Carmel Mifsud Bonnici| 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108
Il-piraterija reġgħet magħna 1. Ilna nisimgħu kemm sirna dar waħda. Raħal wieħed fejn dak kollu li jsir fid-dinja jaffettwa. Ninfluwenzaw u niġu influwenzati f’daqqa mingħajr ma nindunaw. Hemm triq li bdiha Marshall Mc Luhan kif kien qal: “We again live in a village. Get it?” Dan tajjeb sabiex nifhmu u niġu soġġettati għall-kunċetti, ideat li aħna mhux dejjem lesti naċċettaw. Biss mhux dejjem nagħżlu b’ċertu forom ta’ rassenjazzjoni li noqogħdu għal din it-triq ta’ formazzjoni kulturali. 2. Id-dinja tikber u tiċkien, imma qiegħda hemm ukoll skont għal min jaqbillu. Dan għax naraw il-ħin kollu l-argumenti jinqalbu daqqa fuq naħa u daqqa fuq oħra. Il-globalizzazzjoni tiżfen fin-nofs, sija jekk irridu naċċettaw proposta, sistema, miżura, kif ukoll jekk għandna nirreżistuha. Kemm hija għodda tajba qed naraw llum fl-esperjenzi varji. Il-midja tużaha, tirkeb fuqha u titlaqha, skont dak li trid. 3. Għax fejn kumpanija, negozju, multinazzjonali, li trid li tidher li qed tagħmel suċċess, dan jiġi spjegat f’termini pożittivi. Imma ma narawx kemm għandna effetti ħerġin mid-direzzjonijiet negattivi li għalihom m’aħniex naħsbu. 4. Parti minn nuqqas ta’ informazzjoni, parti mill-fatt li eventi fid-dinja li qed jinfluwenzawna m’humiex qed jingħataw l-attenzjoni neċessarja huwa frott dan kollu. Ngħid dan quddiem l-evidenza li aħna esposti għall-kurrenti ta’ instabbiltà politiċi ta’ pajjiżi oħra. Meta reġjun fid-dinja jgħaddi minn instabbiltà, dan jaffettwa lilna. L-effett jista’ jiġi fuqna f’qasir żmien u jista’ jdum jew jingħaqad ma’ forzi oħra, imma fl-aħħar jiġi. 5. Il-kunflitti, l-faqar, in-nuqqas ta’ paċi qiegħed f’diversi pajjiżi fid-dinja, iżda dawn il-problemi ma narawhomx kuljum. Ma aħniex konxji biżżejjed ta’ kemm dan qiegħed jinfluwenza l-ħajja tagħna. Dan qed ifisser li ħafna drabi qed inħallu dawn is-sitwazzjonijiet għall-abbandun ta’ l-elementi umani. Il-vjolenza ma tiqafx waħedha, imma trid lil min iżommha. Jekk id-diplomazija ma tidħolx fin-nofs u tħalli fazzjonijiet, bnedmin jirrikorru għall-ġlied, dawn iħallu l-affarijiet imorru għall-agħar. Deġenerazzjoni assoluta, jekk mhux totali, li tħalli effetti fuqna lkoll. 6. Il-ġimgħa li għaddiet kienet karatterizzata minn diversi inċidenti fejn persuni fiż-żona Somala sabu bastimenti meħuda minn pirati. Dan huwa verament inkredibbli kif f’dan is-seklu erġajna sibna lilna nfusna fi 300 sena lura. Il-piraterija kellna l-impressjoni li spiċċat mal-Ordni ta’ San Ġwann f’pajjiżna, imma issa qed naraw li dan il-fenomenu kiber mill-ġdid. Kollu ġej mill-fatt li fis-Somalja hemm gwerra ċivili għaddejja li m’hemmx li tasal fi tmiemha. L-agħar hu li dan kollu ilu jiġi injorat mill-pajjiżi żviluppati. Flok dħalna għal proċess ta’ diskussjoni u djalogu u ġibna lill-partijiet fuq il-mejda tad-diskussjoni, ħrabna mill-problema. Dan inqasna minnu sija fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. L-elementi umani mhux kontrollati jmorru l-baħar. 7. Il-piraterija m’għandhiex tibqa’ aktar attività umana u hija sinjal ta’ deġenerazzjoni fil-linja tas-sigurtà globali. Aħna parti mid-dinja u għandna d-dmir li nagħtu l-kontribut sħiħ biex din tieqaf. Diġà għandna numru ta’ persuni li qed jiġu minn dak ir-reġjun b’sogru kbir għalihom u piż umanitarju għalina. Dan il-moviment uman huwa fir-realtà l-effett tal-kawża ta’ instabbiltà li hemm. Pajjiżna għalhekk l-ewwel se jibqa’ jsemma’ leħnu fejn hemm bżonn biex din il-problema tiġi solvuta għal kollox u, li b’liġi apposta jerġa’ jdaħħal il-pieni marbuta mal-priġunerija. Nittama li l-ġimgħa li ġejja tiġi pubblikata u f’ta’ wara diskussa fil-Parlament. Il-piraterija m’għandhiex tiġi iktar tollerata fid-dinja moderna tagħna li qed ngħixu fiha.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan