MediaToday

Menzu Mintoff | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107

Is-soċjetà ċivili

Ara sewwa jgħid il-Malti li mix-xewk joħroġ il-ward. Fl-aħħar kellha tfeġġ warda minn fost l-għollieq u x-xagħri musfari li jagħmel lil dan il-pajjiż.
Feġġet dik ix-xintilla li konna ilna nistennew meta t-trejd unjons ewlenin ta’ dan il-pajjiż għall-mument, jista’ jkun qasir jista’ jkun twil, ingħaqdu fi front komuni li jissupera s-soltu firdiet u piki li ilhom snin twal jaqsmuna f’ħafna nofsijiet.
Konna ilna dawk is-snin kollha naħsbu mhux b’moħħna imma b’moħħ il-partit tagħna. Naraw dak li jiġri madwarna mhux mill-perspettiva ta’ kif l-affarijiet jolqtuna fil-laħam il-ħaj, imma ta’ kif b’dak li jingħad jew ma jingħadx jista’ jintlaqat il-partit tagħna. Jekk l-aħħ jew l-ajma tagħna setgħet tiġi strumentalizzata mill-partit oppost allura kien hawn min kien jippreferi jibqa’ fommu sieket u jibla’ ġo fih li ma jmurx ipaxxi lil tan-naħa l-oħra.
Il-polarizzazzjoni politika kienet, u sa ċertu punt għadha, toħnoq u tifga l-libertà li ngħidu dak li tassew inħossu fil-ġewwieni tagħna. Il-partiti politiċi tant kellhom preżenza dominanti f’ħajjitna li bosta minna kienu ġenwinament jaħsbu li qatt ma seta’ jkun li teżisti verità oħra ’l barra minn dik tal-partiti. Il-verità mogħtija lilna mill-partiti kienet qisha domma tal-fidi.

Ħwejjeġ maħmuġin
Minn sens ta’ lealtà għamja, u falza fl-istess ħin, lejn il-partit tagħna, kont u għadek issib lil min jgħidlek li qatt u taħt l-ebda ċirkostanza m’għandek tikkritika lill-partit tiegħek barra mill-istrutturi tiegħu. “M’għandek qatt taħsel il-ħwejjeġ maħmuġin tal-partit barra t-triq”, hu r-ritornell li tisma’ jidwi meta xi kultant il-borma tibda tbaqbaq tant li tispiċċa tfawwar u l-għatu jinqala’ xi ftit minn postu.
Hekk kif tfeġġ xi vuċi diskordanti li tistona minn mal-bqija tal-kor partiġġan, ikunu kemm ikunu tajba l-intenzjonijiet ta’ min jagħmel l-awtokritika, mhux biss jiġi interpretat ħażin minn sħabu stess, imma kliemu jiġi strumentalizzat u jinqdew bih kemm jifilħu ‘tan-naħa l-oħra’.
Id-diskussjoni politika, paralizzata, maħnuqa u fgata ta’ pajjiżna twassal biex ħafna drabi l-awtokritika tispiċċa la tista’ ssir fuq barra u lanqas fuq ġewwa tal-partiti. Matul dawn l-aħħar snin nibet il-fenomenu misħut tal-leakages fejn min hu ġifa, għax jonqsu l-kuraġġ li jitkellem b’wiċċu minn quddiem u jiffaċċa l-konsegwenzi, jispiċċa jitfa’ l-ġebla u jaħbi idu u jindieħes u jittrakka ma’ tan-naħa l-oħra. Basta tinżamm l-apparenza taparsi ta’ lealtà assoluta u għamja lejn il-partiti. Ħalli mbagħad qatt daqs dawn l-aħħar snin ma kien hemm leakages u min-naħa għall-oħra tax-xmara politika, l-agħar forma ta’ ġakbiniżmu u slealtà li qatt tista’ timmaġina, li toħnoq il-libertà li affarijiet jiġu diskussi b’mod ħieles internament fil-partiti nnifishom.

