Emmanuel Micallef | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108
Il-Maltin huma fost l-iktar nies kuntenti fl-Ewropa. Hekk jirriżulta mill-istħarriġ dwar il-kwalità’ ta’ ħajja fl-Ewropa. Ġejna fis-sitt post minn 31 pajjiż. F’ċerti aspetti ma lħaqniex il-medja Ewropea iżda f’aspetti oħra morna tajjeb ħafna, inkluż fis-sodisfazzjon tal-ħajja li ngħixu.
Interessanti wkoll l-fatt li ħareġ minn dan l-istħarriġ li jgħid li aħna nbatu minn stress qawwi. Iżda kollox ma’ kollox aħna kuntenti u ferħanin! Żomm daqsxejn. Irridu ngħidu li dan l-eżerċizzju sar sena ilu u ħadu sehem fih 1,000 ċittadin minn popolazzjoni ta’ 400,000 u fuqhom. Naħseb li l-istorja tinbidel ta’ taħt fuq kieku dan l-istħarriġ kellu jsir issa fuq firxa iktar wiesgħa tal-popolazzjoni tagħna.
Veru li ġej il-Milied. Festa ta’ ferħ fejn il-poplu jieħu pjaċir jonfoq u jiddeverti. Żmien tant mistenni minn tal-ħwienet u dawk fin-negozju biex idawru lira. Żmien fejn kulħadd jara kif jagħmel biex jiffesteġġa u jiddiletta bir-rigali. Naħseb li Diċembru sar ix-xahar tal-aljenazzjonijiet fejn ħafna jirraġunaw li “għada ħadd ma rah”! Iżda fiċ-ċirkostanzi tal-lum ħafna huma dawk li nħakmu minn inċertezza, ħafna huma dawk li huma mħassbin dwar dak li se jolqothom fis-sena li ġejja. Hemm min qed jibża’ mill-piżijiet ġodda li se jkollu jġorr u mis-sagrifiċċji li jrid jagħmel.Fi ftit kliem, il-poplu tagħna żgur li mhux għaddej minn vena ta’ kuntentizza.
Il-kriżi finanzjarja li ħalliet bosta istituzzjonijiet finanzjarji lampa stampa u li ġabet riperkussjonijiet kważi irreparabbli fuq industriji u eluf ta’ impjegati, kif ukoll ir-riċessjoni ekonomika li se tolqotna fil-laħam il-ħaj matul is-sena d-dieħla, ma jagħmlulniex qalb nitbissmu anzi jġegħluna nidħlu f’qoxritna.
Biex tgħaxxaqha l-imberkin tariffi tad-dawl u l-ilma komplew jgħabbuna bil-ħsibijiet u kulħadd irrassenjat biex jara kif iġebbed ’l hawn u ’l hemm ħalli jlaħħaq mal-kontijiet. Ħafna ħaddiema wkoll għandhom denbhom bejn saqajhom għax ma jafux jekk hux se jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom. Diġà qegħdin induqu s-sensji u l-ġimgħa mnaqqsa tax-xogħol.
Il-prezzijiet esaġerati kemm ta’ affarijiet essenzjali kif ukoll ta’ kull tip ta’ konsum ma sibniex irkaptu tagħhom u se nibqgħu nġorru din il-ħotba fix-xhur li ġejjin. B’dan biss diġà jindifen il-“feel good factor” aħseb u ara x’nagħmlu meta niftakru li hemm 100,000 intopp ieħor li rridu niffaċċaw biex inserrħu moħħna li qegħdin ngħixu f’ambjent san u stabbli.
Fuq livell politiku wkoll għandna d-dubji. Donnu li t-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi għandha wisq mazzri interni. Fil-kwistjoni tat-tariffi l-Prim Ministru deher dgħajjef quddiem l-isbroff tal-Ministru Austin Gatt. Issa qed jipprova jiġbor ġieħ il-Gvern meta jaf li l-froġa ma tistax terġa’ tagħmilha bajda.
Il-Ministru Dalli jippreferi jiftaħar bl-amministrazzjoni ta’ qabel Gonzi minkejja li jifforma parti mill-Gvern ta’ Gonzi. Il-Prim Ministru jżomm fommu sieket meta jisma’ lill-Ministru Dalli jilmenta fuq id-diżastru tal-waiting list tal-isptar Mater Dei u issa meta l-istess Dalli stqarr li l-iskemi ta’ akkomodazzjoni soċjali ta’ żmien Gonzi ta’ qabel huma lussu li qed jingħataw b’xejn.
L-istess Prim Ministru jista’ jagħmel ftit li xejn meta jisma’ x’għandu xi jgħid Jeffrey Pullicino Orlando dwar permessi ta’ żvilupp fil-Konkatidral ta’ San Ġwann maħruġin mill-Awtorità tal-Ippjanar li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Gonzi innifsu. Il-Prim Ministru huwa iktar minn konxju li l-Gvern li qed imexxi qiegħed iżomm fuq ħajta ta’ siġġu Parlamentari. Din is-sitwazzjoni wkoll iġġib inċertezza f’moħħ il-poplu. Daqs kemm iġġib uġigħ ta’ ras is-sitwazzjoni nterna tal-partit fl-Oppożizzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għad irid jagħti prova li l-bidla li wiegħed li se jagħmel fil-fatt għamilha. Il-bidliet fl-istatut li se jitressqu għad-diskussjoni fil-konferenza ġenerali straordinarja li se ssir dan ix-xahar joffru l-qafas tar-riformi iżda ma jassigurawx it-twettieq tagħhom.
Jekk il-partit fl-Oppożizzjoni jibqa’ jidher li moħħu kif se jdewwi lilu nnifsu jkun diffiċli għalih li jipproġetta ruħu bħala t-tabib li jista’ jfejjaq il-mard tal-pajjiż bħala Gvern alternattiv.
Hemm iktar ħsibijiet f’moħħ il-poplu. Il-qerda tal-ambjent, il-prezzijiet tal-propjetà u l-mediċini, l-qagħda mwiegħra prevista fit-turiżmu, in-nefqa pubblika, l-immigrazzjoni illegali, l-bidla fil-klima, l-inkwiet industrijali, l-istaġnar fl-investiment, it-tlestija ta’ proġetti finanzjati mill-UE, l-livell tal-għixien … żgur li se jħassrulna l-burdata matul is-sena d-dieħla. Żgur li mhumiex indikaturi li se jpoġġuna fost l-iktar popli kuntenti fid-dinja!
Iżda l-aqwa li nibqgħu nidhru li aħna kuntenti u ferħanin! Mur obsor!! |
|
Franica Pulis tintervista lil
Leonard Orban,
il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu
Editorijal

Il Punt
Mons. Ġużeppi Mercieca

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Patri Mark Montebello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|