MediaToday

Editorjal | 30 ta’ Novembru 2008 Nr 109

Integrazzjoni

Ir-rapport li ħareġ din il-ġimgħa minn The Today Public Policy Institute (TPPI) dwar l-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari jixħet dawl fuq problema li ftit isir diskors dwarha mill-politiċi.
Għall-ewwel darba rapport minn istituzzjoni indipendenti mill-partiti u magħmulha minn esperti fil-qasam jagħmilha ċara li l-immigrazzjoni hi fenomenu li se jibqa’ jseħħ.
Ir-rapport jgħid l-ovvju meta jinsisti li se jibqa’ jkollna jgħixu fostna immigranti li jkunu waslu fuq id-dgħajjes. Iżda dak li hu ovvju għal min janalizza l-problema b’mod oġġettiv mhux daqstant ovvju għal min irid jilgħab għall-gallarija u jibqa’ jrewwaħ il-biża’.
Sfortunatament ħafna drabi l-lingwaġġ tal-politiċi kemm-il darba qanqal it-tama li xi darba għad neħilsu mill-problema billi ma nħallux lill-immigranti jersqu ’l hawn u jekk jiġu nibagħtuhom lura jew lejn l-Ewropa.
F’dan il-kuntest ir-rapport tal-esperti jpoġġi subgħajh fuq ferita ewlenija: dik tan-nuqqas ta’ politika dwar l-integrazzjoni.
Mill-2002 lil hawn Malta ffukat l-enerġija tagħha biss fuq id-detenzjoni. Qajla sar xi ħaġa biex wara li joħorġu mill-kampijiet magħluqa l-immigranti jkunu jistgħu jqumu fuq saqajhom u jgħixu ħajja dinjituża.
L-esperti jgħidu ċar u tond li statistika uffiċjali u serja dwar l-għadd ta’ immigranti li qed jgħixu fil-komunità ma teżistix. Dan ifixkel l-ippjanar fit-tul speċjalment fejn jidħol il-qasam soċjali.
L-integrazzjoni tal-immigranti mhix biss imsejsa fuq il-ħtieġa li dawn in-nies ikollhom id-dinjità mħarsa. Hi msejsa wkoll fuq il-ħtieġa ta’ sigurtà nazzjonali. Biex nevitaw il-problemi li qed jesperjenzaw soċjetajiet oħra barra minn Malta importanti li għall-quddiem ma jinħolqux komunitajiet magħluqa ta’ immigranti foqra fejn jitrewħu problemi soċjali u kriminali li jistgħu jolqtu ħażin lill-bqija tas-soċjetà.
Hu meħtieġ li l-immigranti li se jibqgħu jgħixu fostna jkunu jistgħu jsibu mpjieg regolari. Ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, is-saħħa u l-għajnuna soċjali. Hekk ikunu jistgħu jgħixu ta’ ċittadini sħaħ.
Politika ta’ integrazzjoni tfisser li dawn ikunu jistgħu jikkomunikaw tajjeb bl-Ingliż jew bil-Malti. Tfisser li jkunu mgħarrfa dwar il-liġijiet tal-pajjiż u x’drittijiet u obbligi joħorġu minnhom. Tfisser li jkunu jafu dwar l-użanzi u l-kultura Maltija.
Din hi politika għal kollox differenti minn dik imħaddma sal-lum. Nifhmu li tista’ ddarras lil ħafna nies. Iżda l-periklu li jista’ jinħoloq ’il quddiem jekk ma nagħmlu xejn u ħafna ikbar mill-periklu immaġinarju li dawn in-nies se jeħdulna pajjiżna f’idejhom.
Jaqbel lil kull ċittadin Malti jekk l-immigranti ma jkunux sfruttati fuq il-post tax-xogħol. L-isfruttament joħloq iċ-cheap labour li jimmina l-impjiegi.
Jaqbel lil kull ċittadin jekk it-tfal tal-immigranti jmorru l-iskola għax hekk jitilgħu persuni sħaħ b’rispett lejn il-komunità li tkun laqgħathom.
Jaqbel lil kull ċittadin jekk l-immigranti jkollhom il-mezzi finanzjarji biex jikru u jgħixu għal rashom f’post sura ta’ nies għax ifisser li ma jibqgħux dipendenti fuq l-Istat.
Jaqbel lil kulħadd jekk l-immigranti jinqalgħu mix-xibka ta’ faqar li jgħixu fiha għax il-faqar ibaxxi l-bniedem u jwelled il-kriminalità u problemi soċjali oħra.
Ir-rapport tat-TPPI joffri nifs ġdid fid-dibattitu dwar l-immigrazzjoni. Nittamaw li l-Gvern u l-politiċi l-oħra jużawh bħala qafas għal bidliet leġislattivi, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi li hemm bżonn iseħħu fil-pajjiż.

Intervista
‘Labar u msiemer’ fl-edukazzjoni

Franica Pulis tintervista lil Professur Carmel Borg


Editorijal
Integrazzjoni


Il Punt
Il-kuraġġ tal-bidla
Louis Grech



Emmanuel Micallef
Lesti għad-daqqa jew le?


Carmelo Mifsud Bonnici

Ir-realtà tat-terroriżmu



Wenzu Mintoff
X’wiċċ għandu!



Toni u Peppi
Mit-torċa għall-brigata: tibdil kożmetiku jew ta’ sustanza?


Minn Carmel Cacopardo
Il-bidla tal-klima u l-ħolqien tax-xogħol: x’relazzjoni?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan