Intervista | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Carmel Borg hu Professur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Għal dawn l-aħħar 20 sena ħadem b’risq it-tfal li s-sistema edukattiva twarrab u tiskarta. Jemmen li s-sistema edukattiva għandha timxi bil-prinċipju li jingħata l-aktar lil min għandu bżonn l-aktar. Mhux komdu bil-fatt li s-sistema edukattiva tfalli madwar 50 fil-mija tal-istudenti Maltin meta dawn ma jgħaddux mill-eżami tal-liċei.
Fuq Bondiplus tas-17 ta’ Novembru kien qal: ‘Irridu li dan il-pajjiż jirrabja għal din is-sitwazzjoni. Din hi sitwazzjoni ta’ niket u inaċċettabbli.’ Meta tħares lejn l-istatistiċi ta’ kemm qed ifallu tfal mis-sistema ma kellniex nirrabjaw qabel?
“Assolutament. Dawn it-tfal qed nivvjolentawhom darbtejn: b’sistema edukattiva li tfallihom u bl-ispettaklu li qegħdin noħolqu mill-falliment edukattiv tagħhom. Ma nafx kemm-il programm televiziv u tar-radju saru dwar dan is-suġġett. Imbagħad il-problema tintesa wara ftit jiem. Il-miżerja ta’ dawn it-tfal saret komodità kummerċjali.
“Ir-rabja ġejja wkoll mill-fatt li d-diskussjoni ssir b’ċerta kumdità u kalma, donnu t-tfal jistgħu jistennew. Hemm bżonn ta’ msiemer u labar fuq is-sufani komdi tad-diskussjoni.
“Irridu nifhmu wkoll li l-viżjoni edukattiva ‘ġdida’ li qegħdin nipproponu hi viżjoni li nebbħet lill-moviment progressiv internazzjonali tas-sittinijiet; moviment li ħadem biex itemm l-elitiżmu fil-qasam edukattiv.
“Għalhekk l-Istorja għandha tagħtina sens ta’ urġenza għax tfakkarna li l-aqwa sistemi edukattivi llum huma dawk li baqgħu jibnu fuq il-viżjoni ta’ ugwaljanza tas-sittinijiet. Sfortunatament, id-dilettantiżmu tagħna żammna milli nwettqu l-proġett egalitarju fil-mument storiku.”
Bondiplus xeħet dawl fuq is-sitwazzjoni f’Bormla. Meta se jinxeħet l-istess dawl fuq inħawi oħra f’Malta li għandhom l-istess problemi?
“Forsi li ddiskutejna lil Bormla biss kien żball strateġiku tal-programm. Il-falliment akkademiku mifrux ma’ Malta kollha. Dak li jżejten il-magna tal-falliment skolastiku – problemi soċjoekonomiċi, diffikultajiet fit-tagħlim, esperjenza kurrikulari fqira, strutturi li jfixklu l-iżvilupp tat-tfal u nuqqas ta’ appoġġ – hu mifrux ma’ kull rokna ta’ Malta. “Għalhekk, għandna bżonn ta’ qafas ta’ ħsieb ġdid, politika edukattiva ġdida u prattiċi liberatorji aktar mifruxin. Hemm tweġibiet konkreti għat-teknoloġija tal-falliment.
“Sistema edukattiva ġenwinament inklussiva għandha twieġeb għall-bżonnijiet edukattivi ta’ kulħadd mhux għal dawk biss li jfallu. Għandha tilħaq ukoll lil dawk li jidhru huma suċċess iżda huma mxebbgħin bis-sistema. M’għandux ikun il-falliment li jixprunana lejn dik id-direzzjoni.”
