Carmelo Mifsud Bonnici | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Ir-realtà tat-terroriżmu 1. L-attakki terroristiċi ta’ din il-ġimgħa f’Mumbai fl-Indja reġgħu fetħu għad-dawl tad-dinja li din l-attività illegali u anti-umana għadha ħajja. Dawk li tilfu ħajjtihom, dawk li ġew feruti, il-ħsara u d-diffikultajiet, kollha huma l-effetti ta’ dan l-aġir kriminali. Min wettaq l-attakk ma kienx dilettant, iżda kien jaf kif u b’liema metodu għandu jidderieġi ruħu sabiex jagħmel l-akbar dannu. Hemm b’mod mill-iktar evidenti, li min ħaseb fl-affarijiet ma għamilx dan kif ġie ġie, iżda bi strateġija, kalkolu u attenzjoni. 2. Hija verament ħasra li l-moħħ tant kapaċi u mimli talenti tal-bniedem għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ forzi ta’ distruzzjoni. Il-ħażen uman huwa kkumplikat verament, biss min-naħa l-oħra jkun żball li dan jiġi injorat minn dawk li jridu jagħmlu l-ġid u s-sewwa. Sfortunatament għad hawn fuq l-art persuni umani li huma ta’ l-opinjoni żbaljata li l-vjolenza, il-ħsara lill-oħrajn, il-qtil u d-distruzzjoni b’xi mod jistgħu jiġu spjegati jew ġustifikati. Il-vjolenza ma twassal lejn imkien. Ma ġġibx riżultati li wieħed jista’ jimmaġina li se ikollha. 3. Ovvjament, il-vjolenza ġġib iktar vjolenza. Mhux biss imma din hija għamja għax tolqot lil kulħadd. It-tqegħid ta’ bombi, l-isparar u kull mezz ieħor ma jiddistingwux lil min qed joqtlu. Persuni vulnerabbli, innoċenti jew dawk li f’“isimhom” qed isiru l-attakki jintlaqtu u jinqatlu. Il-fenomenu terroristiku li d-dinja ilha tara jiżvolġi f’dawn l-aħħar seba’ snin kiber b’potenzjal ferm ikbar. Dan jindika b’mod mill-iktar ċar li min qed jipprepara dawn l-attakki qed jieħu l-ħin tiegħu sabiex jibni fid-dettall kif u b’liema kalkolu dan ikollu l-iktar effett devastanti u miċidjali. 4. Pajjiżi li huma demokratiċi u li bnew strutturi tajba li jiggarantixxu livell ta’ għixien għaċ-ċittadini tagħhom huma l-iktar fil-mira għal dawn l-attakki. Ir-realtà hija li l-affluwenza li l-organizzazzjonijiet istituzzjonali fil-korp politiku, soċjali, ekonomiku u kulturali rnexxilhom jibnu saru parti mill-mira ta’ dawk li jsostnu li hemm bżonn li jiġu kanċellati. Il-fatt li aħna parti minn dan il-mod ta’ kif torganizza s-soċjetà, il-fatt li nsegwu mudelli li permezz tagħhom irnexxielna nibnu demokrazija fejn hemm il-libertà, il-ġustizzja u sistema effettiva fejn id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna li għandha dritt għalihom huma protetti, iġib quddiemna kemm huwa importanti li nkunu preparati. Li nkunu konxji ta’ dak li nirrappreżentaw u l-kunċetti żbaljati li ħaddieħor għandu tagħna. 5. Is-sigurtà, is-sistema li ħafna pajjiżi bnew u għaddejjin jibnu hija fid-dinja tagħna l-garanzija, it-tarka li tkompli tassigura li nibqgħu ngawdu l-ambjent demokratiku tagħna. Għal uħud li jħobbu l-libertà, dan l-aġir ta’ l-Istat li jibni mezzi u strutturi ta’ sigurtà li jistgħu jkunu kontra tagħhom għalihom. Wieħed jifhem dan u kull poplu fl-art tad-demokrazija kellu jgħaddi minn proċessi li fihom sab l-Istat jindaħal fil-ħajja personali tiegħu. Dan mhux faċli li ċ-ċittadin Ewropew jaċċetta. Però r-realtà hija li wieħed illum qiegħed jifhem dejjem iktar li mingħajr preparazzjoni qawwija u dettaljata, dak li għandna nitilfuh. Id-demokrazija trid tkun waħda viġilanti, inkella tidħak biha nfisha. 6. Id-dinja tagħna trid bilfors tibni u tipprepara ruħha għall-attakki vili u tad-daqqiet ta’ ħarta. Tkun preparata mhux wara li jseħħ biex tiġbor il-ħsara, iżda qabel. Dan huwa sforz enormi li fl-Unjoni Ewropea dħalna għalih. Mhux faċli żgur, imma dak li ġara Madrid u Londra huma eżempji ċari quddiemna. L-Indja għalina hija art li hi demokratika u qegħda toħroġ iktar fl-iżvilupp sħiħ ta’ pajjiż li huwa iktar minn qabel parteċipant fix-xenarju ekonomiku. L-istabbiltà ta’ dan il-pajjiż hija importanti għalina wkoll. Għalhekk jixraq dejjem iktar li filwaqt li nagħtu s-solidarjetà neċessarja, ma nabbandunawx il-linja li s-sigurtà hija strument vitali għalina lkoll fid-dinja demokratika. Fl-aħħar tal-ġurnata napprezzaw ir-realtà ikbar li s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea hija t-tarka tal-libertà tagħna.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan