MediaToday

Aħbarijiet | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108

Dan hu l-Partit Laburista ta’ Muscat

Għada tibda titlaqqa’ l-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista: proposti bidla fl-arma, mexxej maħtur mill-membri u t-tneħħija tal-Bord tal-Viġilanza

Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt

Il-Partit Laburista għada se jibda jlaqqa’ lid-delegati tiegħu f’dik li qed titqies minn ħafna bħala konferenza ġenerali importanti li għandha twassal għat-terremot imwiegħed mill-Mexxej Joseph Muscat.
Id-delegati jridu jiddeċiedu dwar numru ta’ bidliet fl-istatut li jvarjaw minn bidla kożmetika fl-isem u fl-arma tal-partit, għal bidliet oħra iktar serji bħat-tneħħija tal-Bord tal-Viġilanza u l-Brigata Laburista. Il-Bord tal-Viġilanza kemm-il darba ntuża biex jissawtu membri u uffiċjali fil-partit talli jkunu esprimew nuqqas ta’ qbil mat-tmexxija jew mad-direzzjoni meħuda.
Bidliet oħra jinkludu żieda fl-għadd tad-delegati żgħażagħ u l-ħolqien ta’ Kungress Nazzjonali kompost mill-membri tal-partit li jkun hu li jaħtar il-mexxej u japprova l-manifest elettorali qabel kull elezzjoni. Il-ħolqien ta’ Kungress Nazzjonali se jfisser li għall-ewwel darba f’Malta l-membri ta’ partit kbir se jkunu jistgħu jagħżlu l-mexxej tagħhom.
Id-delegati se jintalbu jiddeċiedu wkoll dwar il-possibbiltà li organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili affiljati mal-partit jingħataw numru ta’ delegati.
Bidliet oħra se jiffukaw fuq l-amministrazzjoni tal-partit fejn qed ikun propost li jitneħħew il-karigi ta’ Segretarju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Segretarju Finanzjarju, funzjonijiet li se jgħaddu f’idejn l-istruttura maniġerjali taħt il-kappa tal-Kap Eżekuttiv. Ir-rwol ta’ Segretarju Edukattiv ukoll se jitneħħa u minflok il-funzjonijiet edukattivi se jgħaddu f’idejn fondazzjoni ġdida. Il-Kap tal-fondazzjoni, imlaqqma IDEAT, se jkun ukoll fuq l-amministrazzjoni tal-partit.
Dan se jkun fost l-ikbar eżerċizzju ta’ tibdil fl-istatut li qatt ra l-Partit Laburista.
Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja se tibda tiltaqa’ għada. Imbagħad id-delegati se jinqasmu f’diversi workshops matul il-ġimgħa. Il-Konferenza terġa’ tiltaqa’ l-Ġimgħa u tintemm il-Ħadd.

Uħud mill-bidliet proposti fl-istatut tal-Partit Laburista
Isem u Arma

- L-isem li fl-istatut jidher bħala “Partit tal-Ħaddiema – Malta Labour Party” se jinbidel uffiċjalment f’ Partit Laburista (PL).
- Qed jiġi propost aġġornament fl-arma tal-PL b’mod li jirrifletti s-simbolu storiku tat-torċa iżda fil-kuntest tal-bidliet statutorji u aġġornament maż-żminijiet.

Viżjoni
- Qed jiġi propost aġġornament fl-iskop tal-PL bil-għan li l-Viżjoni tkun ta’ organizzazzjoni politika li tiġbor fiha persuni bi ħsieb progressiv u msejjes fuq prinċipji soċjal demokratiċi, bil-għan li titjib il-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà.

Kungress Nazzjonali
- Il-ħolqien ta’ Kungress Nazzjonali li jiġbor fi ħdanu lill-Membri tal-PL.
- Dan il-Kungress se jkun l-organu li jaħtar lill-Mexxej tal-PL. F’każ li jkun hemm aktar minn żewġ kandidati għall-ħatra, il-Konferenza Ġenerali tniżżel dan in-numru għal tnejn. Imbagħad ikunu l-Membri tal-PL fi ħdan il-Kungress li jaħtru lill-Mexxej. Persuna tkun fil-Kungress wara li tkun ilha aktar minn ħames snin konsekuttivi Membru fil-PL.
- Il-Kungress jitlaqqa’ wkoll qabel l-Elezzjoni Ġenerali biex jiddiskuti l-perspettivi politiċi tal-Programm Elettorali.

