MediaToday

Emmanuel Micallef | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109

Lesti għad-daqqa jew le?

Is-sena t-tajba. Hekk se nawguraw lil xulxin fl-aħħar jiem ta’ din is-sena. Ma nagħmlux ħażin għax jekk hemm sena li ma tantx tidher li se tkun tajba hija s-sena d-dieħla. Ma rridux naqtgħu qalbna anzi rridu nagħmlu kuraġġ biex nilqgħu għal din l-isfida imma meta nafu x’hemm lest għalina bilfors li nitħassbu u nħarsu ’l quddiem b’ċerta kawtela anke jekk aħna ottimisti di natura.
Il-mewġ qawwi li ġej fuqna minn barra ma nistgħux inżommuh kif ġieb u laħaq. Jekk it-turisti ma jersqux, għax f’pajjiżhom ukoll jilħaqhom dal-mewġ, se nbatu bl-ikrah. L-ikbar daqqa tkun fl-impjiegi f’dan is-settur. Jekk ma nbigħux fis-swieq internazzjonali, fis-sens jekk l-esportazzjoni tonqos waqt li l-importazzjoni tiżdied, id-daqqa se nħossuha iktar.
Jekk l-investiment barrani f’pajjiżna jixxotta allura l-ferita se tkompli tikber. Ir-riċessjoni ġġib tbatija li tinħass fil-laħam il-ħaj. Mhumiex żminijiet sbieħ li se nsibu ma’ wiċċna u nkunu irresponsabbli jekk biex inkunu ottimisti nippruvaw innaqqsu mill-gravità tas-sitwazzjoni u npinġu stampa sabiħa qisu għalina ma jista’ ħadd.
Pajjiżi b’ekonomija ferm ikbar u iktar b’saħħitha minn tagħna, bħal Ġermanja, diġà qed iħossu l-uġigħ aħseb u ara x’jista’ jiġri lilna jekk ma nilqgħux minn qabel u naħdmu flimkien bil-għaqal minn issa. L-Unjoni Ewropeja ħarġet bi pjan ta’ salvataġġ ekonomiku bil-għan li tikkumbatti l-waqgħa fir-ritmu ekonomiku u qed tinsisti li s-27 stat membru, fuq medda ta’ sentejn, qed tgħid li l-pajjiżi kollha għandhom inisslu kunfidenza fost il-komunità tan-negozju u l-konsumaturi billi jkun hemm ġenerazzjoni ta’ madwar 200 biljun ewro fi nfieq u tnaqqis fit-taxxi ħalli terġa’ tirkupra l-ekonomija. Pajjiżna jrid jikkontribwixxi u jibbenefika minn dan il-pjan. Allaħares le! Għax minkejja li għandna l-vantaġġi tagħna għax aħna żgħar iżda fi kwistjoni bħal din jgħodd għalina bil-bosta l-għidut li “iż-żgħir dejjem jaqlagħha”!
Fil-bagit għas-sena d-dieħla l-Gvern ħaseb biex jgħin mill-aħjar li jista’ ħalli ma jistaġnax ir-ritmu ekonomiku f’sitwazzjoni ta’ riċessjoni. L-Oppożizzjoni kkritikatu li m’għamilx biżżejjed, anzi li mexa f’direzzjoni kważi opposta għal dak li għamlu f’pajjiżi oħra fejn naqsu t-taxxi bi kbir biex iħallu iktar flus fl-idejn.
Jidher iżda li bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni hemm ir-rieda li jaħdmu flimkien biex għas-sena li ġejja nilqgħu għad-daqqiet li ġejjin minn barra. Almenu hekk fhimt mid-diskorsi li għamlu l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt il-Business Forum li sar xi jiem ilu.
Nittama li d-diskorsi li jsiru fil-konferenzi jissarrfu f’ħidma konkreta għall-ġid tal-pajjiż. Intqal li kull pjan ekonomiku jrid jaħseb għat-tul u mhux għall-immedjat għalkemm irridu nifhmu li ċirkostanzi straordinarji jeħtieġu soluzzjonijiet straordinarji. F’dal-kuntest il-miżuri mħabbra mill-Gvern dwar it-tariffi tad-dawl u l-ilma bilfors jitqiesu bħala stonatura qawwija mhux biss minħabba l-impatt li se jħallu fuq il-familji iżda minħabba l-effett xokkanti li se jħallu fl-ekonomija in ġenerali.
Ħadd ma jifhem kif il-Gvern iħabbar miżuri waqt id-diskors tal-baġit imbagħad ftit jiem wara l-istess Ministru tal-Finanzi jammetti li wħud minnhom saru fuq premessi ħżiena u għalhekk kien se jirrevedihom. Ħadd ma jifhem kif il-Gvern fi żmien xahrejn iċċaqlaq kemm-il darba mid-“deċiżjoni finali” li kien diġà ħa. L-ewwel qalulna li t-tariffi tad-dawl kienu se jiżdiedu bejn €1.5 u €5 għal kull persuna fil-ġimgħa; imbagħad qalulna li se jiżdiedu bejn €0.55 u €1.80 għal kull persuna fil-ġimgħa waqt li għall-ilma se jiżdieda bejn €0.83 u €1.19. Imbagħad wara l-protesta tal-Unions tħabbar li t-tariffi se jiżdiedu bejn €1 u €3 għal kull persuna fil-ġimgħa. Jistgħu jgħidu li dan ifisser kemm il-Gvern lest li jisma’ u jaġixxi iżda xorta nibqa’ ngħid li din mhix serjetà u l-ippjanar għandu jsir b’iktar reqqa.
Din sieħeb il-pożizzjoni tal-unions. Jinsistu fuq id-djalogu soċjali imbagħad lanqas huma biss kapaċi jżommu d-djalogu bejniethom. Ħarġu jgħajtu bl-avveniment storiku għax 20 union imxew spalla ma’ spalla fil-Belt u wara li ltaqgħu mal-Gvern spiċċaw mifrudin iktar milli kienu qabel ma ngħaqdu. Ħdax-il Union jgħidu mod u disa’ unions jgħidu mod ieħor. Mhux biss iżda spiċċajna b’mexxejja tal-unions li qabel kienu jgħorku dahar xulxin issa jattakkaw lil xulxin fil-beraħ. U allajbierek dan jumejn wara li marru fuq ix-xandir u taw l-impressjoni li wasal iż-żmien biex jitwaqqaf il-Kunsill tat-Trade Unions Maltin. Mhux bir-raġun li meta jara hekk il-Gvern jibqa’ għaddej? Kif jista’ jiddjaloga ma’ min hu mifrud? Din ukoll hija nuqqas ta’ serjetà iktar uw iktar quddiem is-sitwazzjoni li qegħdin u deħlin fiha.
Iż-żmien jitlob li jkun hawn għaqda nazzjonali biex naffrontaw il-kriżi ekonomika. Il-poplu dak li jrid mill-mexxejja tiegħu u mhux il-logħob bil-bżallu!

 

Intervista
‘Labar u msiemer’ fl-edukazzjoni

Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg


Editorijal
Integrazzjoni


Il Punt
Il-kuraġġ tal-bidla
Louis Grech



Emmanuel Micallef
Lesti għad-daqqa jew le?


Carmelo Mifsud Bonnici

Ir-realtà tat-terroriżmu



Wenzu Mintoff
X’wiċċ għandu!



Toni u Peppi
Mit-torċa għall-brigata: tibdil kożmetiku jew ta’ sustanza?


Minn Carmel Cacopardo
Il-bidla tal-klima u l-ħolqien tax-xogħol: x’relazzjoni?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan