Il-Punt - Louis Grech | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109
Biex tbiddel irid ikollok il-kuraġġ. Iżda daqstant ieħor irid ikollok kuraġġ biex taċċetta l-bidla. L-ebda istituzzjoni ma tista’ tibqa’ teżisti b’saħħitha jekk tibqa’ f’pożizzjoni ta’ status quo. L-ebda organizzazzjoni ma tista’ tibqa’ tikber u tiżviluppa jekk ma tbiddilx u ma tiġġeddidx. Għalhekk kull organizzazzjoni, iktar u iktar partit politiku, minn żmien għal żmien irid iħares lejh innifsu u jagħmel tiġdid meħtieġ ħalli jneħħi dak li hu dgħajjef u jibni fuq dak li hu b’saħħtu.
Il-proċess ta’ tibdil tal-Partit Laburista (PL) kien ispirat mill-fatt li ma ridniex inħottu ta’ xejn b’xejn, iżda ridna nibnu fuq dak li ħafna nies – inkluż nies barra mill-organizzazzjoni interna tal-partit – dehrilhom li għandu jagħti nifs ġdid lill-partit.
Fil-ħajja m’hemm xejn statiku u mhemm l-ebda liġi naturali li tgħidlek xejn ma jista’ jinbidel. Għalhekk il-proposti li ġew mixtarra u diskussi fil-jiem li għaddew ma sarux b’mod kappriċċuż iżda b’mod oġġettiv u san. Dan iż-żmien ta’ bidla hu mument deċiżiv fl-istorja tal-partit u d-delegati u l-membri jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom.
Iddeċidejna li rridu nagħmlu eżerċizzju serju u mhux sempliċiment kożmetiku. Ma stajniex nikkuntentaw lil kulħadd u xi kultant kellek taqta’ u xi drabi tweġġa’. Iżda finalment kulħadd fehem li dan l-eżerċizzju kien ispirat minn xewqa onesta li nagħmlu partit effiċjenti, effettiv u relevanti.
Stajna ħadna żewġ toroq: dik li ma tagħmel xejn u ma turta lil ħadd jew dik it-triq iktar iebsa li nagħmlu tibdiliet li naħsbu li huma meħtieġa anki jekk mhumiex popolari. Żgur li kien ikun inaċċettabli li wara żewġ rapporti ta’ analiżi tat-telfiet elettorali jibqa’ ma jsir xejn.
Il-PL kien onest biżżejjed li aċċetta l-iżbalji li saru fil-passat kuntrarju għal dak li għamel partit ieħor. Madankollu l-PL hu partit bl-akbar storja f’pajjiżna li għamel kisbiet fundamentali fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika tagħna. Forsi issa wasal iż-żmien li waħda mill-ikbar sfidi tkun fl-attitudni u l-mentalità tagħna.
L-akbar kuraġġ hu li wieħed jaċċetta l-bidla u biex tagħmel dan irid ikollok kultant tbiddel il-mentalità, l-attitudni u l-perċezzjoni. Aktarx din tista’ tkun waħda mill-akbar sfidi li għandna quddiemna.
Għandu jispiċċa ż-żmien li nħallu l-avversarji politiċi tagħna jagħmlulna l-aġenda huma biex imbagħad jinfexxu f’eżerċizzji ta’ manipulazzjoni u spin. Hu inaċċettabbli għalina u rridu noqgħodu attenti li ma nagħmlux awto-gowls u ma nħallux lil ħaddieħor jġagħlna nemmnu f’xi fataliżmu irreversibbli li l-PN hu l-unika partit f’Malta li għandu d-dritt u l-kapaċità li jmexxi.
B’dan il-proċess urejna kif il-PL ma jiddejjaqx mill-kritika u altru milli għandu xi ‘mentalità tal-assedju’.
Is-slogan ‘progressivi’ għalija ma jkun ifisser xejn jekk din il-kelma ma tissarrafx f’xogħol konkret. Inkella tispiċċa waħda minn mijiet ta’ buzz words.
Nemmnu li r-rebbieħa huma dawk li jantiċipaw u jifhmu b’mod veru u mhux superfiċjali t-tibdiliet li qed jiġru madwarhom. Dan filwaqt li jkunu kapaċi jarmaw għall-isfidi billi jġeddu l-istruttura tagħhom qabel ħaddieħor.
Din kienet l-ewwel fażi tat-tibdil u sal-Konferenza Ġenerali Annwali li għandha ssir fil-bidu tas-sena d-dieħla se nkunu lestejna wkoll tibdil organizzattiv ieħor daqstant neċessarju fl-oqsma finanzjarji, amminstrattivi u politiċi tal-partit.
It-tibdiliet li ġejjin jindirizzaw materji bħal ma huma l-immaniġjar tal-media, ir-riċerka u l-kampanja elettorali, il-ħolqien ta’ fondazzjoni li fost affarijiet oħra jkollha l-kompitu li tagħmel riċerka aktar effettiva fuq politika differenti u anki toħloq skola għal formazzjoni politika u ekonomika. Se jkun hemm ukoll ħolqien ta’ strutturi li jindirizzaw speċifikament is-settur finanzjarju tal-partit.
Hu kruċjali li wara li ngħaddu t-tibdiliet organizzattivi u strutturali nużaw ir-riżorsi kollha biex niffukaw u nindirizzaw il-prijortitajiet politiċi u l-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed jiffaċċa l-pajjiż.
Partit politiku jitkejjel skont il-policies u l-viżjoni tiegħu għall-pajjiż.
Se jasal il-waqt fejn in-nies se jduru fuqna u jistaqsuna għall-alternattivi u se jsibuna lesti. L-istruttura li qed nibnu llum hi l-pedament biex fil-ġimgħat li ġejjin il-partit jibni politika ta’ sustanza li toffri soluzzjonijiet fl-oqsma li jolqtu lin-nies. Dan hu l-proċess li l-PL jrid ikompli u li se jgħinna nikkonvinċu l-elettorat biex jagħmel bidla fit-tmexxija tal-pajjiż.
Il-PL se jkun f’pożizzjoni aħjar biex jikkonvinċi l-elettorat jivvutalu mhux biss għax l-elettorat hu mdejjaq mill-ineffiċjenza, l-arroganza, l-ipokrezija tal-avversarji tagħna iżda għax jemmen li l-PL jista’ jagħmel soċjetà aktar soċjali b’ekonomija ħielsa, b’saħħitha u effiċjenti mingħajr ma tkun ibbażata fuq kapitaliżmu sfrenat. Soċjetà li jkollha inqas preġudizzji, aktar solidarjetà u iżjed tolleranza. Irridu nemmnu li l-PL għandu jaspira u jemmen li jista’ jattwa programm pożittiv li jwassal għal soċjetà li verament tevolvi b’mod aktar ċivilizzat.
Louis Grech hu Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew
|
|
Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg
Editorijal

Il Punt
Louis Grech

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff

Toni u Peppi
Minn Carmel Cacopardo
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|