Delegati
- Qed jiġu proposti miżuri biex tirdoppja l-preżenza ta’ żgħażagħ bħala Delegati fil-Konferenza Ġenerali. Fost l-oħrajn, qed ikun propost li jkun hemm mill-inqas post wieħed f’kull kumitat riżervat għal żgħażagħ. Passi simili se jiġu proposti għal nisa u veterani b’mod li l-Konferenza Ġenerali tkun tirrifletti aħjar il-firxa tas-soċjetà Maltija.
- Se jkun hemm żewġ postijiet fost il-Membri eletti tal-Eżekuttiv Nazzjonali riżervati għaż-żgħażagħ.
- Se tiddaħħal il-possibbiltà li esperti, nies b’esperjenza varja kif ukoll persuni li jistgħu jagħtu kontribut f’ċerti oqsma ta’ diskussjoni, jinħatru Delegati għal sena b’mod li jgħinu fil-formazzjoni tal-politika tal-PL.
- Qed jiġi propost taħriġ mandatorju għal Delegati b’mod li dawn ikunu infurmati aħjar bl-aħħar ħsibijiet politiċi.
- Qed titpoġġa l-mira ta’ 40 fil-mija ta’ Delegati rappreżentattivi ta’ kull sess.
- L-ammont ta’ Delegati se jsir ukoll aktar rappreżentattiv tan-numru ta’ Membri f’kull lokalità. Qed jiġi suġġerit ukoll li l-ebda uffiċjal lokali jew distrettwali ma jista’ jibqa’ fil-kariga għal aktar minn 10 snin konsekuttivi.
- Qed jiġi propost l-irduppjar ta’ postijiet riservati għal Kunsilliera Lokali b’mod li tissaħħaħ ir-rappreżentanza ta’ min ġie elett direttament mill-poplu.
- Proposta oħra hi dwar il-possibbiltà ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili, fosthom dawk tal-istudenti, li jistgħu jkunu affiljati mal-PL u jingħataw leħen permezz ta’ Delegati fil-Konferenza Ġenerali.

Membri
- Biex persuna tidħol Membru tal-PL trid tiddikjara li taqbel mal-prinċipji Soċjal Demokratiċi.
- Żgħażagħ ta’ 16-il sena se jkunu jistgħu jsiru Membri tal-PL.

Amministrazzjoni Nazzjonali
- Qed jiġi propost li jitneħħew il-karigi ta’ Segretarju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Segretarju Finanzjarju, liema funzjonijiet se jibdew isiru minn persuni maħtura apposta.
- Il-kariga ta’ Segretarju Edukattiv ukoll se tispiċċa. Minflok qed jiġi propost li l-Eżekuttiv Nazzjonali jaħtar iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Soċjal Demokratika – IDEAT li jkun membru tal-Amministrazzjoni.
- Karigi ġodda fl-Amministrazzjoni huma Rappreżentant Kunsilli Lokali (maħtur mill-Kunsilliera) u Segretarju Organizzattiv.

Fondazzjoni Soċjal Demokratika – IDEAT
- Il-Fondazzjoni Soċjal Demokratika – IDEAT se tieħu post il-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer u l-Fondazzjoni Mikiel Anton Vassalli, li se jkunu integrati fil-ħidma l-ġdida. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni se jkollu post fl-Amministrazzjoni tal-PL.
- L-għan tal-Fondazzjoni hu li tkun ċentru ta’ studju politiku li tiżviluppa, tipproponi u tippromwovi politika progressiva.

Brigata Laburista
- Qed jiġi propost li tispiċċa l-istruttura tal-Brigata Laburista.
- Il-funzjoni edukattiva se tkun vestita totalment fi ħdan il-Fondazzjoni Soċjal Demokratika – IDEAT.

Etika u Dixxiplina
- Qed jiġi propost li l-Bord tal-Viġilanza u Dixxiplina jiġi xolt. Minflok għandu jiġi addottat Kodiċi ta’ Etika li jridu jimxu miegħu l-Membri kollha. Deċiżjonijiet dwar dan il-qasam jittieħdu mill-Amministrazzjoni u Eżekuttiv Nazzjonali.

Għawdex
- Qed jiġi propost li Għawdex jiġi rikonoxxut bħala Reġjun bi struttura li tkun partikolari għalih.

 

Intervista
Meta d-diversità fil-lingwi tfisser demokrazija

Franica Pulis tintervista lil Leonard Orban, il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu


Editorijal
Rabja


Il Punt
Il-kuxjenza morali
Mons. Ġużeppi Mercieca



Emmanuel Micallef
Kuntenti u ferħanin!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-piraterija reġgħet magħna



Wenzu Mintoff
Żvilupp demokratiku


Patri Mark Montebello
Ċelebrazzjoni ta’ mument storiku ma’ Ġwanni XXIII


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan