Sports | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108
Mark Attard
Ħal Qormi hu raħal kbir u fost l-aktar popolat f’Malta. Minn ta’ età żgħira dejjem ħsibt kif jista’ jkun li l-klabb tal-futbol tagħhom qatt ma sab post mal-kbar. Kienu jiġuni ħafna mistoqsijiet f’moħħi fuq diversi raġunijiet. Tweġibiet konkreti qatt!
Jien u sejjer niltaqa’ ma’ Matthew erġajt ħsibt fuq dan kollu. Illum li l-Qormin sabu posthom mal-kbar aktar minn ċert li jekk joħroġ l-għerf u l-għaqal tagħhom se jkollhom snin twal fl-ogħla diviżjoni. Forsi mhux għalissa, imma l-ħeġġa u l-prudenza li qed jimxi biha l-iżgħar President tal-kampjonat Premier tagħtini x’nifhem dan kollu.
L-appuntament bejn it-tnejn ikun fil-5pm ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa fil-lukanda Hilton, Portomaso f’San Ġiljan. Ir-rikkezzi ta’ dan il-proġett turistiku jilqgħuk. Sakemm inpoġġu bil-qiegħda fuq wieħed mis-sufani tar-reception area ninnota ħafna nies li kienu fl-akwata jħarsu lejn wieħed mit-tfal tad-diretturi. Għamilt daqsxejn arja…
Lilu npoġġielu d-diskors li l-għerq tiegħu huwa Ħamruniż u li kieku flok ma’ Ħal Qormi qiegħed ma’ Ħamrun Spartans diġa’ probabbilment rebaħ xi ħaġa ta’ aktar prestiġju fl-ogħla livelli tal-futbol Malti.
“Nisma’ ċerti nies jgħiduha din il-biċċa imma ma nemminhiex. Mhux il-każ. In-nannu kien sinonimu mal-Ħamrun għax kien pulizija hemm. Aħna għexna u trabbejna f’Ħal Qormi u għalija dan ir-raħal jiġi l-ewwel u qabel kollox.”
Bir-risposta tiegħu ħadtu li bħal donnu ried jaqtagħli l-għatx bil-perżut. Qatt ma kelli l-ħsieb li nbiegħdu minn klabb li diġà ilu sentejn President tiegħu.
“Dawn is-sentejn fissru għalija ħafna affarijiet ġodda. Il-futbol huwa xi ħaġa li nħobb. Inqatta’ ħafna ħin il-klabb u għandi ħafna xogħol taħt rasi. Id-differenza bejn klabb tal-Premier u tal-Ewwel Diviżjoni issa qed toħroġ u qed ngħixha. Kuljum ġurnata ġdida u qatt ma tista’ tgħid x’ikun ġej ġdid fuqhek.
“Jien kont bdejt ma’ Ħal Qormi xi ħames snin ilu fin-nursery. Dak iż-żmien kien ħija Silvan il-President. Għal raġuni ta’ xogħol kellu jieqaf. Wieħed mill-membri tal-Kumitat Redino Apap għamel xi xahar u nofs ġej ix-showroom biex iħajjarni nkompli fejn ħalla ħija. Kont dħalt f’nofs staġun. Fil-bidu tas-sena ta’ wara kien hemm il-Laqgħa Ġenerali u appuntawni bħala President. S’issa għadni hawn.”
Nistaqsih x’irnexxielu jibdel fil-klabb Qormi fiż-żmien li ilu jokkupa dan is-siġġu. Ma tantx idum jaħsibha biex jirrispondini.
“Ċerti manjieri ta’ serjetà. Li mhux kollox għadu jsir kif ġib u laħaq. Kellna nbiddlu ħafna l-aktar fid-dixxiplina tagħna. Kellna bżonn atteġġament addattat għall-klabb tal-Premier biex stajna nimxu ’l quddiem.
“Ħal Qormi jixraqlu jkun fil-kampjonat Premier kemm għan-nies u anki għall-kobor tal-post. Hija importanti li din is-sena nżommu mal-kbar. L-għan tagħna bħalissa hu li nibqgħu hemm. Għad fadal ħafna x’nibdlu u s’issa għadu mhux il-każ li nibdew naħsbu biex nirbħu l-unuri. Ma tistax tiġri.”
Matthew Fenech twieled fid-9 ta’ Ottubru 1983 u joqgħod San Giljan. Għarus lil Vanessa u għandu tifla ta’ 8 snin, Kim. Huwa t-tielet President ta’ Qormi FC mill-familja Fenech magħrufin aħjar bħala ‘Ta’ Tumas.’ Matthew ħa s-siġġu ta’ President wara ħuh Silvan.
“Silvan għandu esperjenza aktar għax ilu ħafna aktar minni fil-futbol. Huwa bniedem li jitlaq ix-xogħol biex jaħdem fuq futbol. Ma jaqta’ qalbu qatt minn xejn. Jekk tara kemm-il darba prova jagħmel affarijiet impossibbli għal Ħal Qormi tinduna. Ħija għeni ħafna f’ħajti.”
Miegħu naqbad l-argument li kellu jkun hu l-ewwel President fl-istorja tal-klabb Qormiż li wassal lit-tim sal-quċċata tal-futbol Malti.
“Jien nismagħhom jgħidu li kienu jilagħbu fl-ogħla diviżjoni fiż-żmien in-nannu. Għadda daqsxejn iż-żmien. It-tir tagħna tas-sena l-oħra kien li nitilgħu Premier. Fil-verità stajna faċilment fallejna l-mira għax kif jaf kulħadd id-decider kontra l-Mosta kienet viċin ħafna. B’ħafna reqqa u b’ħafna għaqal irnexxielna. Kulħadd ħadem għaliha. Għamilna din il-ħolma realtà u fuq dan kollu rrid nagħti mertu lil Jesmond Zerafa li ħadem ħafna.”
Ħal Qormi jibqa’ raħal li l-iżvantaġġ tiegħu fil-futbol hu li ħafna jippreferu t-tiġrijiet taż-żwiemel aktar mill-ballun. Matthew konxju ta’ dan kollu.
“Inħobb naħseb dwar dan. Forsi l-atteġġjament tan-nies tal-passat kien aktar iffukat fuq affarijiet oħra. F’Ħal Qormi sa ftit taż-żmien ilu kienu jiġu l-ewwel iż-żwiemel u wara l-festi. Għadna sal-lum bħala klabb tal-futbol insibu xi diffikultajiet sakemm tindara li t-tim jinsab Premier. Meta mmorru nħabbtu bieb bieb għadhom jgħidulna li tal-banda marru qabilna.
“Il-familja tiegħi l-istess. Ukoll qegħdin biż-żwiemel. Meta n-nannu tiegħi ken għadu ħaj jien kont inkun dejjem il-korsa tal-Marsa. Illum ngħidlek li l-futbol inħobbu aktar. Illum iktar milli nbiddlet il-mentalità nista’ ngħidlek li grazzi għat-tim tal-futbol għaqqadna lil Ħal Qormi. Hemmhekk għandna rivalità kbira bejn il-każini ta’ San Bastjan u San Ġorg. Il-ħaġa li għal darba f’okkażjoni ta’ futbol il-Qormin ingħaqdu flimkien intogħġbot minn kulħadd.”
Wara din il-ħolma Qormija hemm bla dubju l-id b’saħħitha tal-kowċ Jesmond Zerafa. Wara tant snin bħala plejer ta’ Valletta u t-tim nazzjonali, Zerafa jista’ jkun qed jara ħolma oħra ssir realtà fil-karriera tal-futbol tiegħu.
“Jien u Jesmond dħalna flimkien u għalhekk ħaddieħor midħla tal-klabb ma kienx jafna daqshekk. Għalina Jesmond pedina importanti ħafna. Lili għallimni ċerti affarijiet li tajjeb li bniedem fil-futbol ikun jafhom kemm jekk huma f’akkwist u anki moħħ tal-futbol.
“Jesmond għandu esperjenza kbira tal-futbol lokali u l-aktar li jogħġobni fih hu li jekk inhu abjad jgħid li abjad u jekk inhu iswed jgħid li iswed. Dik tefgħetna ħafna ’l quddiem. Is-sena d-dieħla ma nafx x’se jiġri minnu. Għad irrid inkellmu. Ma nistax ngħid x’se jiġri minn issa. Jien miegħu għandi ċerti kunfidenza. Bħala kumitat huwa bniedem disponibbli ħafna u ħadd ma jista’ jgerger fuqu. Naħseb li kieku kelli naħdem ma’ kowċ ieħor insibha differenti peress li lilu drajtu ħafna.”
Matul is-sajf il-kumitat ta’ Qormi għamel diversi akkwisti li possibbilment iżommu lit-tim fl-ogħla diviżjoni. Matthew jkellimni fuqhom.
“Għamilna akkwisti li lanqas jien ma stennejthom. Kienu akkwisti li tim tal-Premier jiġi bżonnhom u aħna kellna bżonnhom.
“Kellna decider kontra l-Mosta li kisritli qalbi. Id-differenza bejn il-Premier u l-Ewwel Diviżjoni kulħadd jafha u għalhekk bilfors li kellna nsaħħu l-iskwadra. Iżda dakinhar tad-decider kien mument sabiħ ħafna li esperjenzajtu għall-ewwel darba. U dan dejjem għax ġietna tajba. Sa l-aħħar konna għadna ma nafux x’se jiġri. Iżda l-emozzjoni li tinżel fil-grawnd u tifraħ mal-plejers ħadd ma jista’ jifhimha. Xi ħaġa tal-ġenn.”
