Editorjal | 23 ta’ Novembru 2008 Nr 108
Ir-rabja mhix sentiment sabiħ. Ħafna drabi r-rabja tagħmik u ma tħallikx tirraġuna. Iżda kultant hemm rabja ġustifikata. Anki Kristu rrabja meta ntebaħ bit-tkasbir li kien għaddej fit-tempju.
L-inġustizzji soċjali jqanqlu rabja f’min jemmen li mix-xemx ’l isfel kulħadd hu indaqs u għandu jkollu l-opportunità li jilħaq il-milja ta’ ħajtu.
Il-Professur tal-Edukazzjoni Carm Borg nhar it-Tnejn li għadda fil-programm Bondi+ sostna li hemm bżonn li s-soċjetà u l-awtoritajiet jirrabjaw għas-sitwazzjoni prekarja fil-qasam edukattiv fil-Kottonera.
Naqblu miegħu. Fi Smart Malta, fejn il-politiku ħafna drabi jippreferi joħloq l-illużjoni li kulħadd sejjer tajjeb, li t-tfal kollha deħlin l-Università jew l-MCAST, li l-familji kollha għandhom il-mezzi finanzjarji biex jedukaw l-uliedhom bl-aħjar mod possibbli, jeżistu wkoll realtajiet li jixxukkjaw.
Mhux fl-interess tagħna li nkomplu nġeddu l-istigma li teżisti fuq in-nies tal-Kottonera. Nafu li anki din il-kitba għandha r-riskju li tirrinforza l-idea negattiva li għandhom ħafna nies tal-Kottonera.
Madankollu ma rridux naħarbu mir-realtà li fiż-żona jeżistu problemi kbar li jeħtieġ ikunu ndirizzati u għalhekk nemmnu fil-ħtieġa li xi ħadd jitkellem fuq id-diffikultajiet. Aħna nirrabjaw meta sena wara l-oħra l-istatistika turi li min-naħa t’isfel ta’ Malta, partikolarment mill-Kottonera, jidħlu l-inqas studenti fl-MCAST, fil-Junior College u fl-Università. Nirrabjaw meta sena wara sena l-istatistika turi li fost l-ogħla rati ta’ assentejiżmu nsibu l-iskejjel fin-naħa t’isfel tal-Port il-Kbir. Nirrabjaw meta mill-eżami tal-Junior Lyceum ma jgħaddux nofs l-istudenti ta’ Malta bl-agħar riżultati jinkisbu fil-Kottonera.
Ta’ dan kollu ma jaħtux it-tfal.
It-tfal kollha għandhom id-dritt li jingħataw l-għodda biex joħorġu l-aħjar mit-talenti tagħhom. Is-sistema edukattiva trid tkun l-ixprun li twassal lit-tfal jużaw it-talenti bl-aħjar mod possibbli biex itejbu l-kwalità ta’ ħajjithom u jsiru ċittadini sħaħ.
It-tfal ta’ Bormla mhumiex inqas intelliġenti minn tfal oħra madwar Malta. It-tfal ta’ Bormla huma kapaċi daqs ħaddieħor.
Madankollu t-tfal ta’ Bormla ġejjin minn ambjent soċjali differenti minn dak li nsibu f’inħawi oħra ta’ Malta. Għalhekk is-sistema edukattiva trid tifhem dak l-ambjent. Trid tifhem l-aspirazzjonijiet ta’ dawn l-istudenti u taħdem id f’id mal-mexxejja fil-komunità u mal-ġenituri.
Iżda dan ma jgħoddx biss għall-iskola ta’ Bormla. Kull raħal, belt jew żona għandhom ambjent soċjali partikolari. Kemm-il darba s-sistema edukattiva tibqa’ ankrata mal-ħsibijiet ta’ klassi waħda ta’ diriġenti se tkun miftuma mir-realtajiet tal-komunitajiet fejn joperaw l-iskejjel tagħna.
Filwaqt li nemmnu fil-ħtieġa ta’ direzzjoni ċentrali li tapplika għal kullimkien, madankollu l-metodi ta’ tagħlim jistgħu jkunu differenti f’kull skola.
F’dan il-kuntest ukoll nemmnu li l-istreaming f’kull livell tas-sistema edukattiva għandu jispiċċa. L-istreaming hu għodda kattiva li tifred l-istudenti u tittimbrahom għall-bqija ta’ ħajjithom. L-istess l-eżami tal-Junior Lyceum. Bis-sistema tal-kulleġġi dan l-eżami iktar sar bla sens u għandu jitneħħa darba għal dejjem.
Iżda jkun żball jekk niffukaw ir-riforma biss fuq l-istreaming u l-eżami tal-Junior Lyceum.
Mhux qed nagħtu biżżejjed attenzjoni lill-edukazzjoni bikrija. Iż-żmien ta’ qabel il-primarja possibbilment hu l-iktar żmien kruċjali fl-iżvilupp intellettwali u soċjali tat-tfal. Għaldaqstant jeħtieġ investiment ikbar f’dik l-età, anki biex ċerti problemi jkunu identifikati minn kmieni.
Apparti dan jeħtieġ li fil-primarja nersqu ’l bogħod minn metodi edukattivi li minnhom infushom jistgħu jaqtgħu barra lil ċerti tfal. Is-sistema tat-tagħlim trid tkun iktar kreattiva, flessibbli u inqas riġida.
Fuq kollox l-iskola trid tkun il-post fejn it-tfal imorru bil-qalb għax jafu li se jieħdu gost jitgħallmu. |
|
Franica Pulis tintervista lil
Leonard Orban,
il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu
Editorijal

Il Punt
Mons. Ġużeppi Mercieca

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wenzu Mintoff
Patri Mark Montebello
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|