Il-kultura u l-prattiċi inklussivi mhumiex biss tweġiba għall-falliment skolastiku iżda, primarjament, huma mod alternattiv ta’ kif it-tfal jgħixu l-esperjenza kurrikulari. Irridu sistema inklussiva għax nemmnu f’soċjetà aktar demokratika; sistema li tieqaf tifred u tipprivileġġa setturi tas-soċjetà. Sistema li tibni komunitajiet edukattivi li jipprovdu aċċess għall-esperjenzi kurrikulari stimulanti u rilevanti lil kulħadd.”
Tħoss li matul is-snin ċerti skejjel ingħataw inqas jew aktar attenzjoni minn oħrajn?
“Mhemmx dubju. Bħala għalliem fi skejjel differenti ġarrabt il-‘ħelu u l-morr’ tad-diskriminazzjoni. F’kuntest ta’ ekonomija żgħira, nuqqas ta’ riżorsi u politika edukattiva li tifred, is-saltna tal-ipprivileġġat hi parti integrali mill-ħajja edukattiva tal-istudenti u l-għalliema. Elfejn sena wara għad hawn ħafna li m’aċċettawx li tal-aħħar għandhom jiġu l-ewwel. It-tagħlim taħt saqaf wieħed jgħin biex l-ekonomija tal-privileġġi tfalli.”
Żied jgħid li l-ingustizzja soċjali ma tafx il-bidu tagħha fuq l-għatba tal-iskola. It-tfal jitwieldu f’kuntest soċjoekonomiku inġust.
“Għalhekk l-inġustizzja soċjali għandna nattakawha minn kmieni. Qabel mat-tfal jiġu l-iskola. Jidher li fl-aħħar qegħdin napprezzaw l-importanza strateġika tal-edukazzjoni għat-tfulija bikrija. Edukazzjoni li tibda min-nieqa. Hemm bżonn urġenti ta’ politika u prattika edukattiva għas-snin bikrin, b’mod partikulari għall-ewwel snin tal-ħajja tat-tfal: politika edukattiva li fiċ-ċentru tpoġġi lit-tfal u lil min jieħu ħsiebhom. Nittama li fil-proċess ninfatmu mill-qafas ta’ ħsieb li jħares lejn is-servizzi fl-ewwel snin tal-qasam edukattiv bikri bħala servizzi soċjali fil-kuntest ta’ waħda mill-miri ta’ Lisbona. It-tagħlim fit-tfulija bikrija hu dritt bażiku tat-tfal. Nixtieq nara taħlita ta’ servizzi li jvarjaw minn ħidma fid-djar għal ċentri ta’ kwalità ta’ matul il-jum.
“It-tama tiegħi hi li l-ħondoq maħluq mill-inġustizzja soċjali jkun indirizzat kmieni ħafna fil-ħajja tat-tfal.”
F’dan il-kuntest il-ġenituri għandhom jibdew jingħataw taħriġ obbligatorju fit-trobbija tat-tfal? F’soċjetà fejn persuna tingħata edukazzjoni obbligatorja dwar bosta temi, meta niġu biex niddeċiedu dwar ħajja ta’ tarbija u l-iżvilupp tagħha, għandna nħallu f’idejn l-għerf jew l-injoranza ta’ ġenitur?
“Naqbel mal-kunċett tal-formazzjoni kontinwa tal-ġenituri bħala dritt u obbligu ta’ kull min irabbi t-tfal. Iżda trid tkun edukazzjoni miż-żewġ naħat: edukazzjoni fejn kemm l-għalliema kif ukoll il-ġenituri jipparteċipaw b’mod sħiħ f’tisħib ta’ għerf u tagħrif.
“Nemmen li kull ġenitur għandu l-potenzjal li jkun edukatur daqs kemm ikun parteċipant fil-proċess edukattiv. Iddejjaqni l-idea li nidħlu fiċ-ċentri tat-tagħlim biex insalvaw. Irridu nifhmu wkoll li l-problema ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-ġenituri fil-ħajja edukattiva tat-tfal hi ħafna aktar mifruxa milli naħsbu u tolqot lill-faxex soċjali kollha tas-soċjetà Maltija.”
Kif jaħsibha dwar il-proposti l-ġodda tal-edukazzjoni?
“Kull min jafni, jaf li dejjem ħdimt b’risq l-edukazzjoni u l-ġustizzja soċjali. Għalhekk, naqbel mal-proposti ewlenin tar-riforma fl-edukazzjoni. Il-biża’ ewlenija tiegħi hi li fil-qalb ta’ qalbna għadna separatisti: klassisti, sessisti, razzisti, eċċ. Għalhekk nibża’ li t-terren ideoloġiku u s-sistema ta’ valuri eżistenti huma ’l bogħod wisq mill-ispirtu tar-riforma.
“Jista’ jkun li fil-kuntest tal-urġenza tar-riforma se nispiċċaw nimponu l-inklużjoni aktar milli nbiddlu b’mod ġenwin il-valuri tan-nies. Qiegħed nantiċipa reżistenza attiva u passiva frott il-kontestazzjoni ideoloġika u sistemi ta’ valuri kontrastanti.
“Ħaġa oħra li qiegħda tinkwetani hi l-ottimiżmu żejjed ta’ min ħadem ħafna għal dawn ir-riformi u li kultant iqis il-kritika bħala attentat biex jitfixkel il-pjan ta’ riforma. Jien kont f’din il-pożizzjoni 10 snin ilu u allura mill-ewwel inxomm id-difetti fl-implimentazzjoni. Fil-programm Xarabank rajt ħafna ottimiżmu mibni aktar fuq ix-xewqa milli fuq ir-realtà konkreta.
“Qiegħed nibża’ wkoll li meta niġu għar-riżorsi finanzjarji u umani ma jkunx hemm biżżejjed biex insostnu r-riformi, mhux biss dawk li tħabbbru fil-jiem li għaddew, iżda anki dawk li għadhom ġejjin.”
Isemmi wkoll l-għalliema.
“It-taħriġ tal-għalliema hu kruċjali f’kull riforma. Hawn ukoll qiegħed nara kalkoli ħżiena. L-idea li t-taħriġ bażiku li jirċievu l-għalliema hu biżżejjed biex jilqgħu għall-isfida tad-diversità fil-klassi hi żbaljata. Barra minn hekk, kull min hu involut fit-taħriġ tal-għalliema li qegħdin fis-servizz, jaf kemm trid paċenzja u tul ta’ żmien ta’ taħriġ fil-klassi biex tifforma għalliem stabbilit fi prattiċi differenti.
“F’10 snin, il-proġett Let Me Learn ħarreġ madwar 620 għalliem, numru tajjeb, iżda qatra fl-oċean tal-bżonnijiet pedagoġiċi li għandhom l-eluf tal-għalliema f’dan il-qasam. Il-preġju ta’ dan il-proġett hu li jifforma u jsegwi lill-għalliema fil-klassi, aktar milli jlaqqagħhom bil-mijiet fis-swali u jibgħathom barra bid-daqq.”
Isemmi wkoll il-bżonn ta’ aktar appoġġ għall-istudenti. Isostni li filwaqt li qiegħed isir xogħol tajjeb, il-ħsad hu ħafna akbar min-numru ta’ ħaddiema. L-iskejjel tal-istat bħalissa kull m’għandhom hu psikologu waħda u s-sitwazzjoni f’dan il-qasam ilha sejra lura. Żied jgħid li l-counsellors fl-iskola ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief jirreferu l-każ.
“Dawn ir-riformi se jikxfu aktar problemi. Fejn qabel konna nistgħu nwaħħlu fin-nuqqas ta’ motivazzjoni u t-traskuraġni tat-tfal issa se nikkommettu rwieħna li s-sistema trid twennes lit-tfal kollha tul il-vjaġġ edukattiv tagħhom.
“Il-bidla mhux biss iġġib sfidi ġodda iżda tiġġenera ħafna stress qalb l-għalliema. Irridu nkunu ppreparati li nappoġġaw lill-għalliema b’kull mod. Minbarra li l-ġenituri qegħdin jibżgħu li t-taħriġ tal-għalliema, l-iżvilupp kurrikulari u xogħol ieħor relatat mal-bidla se jikkompetu mal-ħin tat-tfal.
“Nittamaw li ma nżarmawx il-knejjes biex nibnu oħrajn,” wieġeb Borg.
Iħoss li l-ġenituri huma l-aktar reżistenti?
“Naħseb li l-ġenituri huma aktar beżagħna milli reżistenti. Trid tqis li dawn kienu l-istudenti fi żmien ir-riforma tal-1973. Malta m’għandhiex storja memorabbli ta’ riformi kbar li rnexxew. Ħafna għadhom jistaqsu x’sar minnhom uħud mill-proposti tal-kurrikulu nazzjonali.”
Taha rendikont tal-iżviluppi storiċi riċenti. Kompla jispjega li r-riforma tal-1973 ħadet żvolta ġdida bir-ritorn tal-eżami tal-Liċei fl-1981. Kien eżami iebes li kien jixkuma ’l ftit. Faxxa kbira ma kinitx tgħaddi u allura kien ikun hemm aktar inklużjoni fl-iskejjel tas-sekondarja minħabba li kien hemm numru akbar ta’ studenti li jitħalltu. Fl-1987 twessgħet il-faxxa ta’ dawk li jgħaddu bir-riżultat li dawk li fadal bdew jiġu ttimbrati bħala l-irmixk tas-sistema.
Staqsejnieh jaħsibx li bit-tneħħija tal-istreaming hux se jitnaqqas l-assenteiżmu, l-illetteriżmu u t-tfal li joħorġu kmieni mill-iskola u bla ċertifikati.
Qal,“Jekk qed naħsbu li t-tneħħija tal-istreaming hi r-riċetta tas-salvazzjoni sejrin żball. Kuntent li l-policymakers huma konxji ta’ dan il-fatt. Jafu li dan hu biss il-bidu.”
Ġab eżempju ta’ diversi skejjel li m’għandhomx streaming iżda li xorta jpoġġu ħafna pressjoni fuq l-istudenti tagħhom minkejja li dawn jibqgħu telgħin mill-kindergarten sas-sekondarja.
Rigward xogħol li t-tfal jingħataw id-dar, il-famuż homework, iwissi kontra li l-homework għandu jikkumpensa għan-nuqqas ta’ ħidma fil-klassi.
“Ma nistgħux nassumu li t-tfal se jmorru d-dar u se jsibu l-għajnuna. Għalhekk, il-ħidma fil-klassi hi kruċjali jekk irridu nindirizzaw bis-serjetà l-ġustizzja soċjali.”
Jitħaddet dwar l-aħħar tema: kollaborazzjoni mhux kompetizzjoni. Ma taħsibx li din tidher wisq sabiħa meta fid-dinja tax-xogħol għandek ħafna kompetizzjoni?
“L-inklużjoni titlob li l-iskola tmexxi l-aġenda tal-kollaborazzjoni u mhux li tkun magna tal-kompetizzjoni u tal-individwaliżmu. Jinħtieġ kollaborazzjoni bejn l-għalliema u l-iskola, l-iskola, d-dar u l-komunità u l-għalliema u t-tfal.
“Iżda jekk wieħed iħares lejn x’qiegħed jiġri fl-industrija isib li anke l-industrija aċċettat id-diskors tal-kollaborazzjoni. Nittama li l-iskejjel jifhmu li qegħdin hemm biex, jekk hemm bżonn, imorru kontra l-kurrent u mhux sempliċiment jinġarru mill-aġenda tal-Istat.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Editorijal

Il Punt
Louis Grech

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Minn Carmel Cacopardo
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|