Il-mistoqsija tiegħi tkun pronta: Imma minkejja dawn l-akkwisti, tibża’ li xorta tistgħu tiġu relegati?
“Il-biża’ dejjem ġo fija. Ħadd ma jaf x’jista’ jiġri. Mhux se nissogra ngħidlek ‘aħna mhux se naqgħu żgur.’ Is-sena l-oħra qatt ma għidt li se nitilgħu Premier żgur. Jiena ngħid li meta tgħid li oġġett se jiġi hekk jiġi bil-kontra. Għalhekk ma nħobb ngħid xejn. Inħobb noqgħod baxx ħafna f’ħajti.”
Wara kważi nofs staġun fil-Premier nistaqsih x’inhuma l-aktar affarijiet li dejquh fix-xena tal-futbol lokali.
“Waħda mill-affarijiet li jdejquni hi li ħafna affarijiet joħorġu minn fomm in-nies u ma jkunux veru. Sal-bieraħ stess fil-programm Replay qalu li Ian Zammit jista’ jingħaqad ma’ Ħal Qormi. Imbagħad kellmu lill-President tal-Belt li ma kien jaf xejn. Waħdi ngħid, ‘Imma għalfejn jingħadu ċerti affarijiet minn ġurnalisti li ma jkunux veri? Kif jiġu f’moħħkom?’ Għalina ġejja logħba importanti u mhux il-każ li jdaħħlu din il-pika.”
Nerġa’ nistaqsih jien. Imma żgur m’hemm xejn?
“M’hemm xejn. Qatt ma kien hemm xejn.”
Anqas taħditiet jew ingħad xi paroli?
“Jista’ jagħti l-każ li nkunu qed nitkellemu bejn erbat iħbieb u jissemma xi isem ta’ plejer biex jiġi magħna imma qatt ma kien hemm negozjati ta’ xejn. Jien jekk irrid plejer lest li nitkellem mal-klabb tiegħu u nġibu. M’għandix għalfejn ninforma lill-ġurnalisti qabel biex jwassluli l-messaġġ huma.”
Ikompli jispjegali x’inhuma l-għanijiet tal-klabb li huwa jmexxi għall-futur.
“Struttura fil-plejers. Sfortunatament ma tantx għandna plejers tagħna u għalhekk għall-futur irrid naħseb biex il-klabb ikollu l-plejers tiegħu. Bħala grawnd u klabb m’għandniex x’ingorru imma rrid niżgura li għall-futur il-klabb ikollu pedmanet sod biex ikompli jarma.
“Kelli naħseb biex miegħu jkolli nies fil-Kumitat ta’ ċertu valur. Jien għandi x’naqsam mal-KIA. Għandi x-xogħol tiegħi wkoll u bejn appuntamenti u telefonati kultant anki jien stess nistaqsi lili nnifsi kif inlaħħaq. Aħjar ngħidlek li jkolli nlaħħaq u daqshekk. Jien qatt mhu se nitlaq ix-xogħol minħabba l-futbol. Ħafna Presidenti għamluha għax għamew u tilfu rashom fuq il-futbol. Jekk niġi f’dik l-estremità li m’għadnix inlaħħaq mhux se niddejjaq ngħidlek li l-ewwel għalija jibqa’ x-xogħol u nħalli l-futbol.”
Minkejja l-età żgħira tiegħu Matthew diġa’ ġie konxju kemm f’Malta klabb tal-Premier diffiċli ħafna biex irendi mill-introjtu stess tal-klabb. Jaqbadli argument li jagħmel sens.
“Jekk tara l-futbol Malti ma’ dak barrani tinduna li m’hemmx paragun. Jekk int m’għandekx ċerti affarijiet ta’ barra minn hawn diffiċli biex il-klabb jibqa’ għaddej fuq ir-riżorsi tiegħu. Kulħadd konxju li f’Malta ħafna mill-klabbs jiddependu fuq il-Presidenti u l-membri tal-Kumitat u dik li ma nafx kif tista’ tissolva l-problema ddejjaqni ftit. Jien nixtieq li l-paga tal-plejers toħroġ kull xahar. Nixtieq li nibqa’ nżommha. Għalija dik priorità. Ma rridx insemmi klabbs oħra għax mhux xieraq iżda kellmuni plejers oħra li qaluli li ilhom tliet snin ma jitħallsu. Mhux sew.”
Nistaqsih jekk allura kienx qed jgħidli bil-pulit jarax lok għal aktar għajnuna mill-MFA?
“Mija fil-mija. Tgħidli x’se ssemmi? Din il-biċċa xogħol tal-kliem ħażin li jsir fil-grawnd ukoll ma naqbilx magħha. M’hemmx sistema minn naħa tal-MFA. Eżempju, kellna logħba li warajna nzerta kien hemm tim ieħor li l-partitarji tiegħu bdew deħlin u jitħalltu ma’ tagħna. Bdew jitkellmu ħażin u jkantaw vulgari. Kollu waqa’ fuqna għax sar waqt il-logħba tagħna.
“Anki tas-siġġijiet. Jitkissru minn partitarji ta’ klabb ieħor qabel il-logħba tagħna u weħilnihom aħna. Meta kellimna lill-MFA fuq din qalulna li m’għandhomx ħin joqogħdu jiċċekkjaw is-seats bejn logħba oħra.
“Oħra li ddejjaqni hija tal-gate money. Mela min ikollu ħafna nies ikollu jaqsam ma’ min m’għandux. Flok ngħidu lill-klabbs biex jagħmlu l-almu tagħhom ħa jtellgħu n-nies insolvu l-problema billi kullħadd jaqsam ma’ kulħadd. Aħna bħala Ħal Qormi żvantaġġati minnha. Imma m’hemmx x’tagħmel, ikollok toqgħod hekk. Hemm ħafna lok għal tibdil fl-MFA. Nissoponi li hemm lok kif l-MFA tista’ tgħin aktar il-klabbs.”
F’kull ċirkostanza f’din id-dinja dak li jaqlagħha jkun dejjem iż-żgħir. Dan l-argument nemmen ħafna fih anki fil-logħba tal-futbol fejn jidħlu r-referees. Nistaqsih fuq dan.
“Dan punt li m’ilux tkellimna dwaru jien u xi ħbieb oħra. Il-logħba hemm qegħda u r-referee jikkontrollaha. L-għajnejn qegħdin fl-uċuh u llum ngħidlek, ‘Iva, hemm każi li r-referees jiffavorixxu l-aktar lill-kbir.’ Jien inħossha ħafna. M’ilux kontra l-Ħamrun fit-trophy ġralna hekk. Filli kollox sew u filli kissirna. Ma tlaqtx ’l hemm biex ma jgħidux li jien kiesaħ. Tefagħna l-baħar. Ma smajtiex illum din il-biċċa xogħol iżda llum nista’ nitkellem fuqha u ngħidlek, iva, naqbel miegħek li ż-żġħir f’kull ċirkostanza fid-dinja dejjem jaqlagħha. Tgħidlix għalfejn.”
Id-domanda kurjuża tal-aħħar tiegħi tkun fuq min jaħseb li se jirbaħ il-kampjonat u min se jisfa relegat. Matthew jaħsibha qabel jiżbilanċja ruħu fuq mistoqsija minnhom.
“Mistoqsija naqra diffiċli bħalissa. Bħala materjal jogħġbuni l-Hibs imma ma naħsibx li jaslu. Jien naħseb li bejn Birkirkara u l-Belt. Imma mhux se neskludi lis-Sliema.
“Fuq in-naħa t’isfel jista’ jagħti l-każ li jkun kull min ikun fir-Relegation Pool. Diffiċli tgħid.”
Nitolbu jagħmel l-aħħar appelli tiegħu u jirringrazzja lil dawk li dejjem sab ta’ għajnuna matul din il-ħolma li qed jgħix.
“F’dan l-istadju nixtieq l-għajnuna mingħand il-Qriema kollha u mhux biss finanzjarja. Għajnuna li lilna tagħtina kuraġġ. L-iktar oġġett li napprezzaw hu li l-Qriema jibqgħu warajna anki fil-ħafna diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu. Iżda dik li nkun il-grawnd u nħares lejn in-naħa tagħna u nara lil dawk in-nies jappoġġaw lil Ħal Qormi jkun ta’ stimolu biżżejjed għalija biex inkompli mmexxi lil dan il-klabb. F’qalbii ngħid ‘iva, hemm qegħdin…ninsabu fit-triq it-tajba.’
“Nixtieq nirringrazzja lil missieri u lill-kumplament tal-familja tal-appoġġ li dejjem sibt mingħandhom. Nirringrazzja lit-tfajla tiegħi li fehmet li l-futbol inħobbu. Lill-plejers, lill-Kumitat kollu u lill-Qriema kollha li meta niftakar fihom jagħtuni l-enerġija.” |
|
Franica Pulis tintervista lil
Leonard Orban,
il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu
Editorijal

Il Punt
Mons. Ġużeppi Mercieca

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Patri Mark Montebello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|