MediaToday

Wenzu Mintoff | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108

Żvilupp demokratiku

L-istorja mhux biss tinkiteb mir-rebbieħa fil-gwerra, imma anki l-mod kif jiġu trasmessi lin-nies il-ġrajjiet attwali bil-mezzi differenti ta’ komunikazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar ukoll hi kwistjoni ta’ poter u ta’ saħħa finanzjarja.
Iktar le milli iva, din la hi xi battalja demokratika tal-ideat u wisq inqas xi tfittxija għall-verità. L-iżvilupp demokratiku li seħħ f’pajjiżna mal-milja tas-snin kien bit-tlajja’ u bl-inżul tiegħu bħalma kien f’kull pajjiż ieħor.
Sa ftit tas-snin ilu, fil-perijodu ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, il-parti l-kbira tal-Maltin ma kienu jiddeċiedu xejn f’ħajjithom għax kollox kien determinat mill-Ingliżi u l-laqx u l-loqom li kien jifdal kienu jiddeċiduh bejniethom il-ftit mijiet ta’ benestanti, nobbli jew professjonisti Maltin li huma biss kienu ntitolati li jivvutaw, ġieli anki iktar minn darba.
Kellha tkun id-devastazzjoni tal-gwerra u x-xita tal-bombi li waqgħu fuq ras kulħadd li permezz tagħhom ssaħħet l-idea li minn taħt is-sema ’l isfel suppost kulħadd l-istess. Riħ ta’ siegħa naddaf il-qiegħa. F’temp ta’ ftit xhur wara tmiem il-gwerra ngħata vot wieħed lil kulħadd; lil min kellu r-renti mill-proprjetà u lil min ma kellux għaxja ta’ lejla.
Lil min ma kienx jaf imqar jikteb ismu u kunjomu ngħata l-istess vot li kellhom l-aqwa professuri li kienu jafu jorqmu u jqisu kull kelma fid-diskorsi akkademiċi u fil-letteratura. Proprju fl-istess żmien ingħata wkoll il-vot lil iktar min-nofs Malta, lin-nisa ta’ ’l fuq minn 21 sena li sa dak iż-żmien qatt ma kienu vvutaw f’ħajjithom.
Illum it-teorija tgħidlek li fis-sistema demokratika kulħadd stmat l-istess b’vot wieħed għal kulħadd. U jekk ma tridx sirna nivvutaw kważi kull sena, għax apparti l-elezzjoni ġenerali, nixħtu l-vot anki fl-elezzjonijiet lokali u issa anki għall-Parlament Ewropew.
Għandna wkoll għal ġieh wiċċek id-drittijiet fundamentali tagħna mħarsin u msaħħin mhux biss b’dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni u l-Liġi Maltija imma b’dak li jisħqu fuqu l-konvenzjonijiet Ewropej. Imma b’dawn l-iżviluppi kollha li kien hawn fis-sistema demokratika tagħna, fis-sustanza eżattament x’inbidel jekk ħafna minn dak li jiġri f’ħajjitna spiċċa mill-ġdid jiġi deċiż mill-barranin?
Imbagħad għal dak li jifdal, iħalltu u jaqsmu bejniethom l-istess klikka ta’ żewġ tużżani nies li ilhom jagħmlu hekk għal dawn l-aħħar 20 sena u fuqhom.

Kollox possibbli
Darba f’mitt qamar, f’ċiklu li jirrepeti ruħu kull ħames snin, jaħsbu fina u tgħidx kemm ifissduna u jinżlu għarkubtejhom quddiemna għax jiġu bżonn il-vot tagħna. Fid-daqqa u l-ħin l-impossibbli jsir possibbli u l-bibien tagħhom jinfetħu beraħ għal min jillixkawlu għall-vot tiegħu. B’ħerqa kbira jiftħu widnejhom għal dak li int tixtieq twasslilhom. Dan hu żmien partikolari fejn kulħadd iħares b’kuraġġ u ottimiżmu lejn il-ġejjieni, fejn iwegħduna l-anġli jiżfnu, jistidnuna għal divertiti b’xejn, ħallik imbagħad nirċievu l-kont wara l-elezzjoni.
Hu ż-żmien ukoll fejn nirċievu mingħandhom kartolini f’għeluq żmienna u stediniet għall-riċevimenti daqs li kieku konna nieklu l-kirxa magħhom. Hu mument irrepetibbli li jdum ħames snin ma jiġi ieħor bħalu. Proprju għalhekk mhumiex ftit dawk li f’mumenti bħal dawn jirahnu u jinnegozjaw il-vot tagħhom ma’ dak li jkunu ilhom għomorhom u żmienhom jistennew li jieħdu bi dritt jew b’abbuż, bis-sewwa jew bid-dnewwa.
Xi permess, xi liċenzja, xi konċessjoni minn xi dipartiment tal-Gvern li jkunu ilhom is-snin iqattgħulek imsarnek fuqhom, sakemm l-impossibbli jsir possibbli lejlet xi elezzjoni.
Min ħataf, ħataf u min ma ħatafx irid joqgħod jittewweb, jistenna ħames snin oħra sakemm ma jkunx minn fost dawk tal-qalba. Imma mill-għada tal-elezzjoni qisu qatt ma kien xejn u s-sema kaħlan taħt xemx tgħanni f’kampanja elettorali, fid-daqqa u l-ħin isir iswed u ċlampu u jwaqqak zopptu ’l isfel. Lura għan-normal u r-rutina tas-soltu fejn il-kelma tiegħek ma tiswa kważi xejn u minn widna tidħol u mill-oħra toħroġ.

