Il-Punt - Mons. Ġużeppi Mercieca | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108
Illum il-kelma ‘kuxjenza morali’ kultant qed tissemma aktar spiss milli kienet tissemma żmien ilu. Dan juri li llum qed nifhmu aktar minn qabel l-importanza kbira li għandha l-kuxjenza morali fil-ħajja tal-bniedem.
Ilħaqna qrajna jew smajna li l-bniedem, f’kull ma jgħid jew jagħmel, għandu jġib ruħu skont il-ġudizzju ċert tal-kuxjenza morali tiegħu. Ġieli qrajna jew smajna wkoll li l-bniedem għandu dritt jimxi skont il-kuxjenza u l-libertà tiegħu, biex personalment jieħu d-deċiżjonijiet morali li jidhirlu. Jingħad ukoll li ħadd ma għandu jiġi mġiegħel imur kontra l-kuxjenza tiegħu u ħadd ma għandu jiġi mfixkel milli jimxi skont il-kuxjenza tiegħu, speċjalment f’materja reliġjuża.
Dan hu kliem sabiħ, iżda wieħed irid iżid ukoll li kliem bħal dan jista’ jiġi miftiehem li l-kuxjenza morali hija għal kollox personali u soġġettiva, bla ebda ndħil minn barra. Din l-attitudni lejn il-kuxjenza morali mhix korretta; tħalli barra aspetti interessanti tal-kuxjenza morali li jgħinuna nifhmu aħjar il-kuxjenza morali kif ukoll il-ħajja li ngħixu.
X’inhi l-kuxjenza morali? Hija dak il-post ħaj fil-‘qalb’ tal-persuna fejn jiżviluppa dinamiżmu ħaj bejn il-libertà tal-bniedem u l-Liġi ta’ Alla, minquxa fil-kuxjenza tiegħu. Hija l-post fejn il-bniedem hu waħdu ma’ Alla u fejn Alla jsemmagħlu leħnu. F’kelma waħda, il-kuxjenza morali hija rigal prezzjuż ta’ Alla lill-bniedem. Fl-Ittra ta’ San Pawl lil-Lhud, wieħed jaqra: “Jiena nqiegħed il-liġijiet tiegħi f’moħħhom, u fuq qalbhom niktibhomlhom, u nkun Alla tagħhom u huma jkunu l-poplu tiegħi” (8.10). San Pawl ikompli jgħidilna li fl-aħħar jum Alla jagħmel ħaqq permezz ta’ Ġesù Kristu minn kulħadd, Lhud u pagani, mill-għemil tagħhom kollu, anke dak moħbi li ma jaf bih ħadd ħlief Alla u l-kuxjenza (Rum. 2,15).
Fil-Konċilju Vatikan II naqraw li fil-fond tal-kuxjenza tiegħu l-bniedem jagħraf liġi li ma jagħtihiex hu lilu nnifsu, imma li hu għandu jobdi. Il-leħen ta’ din il-Liġi, li dejjem jgħidlu biex iħobb u jagħmel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin, meta jeħtieġ jgħidlu ċar ġo qalbu: ‘agħmel dan u aħrab dak’ (Gaudium et Spes, 14).
Il-kuxjenza morali hija ġudizzju, verdett tar-raġuni dwar il-moralità ta’ għemil partikolari li diġa sar jew għad irid isir. Il-kuxjenza morali ma tiddeċidix x’inhu tajjeb jew ħażin, iżda pjuttost hi ġudizzju tar-raġuni li bih il-bniedem jagħraf jekk xi għemil propost partikolari hux konformi jew le ma’ dak li huwa tajjeb jew ħażin, huwiex moralment tajjeb jew ħażin. Dan dejjem isir fid-dawl ta’ li standard oġġettiv tal-liġi morali u fid-dawl tal-prinċipji tal-moralità u tal-applikazzjoni tagħhom fiċ-ċirkustanzi varji tal-ħajja.
Il-bniedem, f’kull għemil tiegħu, irid jimxi bil-fedeltà kollha skont dak li jaf li hu ġust u tajjeb. Permezz tal-ġudizzju tal-kuxjenza l-bniedem jara u jagħraf il-Liġi ta’ Alla u għalhekk irid dejjem jobdi l-ġudizzju ċert tal-kuxjenza tiegħu.
Veru li l-bniedem irid jimxi fuq il-kuxjenza tiegħu u hekk isir moralment responsabbli ta’ għemilu. Madankollu, peress li l-kuxjenza morali hija ġudizzju uman, ħadd ma jista’ jeskludi b’ċertezza li ma jistgħux isiru żbalji li jikkaġunaw deni u ħsara.
Il-kuxjenza morali hija ġudizzju uman u għalhekk mhix infallibbli. Minbarra hekk, mhux rari li quddiem għażla morali wieħed isib ruħu f’diffikultà biex jagħraf Alla xi jrid. F’dan il-każ, wieħed irid jitlob u jfittex l-għajnuna. Jista’ jkun ukoll li wieħed ikun maħkum minn injoranza li ma jistax jirbaħha; dan ma jkunx ħati tal-ħażin u deni li jsir.
Jista’ jkun hawn ukoll min, bi ħtija ta’ responsabbiltajiet personali ftit iħabbel rasu biex isib dak li hu tajjeb u veru. Jista’ wkoll ikun hawn min jiċħad l-awtorita tal-Knisja u t-tagħlim tagħha.
Il-Knisja għalhekk tinsisti biex il-kuxjenza morali jkollha formazzjoni vera u retta biex tkun kapaċi tagħraf dak li attwalment jikkorrispondi u jaqbel mal-liġi divina li hija eterna, oġġettiva u universali.
Jeħtieġ niffurmaw u nħarsu din il-formazzjoni sa mill-ewwel żmien ta’ tfulitna u tul ħajjitna kollha. Trid tkun formazzjoni li ġġib il-paċi fil-qalb kif ukoll tkun garanzija tal-libertà. Fl-Ittra ta’ San Pawl lil-Lhud, naqraw: ‘La tkunux tixbħu lil din id-dinja, imma tbiddlu bit-tiġdid tal-moħħ biex tagħrfu liema hija r-rieda ta’ Alla, dak ki hu tajjeb, dak li jogħġob, dak li hu perfett’ (12.2).
L-insara, waqt li jiffurmaw il-kuxjenza tagħhom għandhom iżommu sewwa quddiem għajnejhom it-tagħlim qaddis u ċert tal-Knisja. Dan għaliex il-Knisja Kattolika, kif irid Kristu hija l-għalliema tal-verità. Dmirha hu li tħabbar u tgħallem b’mod awtentiku l-verità, li hi Kristu, u fl-istess ħin tistqarr u ssaħħaħ, bis-setgħa li taha l-Mulej, il-prinċipji tal-ordni morali li joħorġu min-natura nnifisha tal-bniedem (Humanae Dignitatis, 14).
Il-Konċilju Vatikan II ifakkar ukoll li l-Isqfijiet, meta jgħallmu f’għaqda mal-Papa, għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u Kattolika; il-membri tal-Knisja għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-isqof tagħhom, mogħti f’isem Kristu fil-ħwejjeġ ta’ fidi u morali u joqogħdu għalih b’venerazzjoni reliġjuża (Lumen Gentium, 25).
Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus
|
|
Franica Pulis tintervista lil
Leonard Orban,
il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu
Editorijal

Il Punt
Mons. Ġużeppi Mercieca

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Patri Mark Montebello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|