Patri Mark Montebello | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108
Jikteb Patri Mark Montebello
Fis-26 ta’ Diċembru li ġej, Mid-Dlam għad-Dawl (MDD) se tfakkar il-50 anniversarju miż-żjara storika tal-Papa Ġwanni XXIII fil-ħabs ta’ Regina Coeli ta’ Ruma, li seħħet fis-26 ta’ Diċembru ta’ l-1958. Din iż-żjara fetħet orizzonti ġodda fil-ministeru karċerarju tal-Kattoliċi u tat dimensjoni ġdida lil dak li, snin wara, il-Papa Ġwanni Pawlu II sejjaħ ‘l-evanġelju tal-ħabsijiet’.
It-tifkira se tieħu għamla ta’ pontifikat solenni mmexxi mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, fis-6.30 ta’ filgħaxija. Il-quddiesa se tkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta. Għal din it-tifkira huma mistiedna li jattendi l-pubbliku kollu li għandu għal qalbu l-atti tal-ħniena nisranija, imma wkoll dawk kollha li huma b’xi mod involuti fil-ġustizzja kriminali u/jew penali. B’mod partikulari, huma mistiedna sabiex jattendu l-familji u l-ħbieb tal-priġunieri.
Il-Papa Ġwanni XXIII kien għadu biss xahrejn maħtur f’ogħla kariga tal-Knisja Kattolika meta, minn rajh, għażel li jagħmel din iż-żjara storika fil-ħabs ta’ Regina Coeli ta’ Ruma. Huwa qatta’ nofs ta’ nhar hemmhekk, fejn mexxa ċelebrazzjoni ewkaristika, għamel diskors improvizzat tal-okkażjoni, dar bosta kurituri tal-ħabs u ltaqa’ ma’ ħafna priġunieri.
“Issa l-ewwel ittra li tiktbu lil tad-dar,” kien qal lill-priġunieri, “għidulhom li ġie jarakom il-Papa u li qed iżommkom ilkoll ġewwa qalbu.”
Kienu kliem kommoventi li ħarġu mill-qalb ta’ Papa li kellu jibdel għal dejjem l-istorja reċenti tal-Knisja. “Arawni,” kompla jgħid lill-priġunieri, “jiena ġejt fostkom. Qegħidt għajnejja f’għajnejkom. Ibqgħu ċerti li din iż-żjara tal-lum se tibqa’ għal dejjem immarkata f’qalbi.”
Kien ilu madwar seklu li Papa rifes l-għadba tal-ħabs bħala viżitatur appostoliku. Għal ħafna għexieren ta’ snin, minħabba l-inkwiet politiku li kien inqala’ l-Italja, il-Papa kien sar speċi ta’ ‘priġunier fil-Vatikan’ u qatt ma rifes ’il barra mit-territorju assenjat lilu.
Il-Papa Ġwanni, bl-inġenwità u s-sempliċità tiegħu, ried jibdel dan kollu. Nhar il-Milied ta’ l-1958 huwa ħareġ mill-Vatikan biex iżur l-isptar tal-Bambin Ġesù ġewwa Ruma ħalli jara personalment lit-tfal miżmumin hemmhekk; u l-għada, 26 ta’ Diċembru, huwa żar il-ħabs ta’ Regina Coeli.
Dawn iż-żewġ żjajjar kienu qabdu l-immaġinazzjoni u l-entużjażmu tad-dinja. Ħadd ma kien qatt ra Papa jġib ruħu b’dan il-mod hekk qrib tal-poplu. Il-ferħ li nissel il-Papa Ġwanni XXIII f’dawn l-okkażjonijiet ġab tama qawwija għall-futur fil-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.
B’mod speċjali, il-Kattoliċi għarfu f’dawn il-ġesti sempliċi imma sinifikanti mumenti sbieħ ta’ komunjoni fraterna, imħabba nisranija u xhieda evanġelika.
Snin wara, il-Papa Pawlu VI kellu jsejjaħ iż-żjara tal-Papa Ġwanni XXIII fil-ħabs ta’ Regina Coeli dak in-nhar bħala “ġest ta’ ġmiel liema bħalu”. Kliem meqjus ta’ bniedem mistiku li għaraf fiż-żjara storika tal-Papa Ġwanni XXIII fil-ħabs bħala xrara mill-ġmiel ta’ Alla li wera f’Ġesù Kristu u l-ħbieb kollha tiegħu.
Illum, 50 sena minn wara dik iż-żjara storika, nibqgħu nħarsu lura lejn dak il-ġest tal-Papa Ġwanni XXIII bħala mument ta’ bidla u tiġdid li ħoloq xejra għal kollox ġdida fl-attitudni tal-Kattoliċi lejn il-priġunieri u l-familji tagħhom.