Il-partiti ż-żgħar
Bil-predominanza assoluta tal-partiti fuq il-ħajja demokratika ta’ din il-blata, qajla setgħet tfeġġ dik li f’pajjiżi oħra jsibuha bħala s-soċjetà ċivili jew l-opinjoni pubblika. Trawwimna wisq fil-mentalità żbaljata li lil hinn mill-ħakma tal-partiti politiċi fuq imħuħ in-nies ma seta’ jeżisti xejn iktar ħlief il-baħħ.
Kull ma seta’ jeżisti barra mill-konfini tagħhom huma kienu jikkunsidrawh bħala appendiċi għalihom jew ġonta tal-avversarji politiċi. Ibda mill-Knisja u l-għaqdiet varji tagħha, kompli bl-għaqdiet tan-negozju u ta’ min iħaddem, NGOs u spiċċa bit-trejd unjins u għaqdiet oħra li b’xi mod jew ieħor imissu mal-politika, min għal raġuni u min għal oħra, min fi żmien u min f’ieħor, min inġustament u min mhux, spiċċa jingħata t-tikketta li hu ma’ naħa jew ma’ oħra.
Anki l-partiti ż-żgħar matul l-istorja messithom l-isfortuna li jiċċappsu ma’ xi partit ikbar minnhom. Bl-aktar reċenti tkun l-Alternattiva Demokratika li kienet akkużata min-Nazzjonalisti li għandha mid-dulliegħa, ħadra minn barra u ħamra minn ġewwa.
Effett kollaterali ta’ din il-polarizzazzjoni sikkanti u tal-magna li tkun pronta twaħħal it-tikketti li jċappsuk ta’ bilfors ma’ naħa jew oħra, ma kinux ftit dawk li ppreferew jibilgħu lsienhom anki fejn kellhom jiftħu ħalqhom beraħ, li ma jmorrux jiċċappsu bil-politika partiġġana. In-Nazzjonalisti bil-makkakerija soltu tagħhom raw kif għamlu biex permezz ta’ attivitajiet bħal tat-tinda, business breakfasts u x’naf jien, xorta waħda jirnexxilhom iċappsu magħhom nies tekniċi, esperti, rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti u saħansitra anki uffiċjali għolja ta’ aġenziji pubbliċi li jaċċettaw li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet li jissejħu x’jissejħu, xorta jibqgħu ta’ xejra partiġġana.
Minimalista
Alfred Sant kellu xogħfa mill-fatt li spiċċa jħallas prezz għoli għal meta l-Partit Laburista ħa pożizzjoni b’saħħitha żżejjed, biex ma ngħidx intransiġenti, dwar kwistjonijiet bħall-isħubija fl-Unjoni Ewropea.
Tant hu hekk fl-aħħar snin tat-tmexxija tiegħu spiċċa jkun minimalista għall-aħħar, li joqgħod lura milli jieħu pożizzjonijiet b’saħħithom fis-sens li l-ewwel jistenna s-soċjetà ċivili titkellem, imbagħad il-partit isegwi. Issa jekk il-partiti għamlu snin twal ma jħallu l-ebda spazju biex is-soċjetà ċivili tiżviluppa u timmatura, kif fid-daqqa u l-ħin stajna nippretendu li tiftaħ it-triq is-soċjetà ċivili, imbagħad il-partit isegwi?
Il-partiti politiċi m’għandhomx joqogħdu gallarija u jridu jassumu rwol ta’ tmexxija f’dik li hi diskussjoni pubblika. Imma fl-istess ħin ma jfissirx li dawn għandhom xi dritt sagrosant li jimmonopolizzaw id-dibattitu pubbliku u jibqgħu jintakkawh bil-mikrobu ta’ partiġġanizmu li jqiegħed it-tikketti fuq il-fehmiet tan-nies. Inkella l-partiti se jispiċċaw bħall-Knisja Kattolika ta’ żmien Gonzi li wkoll kienet tippretendi li tkun imponenti u dominanti sal-punt li ma kien jeżisti xejn iktar ’il barra minnha. Biex issa din sfat abbandunata u injorata minn ħafna nies li jħossuha skonnettjata minnhom u rrilevanti għar-realtajiet li qed jgħixu.
Il-partiti politiċi għandhom jiżguraw li jkun hawn klima sana għal dibattitu pubbliku fejn kemm jista’ jkun in-nies jesprimu rwieħhom kif jixtiequ mingħajr il-biża’ li se jiċċappsu jew mogħtija tikketta.

Front komuni
Bi sfond bħal dan, mhux ta’ b’xejn il-front komuni li ġie ffurmat mit-trejd unjins ewlenin fil-konfront taż-żidiet esaġerati fir-rati tad-dawl u tal-ilma, hu tassew raġġ ta’ dawl u tama. Mhux biss għall-kwistjoni nnifisha għax issa hawn leħen sod u magħqud li qed jartikola dak li qed iħossu n-nies.
Imma issa għall-fatt ukoll li min imexxi dawn it-trejd unjins qed iġib l-interess tan-nies li jirrappreżentaw qabel tal-partit li jabbraċċaw. Is-sitwazzjoni maħluqa mill-gvern biż-żidiet ta’ barra minn hawn li jrid jagħmel fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma hi tant gravi li wisq probabbli anki d-diriġenti tas-CMTU u tal-UĦM ħassew il-pressjoni tal-membri tagħhom tagħmel tagħha.
Imma hu x’inhu, ħaqqhom kull tifħir Gejtu Vella u sħabu li wrew il-kuraġġ li ma qagħdux iqisu wiċċ min hemm fil-Gvern u qatgħu għad-dritt u għamlu dak li kellhom jagħmlu fl-interess tal-membri tagħhom. Ħaqqhom prosit ukoll Tony Zarb u sħabu li wara snin twal jiġu kkuljunati għax qatt ma rrinunzjaw għad-dritt li jiddimostraw u jipprotestaw jekk isibu ma’ wiċċhom lil min ma jridx jagħtihom widen, issa qed isibu anki unjins oħrajn li qed jaqblu ma’ din il-pożizzjoni tagħhom. Naturalment għad irid jiġi l-mument tal-prova meta l-GWU wkoll trid tgħaddi mit-test li għadha kif għaddiet minnu l-UĦM li ddeċidiet li tieħu azzjoni kontra l-pjanijiet ta’ Gvern iffurmat mill-partit ta’ ħafna mill-membri tagħha.

 

Intervista
M’iniex profeta

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech



Il Punt
Baġit f’żewġ kapitli
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Qabel il-protesta storika!


Carmelo Mifsud Bonnici

Sebgħin sena ilu, anniversarju



Wensu Mintoff
Is-soċjetà ċivili


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan