienet qisha n-nursery ta’ Tas-Sliema u kienu ħarġu ħafna plejers minn hemm. Kien żmien John Buttigieg u Mario Gauci. Konna nitħarrġu ma’ Alfred Cachia li kien l-ewwel kowċ li kelli. Minn hemm kienet in-normalità li tmur mas-Sliema. Dak iż-żmien bdejt nilgħab mal-Minors u kif għalaqt 17-il sena bdejt nilgħab mat-tim tal-kbar. Kien Joe Cini l-kowċ.
“Fis-Snin 80 ma tantx konna b’saħħitna. Kellna ħafna mumenti diffiċli. Fl-ewwel sena tiegħi spiċċajna fit-tieni post u dħalna fit-Tazza Uefa. Tlifna wkoll l-FA Trophy fil-finali mal-Hibs li dik is-sena kienu ħadu d-double. Is-sena ta’ wara lgħabt regolari imma waqgħajna. Għamilna sena fl-Ewwel Diviżjoni u tlajna mill-ewwel bħala champions.
“L-ewwel snin konna tim li niġġieldu għar-relegazzjoni sakemm kien ġie Lawrence Borg kowċ magħna. Fl-1988/89 ħadna l-kampjonat u s-sena ta’ wara ħadna n-knock out. Dak iż-żmien kienu fl-aqwa tagħhom il-Ħamrun Spartans u kien hemm il-Belt tajbin ħafna wkoll.”
Nistaqsih kif kien sab ruħu ma’ Floriana. Martin ikellimni b’ċerti dillużjoni.
“Kont ili mas-Sliema 14-il sena. Qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħi li nitlaq. Kien ġie kowċ li ssuġġerejtu jien biex jiġi u minn fuq ma ridniex. Mill-President ma kienx hemm l-ebda sforz biex iżommni u ddeċidew li jneħħuni. Kienu interessati fija l-Ħamrun u Floriana biex finalment mort ma’ tal-aħħar. Għamilt sentejn u nofs hemmhekk sakemm il-Furjana ġew fi kriżi finanzjarja. Bdew jitilqu plejers bħal Joe Brincat u tlaqt anki jien.
“Għadni ddispjaċut sal-lum. Mal-President ta’ dak iż-żmien qatt ma rġajt tkellimt. Kont ħadtha bi kbira ħafna. Illum huwa passat u abbli jekk narah inkellmu. Anqas naf sal-lum x’kienet ir-raġuni l-għala neħħieni. Probabbli għax bdejt nikber u ried jagħmel tim ġdid biż-żgħażagħ.”
Martin ma jsemmieli qatt min kien il-President u l-kowċ li skartawh b’dan il-mod iżda r-riċerki tiegħi juruni li George Bonello Du Puis bħala President u Andy Weavill u Mark Miller bħala kowċis kienu l-prenċimes wara dan kollu. Meta nistaqsih min kienu dawn in-nies idawwarli d-diskors u jkompli jitkellem fuq il-mumenti sbieħ ta’ Sliema Wanderers.
“Meta rbaħt il-kampjonat mas-Sliema kien l-isbaħ mument tal-karriera tiegħi. Fit-tieni round konna rbaħna tliet partiti importanti mal-Belt, Furjana u Ħamrun kollha 1-0 u t-tliet gowls inzertajt skurjajthom it-tlieta jien. Kien mument sabiħ ħafna. Kien hemm sena meta rbaħna s-Super Cup u t-Trophy li kien mument sabiħ ħafna. Kien lejn l-aħħar tal-karriera tiegħi meta beda ħiereġ Michael Mifsud.
“Lejn l-aħħar tal-karriera Sliema Wanderers għamluli testimonial match. Kienet sorpriża kbira għalija. Xi ħaġa sabiħa ħafna. Illum jien partitarju tas-Sliema. Insegwihom iżda ma tantx nitla’ narahom. Insegwi l-aktar lilhom u lil Ħal Qormi, klabb li kont kowċ miegħu wkoll fil-passat.”
Martin Gregory baqa’ sal-aħħar ġranet tal-karriera dak il-plejer li kapaċi jilgħab kull pożizzjoni. Jaqbel miegħi fuq dan filwaqt li jiddieskrievi wħud mill-kowċis li kellu fil-karriera.
“Vera. Naħseb li lgħabt kullimkien minbarra goalkeeper. Bdejt bħala attakkant meta kont tifel u mbagħad irtirajt ħafna lura u spiċċajt fin-nofs bħalma dejjem kont man-nazzjonal. Fin-nazzjonal kelli rwol aktar irtirat sakemm mas-Sliema kont spiċċajt lgħabt anki l-aħħar raġel.
“Il-coaches kollha kellhom xi ħaġa. Jekk insemmi fuq livell ta’ klabb ngħidlek li l-iktar wieħed li għeni u lagħabt futbol sabiħ miegħu kien Lawrence Borg. Għadu ħabib sew tiegħi allavolja ma tantx niltaqgħu.
“Man-nazzjonal Dobrev kien għallimni l-basic skills kollha mentri Horst Heese kien għallimna ċerta grinta tal-Ġermaniżi. Pietro Ghedin tattikament kien l-aqwa wieħed u nħossni sfortunat li tgħallimna dak kollu miegħu meta konna kbirna fl-età. Pippo Psaila ġab l-aqwa riżultati u ħadd ma jista’ jgħid xejn fuqu. Ngħidlek li kollha tawni xi ħaġa.”
Martin reġa’ daħal fil-futbol ftit tal-jiem ilu. Wara li Steph D’Amato rriżenja minn ma’ Melita biex ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans, Martin kellu offerta biex imexxi lil dan il-klabb. Ħasibha ftit qabel ma aċċetta…
“Ħa ngħid hekk, erġajt dħalt fil-futbol mal-Melita għax huwa klabb uniku. Kelli offerti oħra qabel iżda ma’ mort ma’ ħadd. Il-Melita impressjonanti u għandna faċilitajiet tal-ġenn. Għandhom tagħmir għal dak kollu li jkollna bżonn. Il-Kumitat jagħmel xogħlu u ma joqgħodx jidħol fuq il-kowċ. Għandi tim żagħażugħ u tajjeb ħafna. Tmintax minn 22 plejer fl-iskwadra huma kollha tan-nursery.
“Kont ili xi sena u nofs wieqaf. Kont immur hemmhekk nara lit-tifel ta’ ħabib tiegħi jilgħab. Kumbinazzjoni nqalgħet din ta’ Steph D’Amato li mar mal-Ħamrun u ċempluli biex jaraw hux interessat. Ma stajtx ngħidilhom le. Kont drajt b’ċertu libertà u dik kienet l-iktar deċiżjoni iebsa tiegħi. Illum ma jiddispjaċinix għax kuntent ħafna.”
Martin jibqa’ popolari mar-referees f’sens negattiv. Fiż-żmien tiegħu kien magħruf għat-teatrini żejda li kien jagħmel fil-ground u l-fama ħażina li kien ħa kienet qabżet kull limitu. Miegħi jammetti dan kollu…
“Sfortunatament dik kienet xi ħaġa fil-karriera tiegħi li ma tantx kienet tajba. Anzi naħseb li kienet ħażina ħafna. Dak iż-żmien ridt toqtol plejer biex titkeċċa imma jien kont inparla ħafna żejjed. Illum nirrealizza kemm kont niżbalja u kemm tlift logħbiet bla bżonn.
“L-agħar waħda li kelli kienet fl-Ewropa. Konna qed nilagħbu l-Albanija xi logħba taċ-Champions Cup. Irbaħna hawn Malta 1-0 u tlajna mingħalina li se ngħaddu. Sal-ewwel taqsima qlajna erbgħa. Ir-referee kien Tork. Il-ħames gowl kien handsball ċar u ma rahx. Mort minn warajh u tajtu daqqa b’sidri ġo daru. Keċċieni u għamel rapport u l-UEFA waħlitni sitt snin. Kien xi ftit jiem qabel ma żżewwiġt.
“Niftakar li kien ċempilli Dr Mifsud biex jgħidli li blajt sitt snin sospensjoni u li jista’ jkun ukoll li din is-sospensjoni tirrifletti wkoll fil-futbol lokali. Dak il-ħin għidt li mela l-futbol f’ħajti kien spiċċa. Imbagħad bis-saħħa ta’ Dr Mifsud u Dr Messina Ferrante telgħu miegħi għall-appell u niżżluhomli għal sentejn. Dak ir-referee qatt ma reġa’ rreffja. Ir-rapport li kien kiteb bil-Ġermaniż kien kitibulu ħabib tiegħu. Kien kiteb taħwida mġiddma fih.
“Disgħin fil-mija tat-tort fi kwistjonijiet mar-referees dejjem kienu jkunu tiegħi. Però li hu żgur hu li r-referees jitkellmu bejniethom bħal kulħadd. U dan nafu għax darba kien hemm xi referee ġdid u kif kellimtu ħatafni. Ma kontx nafu qabel. Jiġifieri l-kelma fuqi bejniethom imxiet sewwa. Sfortunatament bqajt ittimbrat. Ftit taż-żmien ilu ġie referee antik fuqi u staqsieni jekk għadniex imqareb. Bilfors li jiddispjaċik.”
Martin jirrakkuntali storja kurjuża li b’kumbinazzjoni ġrat fuqu fl-ewwel logħba li qatt lagħab bil-flokk tat-tim nazzjonali.
“Kien training camp fil-Bulgarija. Lejn l-aħħar 20 minuta tkeċċejt. F’qalbi għidt, ‘Għaxxaqtha!’ Kont fid-dressing room u ftit wara ftit daħal Buttigieg. Qalli li kien tkeċċa wkoll. Ma kontx waħdi. Wara ftit daħal Alex Azzopardi. Kien tkeċċa wkoll. Tkeċċejna t-tlieta u tlifna 1-0.
“Li konna Malta tgħidx kemm jgħajruna. L-iżjed li ħaġa li ddejjaqni jew kienet iddejjaqni kien it-tagħjir personali. Ommi u missieri kienu jiġu jarawni u kont spiċċajt għidtilhom biex ma jiġux iżjed. Meta kienet tkun logħba importanti kienu jiġu u joqogħdu waħedhom wara l-lasti.”
Qabel ma nqum minn quddiemu jkolli ftit kurżitajiet fuq Matin Gregory. Xtaqtu jitkellem xi ħaġa fuq il-mibki David Cluett li naf li kien ħabib tiegħu u xtaqt ukoll jgħidli min kienu l-aktar difensuri lokali li jdejquh u l-aqwa plejer li qatt lagħab kontrieh fix-xena internazzjonali.
“Apparti fil-futbol lil David kont nafu s-Sliema Pitch. Kważi trabbejna flimkien. Jien u ħuh Carlos konna viċin ħafna u jien u David għamilna ħabta naqsmu l-kamra flimkien fl-impenji li kien ikollna man-nazzjonali. L-ewwel darba li sifirt mat-tim nazzjonali kien hu l-iktar bniedem viċin tiegħi. Kienet telfa kbira għalija.
“Joe Galea u Silvio Vella kienu difensuri kbar. Kienu b’saħħithom u veloċi ħafna. Iżda kontra Alex Azzopardi kont nieħu pjaċir nilgħab ħafna wkoll. Ma kienx jieqaf jiġri mal-linja leminija.
“Mix-xena internazzjonali lgħabt kontra ħafna plejers kbar u ta’ klassi mondjali. Iżda jekk nieħu kollox ma’ kollox ngħidlek li Marco Van Basten kien l-aqwa wieħed. Kien l-aktar plejer komplut fl-era tagħna u s’issa għadni ma rajtx centre forward bħalu. Ma kontx lgħabt meta qlajna 8 kontrihom hawn Malta iżda fl-Olanda meta tlifna 1-0 lgħabt kontrieh. M’hemmx xi tgħid, kien plejer impressjonanti.”
Martin ma jitkellimx fuq il-futur tiegħu iżda jirringrazzja lil dawk kollha li kienu tant viċin tiegħu f’ħajtu b’mod speċjali fis-snin tal-karriera.
“Fil-futbol ma tistax tgħid x’jiġri fil-futur imbagħad fil-karriera ta’ kowċ iżjed u iżjed. Kuntent ħafna fejn qiegħed u nixtieq li jkolli suċċess bħala kowċ daqs kemm kelli bħala plejer.
“Nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi tal-appoġġ, lill-mara u lit-tfal għax minħabba fija kienu jitilfu ħafna ħruġ. Bħala nies fil-futbol ma nistax ninsa lil Alfred Cachia, lil Lawrence Borg u lil Horst Heese. Rajt ħafna rispett mingħandhom. Dr Messina Ferrante, kien President ieħor li ħa ħafna paċenzja ħafna bija flimkien ma’ Robert Arrigo.
“Fl-aħħarnett ma nistax ninsa lil Dr George Abela li kien ukoll persuna importanti ħafna f’ħajti. Kien bniedem ta’ rispett u erġajt dħalt fil-coaching minħabba fih.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Editorijal

Il Punt
Louis Grech

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Minn Carmel Cacopardo
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|