Meta d-dinja kienet għadha ġġib ruħha bl-imqit mal-priġunieri, il-Kattoliċi kien minn ta’ l-ewwel sabiex jibdlu din l-attitudni negattiva u jħarsu lejn il-priġunier bħala persuna bid-dinjità li għandhom ulied Alla.
Naturalment, il-pastorali karċerarja ma bdietx mal-Papa Ġwanni XXIII. Fil-Knisja Kattolika kienet teżisti tradizzjoni twila ta’ servizz lill-priġunieri u l-familji tagħhom. Imma l-Papa Ġwanni ta lil dan kollu perspettiva oħra, aktar umana, u, ċertament, aktar qrib il-qalb ta’ Ġesù. Il-ġest tiegħu fisser wisq aħjar milli qatt seta’ jagħmel bil-kitba xi jfisser l-att tal-ħniena li lkoll nitgħallmu fil-katekiżmu tagħna ‘żur il-ħabsin’.
Il-ġest tal-Papa Ġwanni kaxkar bl-eżempju mhux bil-kliem. Warajh, il-Papiet kollha tal-Knisja mxew fuq il-passi tiegħu – Pawlu VI, Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI. Dawn kollha żaru l-priġunieri fil-post ta’ l-inkarċerazzjoni tagħhom; u kollha fittxew li jnisslu fil-Kattoliċi u f’kulmin għandu rieda tajba ħalli jħares lejn il-priġunieri bir-rispett u l-imħabba li jistħoqqulhom.
F’Malta, il-pastorali karċerarja għandha tradizzjoni twila wkoll. Nistgħu nsemmu hawnhekk, ngħidu aħna, il-ħidma li kienu jagħmlu qrib il-priġunieri l-membri tal-Konfraternita tal-Ħniena sa aktar minn seklu ilu.
Insemmu wkoll il-ħafna voluntarji ta’ diversi għaqdiet li dejjem fittxew li jinkludu l-priġunieri fl-imħabba tagħhom. Din it-tradizzjoni hi ta’ l-aqwa sbuħija u jistħoqqilha li tiġi mfakkra u ċċelebrata.
Huwa proprju dan li se jiġi ċċelebrat fis-26 ta’ Diċembru li ġej fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann flimkien ma’ l-Arċisqof u l-President ta’ Malta, li jirrappreżentaw l-ogħla awtoritajiet ekkleżjastiċi u ċivili tagħna. Se nfakkru l-anniversarju taż-żjara storika tal-Papa Ġwanni, imma wkoll se niċċelebraw il-ħidma kollha mħabba li tul is-snin dejjem saret mal-priġunieri u l-familji tagħhom minn insara dedikati u fidili lejn il-vanġelu ta’ sidhom, Ġesù Kristu, li wkoll kien ħabsi qabel ma bata u miet għalina.
It-tifkira taż-żjara storika tal-Papa Ġwanni għandha tkun għażiża ħafna għalina lkoll, imma wisq aktar l-impenn u s-sagrifiċċju li ħafna nies jagħtu minn qalbhom fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u penali. Dan l-impenn u s-sagrifiċċju mhux dejjem hu rikonoxxut mis-soċjetà in ġenerali u għalhekk hu xieraq li l-poplu tagħna jroddilhom ħajr u juri l-apprezzament tiegħu għal din il-ħidma li ħafna drabi ssir fis-skiet u b’diffikultajiet kbar.
Il-Papa Ġwanni fetħilna t-triq sabiex inħarsu lejn il-priġunier mhux b’għajnejn ta’ bojja jew ta’ mħallef, imma bl-għajnejn ta’ Ġesù Kristu, li miet għal kulħadd; u li ħadd ma hu eskluż mill-imħabba ta’ Alla li ntweriet fih permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Għaldaqstant, din it-tifkira u din iċ-ċelebrazzjoni huma sejħiet għalina lkoll biex inġeddu l-impenn nisrani tagħna. Inġeddu, fuq kollox, is-sens ta’ ġustizzja li jgħallimna l-Evanġelju, dak is-sens li jfittex dejjem l-għaqda, il-ħniena u l-mogħdrija. Ejjew nilqgħu din is-sejħa u nuruha bis-sehem tagħna f’din l-okkażjoni.
Dan hu l-impenn tagħna lkoll, din hi l-missjoni tagħna bħala nsara: li nġeddu d-dinja bl-imħabba tagħna; li nnisslu l-valuri qawwija u sbieħ ta’ Ġesù Kristu.
Jalla mill-vokazzjoni nisranija tagħna ma jkun eskluż ħadd; imma nħaddnu lil kulħadd bl-istess imħabba li Alla wriena f’Ġesù. |
|
Franica Pulis tintervista lil
Leonard Orban,
il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu
Editorijal

Il Punt
Mons. Ġużeppi Mercieca

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Patri Mark Montebello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|