Rahan
Imma sewsew b’din id-demokrazija kollha li suppost hawn f’dan il-pajjiż, b’dawn il-ħafna drittijiet ħerġin minn widnejna, bejn elezzjoni u oħra safrattant nispiċċaw kważi injorati għal kollox. Għalhekk jibda jipprevali fina sens qawwi ta’ rassenjazzjoni, li tparla kemm tparla, tipprotesta, tikteb u ġġib lil min iparla, kollu ta’ xejn u qed taħli l-ħin u l-enerġija tiegħek fil-vojt. Li għandu jsir se jsir għax min jikkmanda jagħmel il-Liġi.
Inti tiġi kkalkulat biss lejlet xi elezzjoni meta jiġu bżonn il-vot tiegħek u mill-bqija qed taħli ħinek fil-politika u aħjar tmur taqla’ lira żejda x’imkien forsi tkampa xi ftit aħjar mal-ħajja.
Mhux ta’ b’xejn f’pajjiżi oħra bil-kemm jivvutaw bejn 50-60 fil-mija tal-elettorat. Jivvutaw jew ma jivvutawx għalihom xorta. Hawn Malta nibqgħu nivvutaw fl-elezzjonijiet b’idejna u b’saqajna b’perċentwali plebbixxitarji li jfakkruk fl-hekk imsejħa elezzjonijiet li kienu jsiru fl-Unjoni Sovjetika, għas-sempliċi raġuni li huma ħafna dawk li jippruvaw jirahnu jew jipotekaw il-vot tagħhom.
Bit-twessigħ tad-demokrazija, bil-pluraliżmu, ombudsmenijiet, citizens charters, customer care u x’naf jien, is-sistema burokratika ta’ dan il-pajjiż xorta għadha tinstadt u toħloq l-imblokki biex int ma tiħux dak li ħaqqek fi żmien raġonevoli.
Fl-aħħar snin tal-leġislatura l-oħra rajna kif il-fenomenu ta’ ‘jekk ma xxaħħamx, ma tvarax’, kiber u mhux naqas. Il-fenomenu nfirex minn affarijiet kunsidrati żgħar bħal liċenzji tal-karozzi u tad-dgħajjes sa affarijiet kbar bħal kuntratti pubbliċi ta’ miljuni kbar ta’ liri.
Is-sistema burokratika ta’ pajjiżna għandha ħafna mis-sistema tad-drenaġġ imqabbda mad-djar bil-loki tagħhom li l-ħin kollu jinstadd u s-segretarjati privati tal-Ministeri bħal Pejtra ta’ Ħaż-Żabbar iseffdu fil-katusi biex is-sistema ma tibqax miżduda.

PBO
Mingħajr mistħija ta’ xejn, is-Segretarju Ġenerali prinċipjant tal-PN, Paul Borg Olivier qed jippretendi li l-ministeri jgħaddulu l-informazzjoni dwar l-ilmenti li jagħmlu ċittadini privati dwar dak li jkun naqashom mill-Gvern u d-dipartimenti tiegħu.
Hu u jagħmel dan PBO forsi assuma li dawk li jagħmlu dawn ix-xorta ta’ ilmenti kollha ġejjin mix-xaqliba Nazzjonalista u jieħdu pjaċir li d-dettalji personali tagħhom jitperrċu mal-kurituri tal-istamperija.
Immaġina iktar minn nofs Malta li ma taqbilx mal-Partit Nazzjonalista taf tispiċċa bid-data personali tiegħu jew tagħha lloggjata fil-kompjuters ta’ partit li ma jaqblux miegħu. Is-sabiħa hi li ftit tas-snin ilu l-Gvern ġiegħel lil partita nies, azjendi u kumpanniji jonfqu xeba’ flus biex il-prattiċi tax-xogħol tagħhom ikunu jikkonformaw mar-rekwiżiti legali tal-protezzjoni tad-data. Biex issa bl-iskuża tal-effiċjenza, addio protezzjoni tad-data suppost kunfidenzjali li qed tispiċċa fuq il-kompjuters tal-Partit Nazzjonalista ġewwa tal-Pietà.
Tal-inqas fis-Snin 20 u 30 ma kinux jippruvaw jinħbew wara subgħajhom u jagħmlu t-teatrin, jgħidu li kien hawn id-demokrazija meta ma kienx hawn. Kienet politika tal-elite bi ftit eluf biss li kienu jivvutaw, fejn kollox kien ikkontrollat mill-istess tużżana minn nies li kienu jħalltu u jaqsmu bejniethom.
Bil-maqlub tal-lum fejn għalkemm suppost kulħadd hu l-istess b’vot wieħed għal kulħadd, bħal fir-razzett tal-bhejjem, hemm ħnieżer li huma ugwali aktar mill-bqija tal-ħnieżer, bin-‘nobbiltà’ ġdida li ġġorr fil-but tagħha l-politikanti ta’ żminijietna, li fl-aħħar mill-aħħar hi din li tiddeċiedi għalina.

 

Intervista
Meta d-diversità fil-lingwi tfisser demokrazija

Franica Pulis tintervista lil Leonard Orban, il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu


Editorijal
Rabja


Il Punt
Il-kuxjenza morali
Mons. Ġużeppi Mercieca



Emmanuel Micallef
Kuntenti u ferħanin!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-piraterija reġgħet magħna



Wenzu Mintoff
Żvilupp demokratiku


Patri Mark Montebello
Ċelebrazzjoni ta’ mument storiku ma’ Ġwanni XXIII


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan