Sports | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107
Mark Attard
Waħda mill-assoċjazzjonijiet li għamlet passi ta’ ġgant f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin hija bla dubju dik tat-table tennis. Proprju l-ġimgħa l-oħra l-MTTA inawgurat gym ieħor f’Ħal Tarxien. Hija lokalità lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u għalhekk dawk dilettanti ta’ din il-logħba huma fil-minoranza.
“Il-gym ta’ Ħal Tarxien huwa parti mill-Gym Stars. Għandna 10 imwejjed kollha ta’ livell ogħli b’tapit li fuqu jintlagħab it-table tennis madwar id-dinja. Għandna l-vantaġġ tal-lodging area u fis-sajf inkunu nistgħu nakkomodaw il-plejers barranin hemmhekk.
“L-Open Day tal-Ħadd li għadda kienet suċċess kbir. In-naħa tas-south m’hemmx xi klabbs. Huwa ċans għal dawk tan-naħa t’isfel tal-pajjiż biex imorru jilagħbu t-table tennis hemmhekk.”
Hekk nibda din l-intervista ma’ Joseph Borg Cardona, il-President tal-Malta Table Tennis Association. Joseph ilu 23 sena fit-tmun ta’ din l-għaqda. Ra żminijiet differenti għal din l-assoċjazzjoni li kibret ħafna matul is-snin. Joseph ta ħafna mill-ħin tiegħu.
“Naħseb li jekk tistaqsi lill-mara tgħidlek kollox u tgħidlek qabli wkoll. Id-demm għal-logħba dejjem kien ġo fija. Inħobb ħafna l-isports u eliminajt f’ħajti l-basketball u l-football għat-table tennis. Il-logħba bdiet tagħtini s-sodisfazzjon għax irbaħt bosta tournaments. Għamilt ħames snin champion ta’ Malta tat-table tennis. Il-logħba saret parti mill-familja tiegħi. Iz-ziju, Joe Cassar Naudi, kien l-ewwel President fl-1952. Hija parti mill-familja.”
Joseph Borg Cardona twieled fit-2 ta’ Lulju 1952 u joqgħod il-Belt. Miżżeweġ lil Sylvana u għandu żewġt itfal, Maria Pia u Umberto, plejer lokali wkoll tat-table tennis. Jispjegali l-atmosfera li teżisti fil-mument fost il-plejers u dawk kollha li jagħmlu l-assoċjazzjoni.
“Jien outgoing ħafna kemm mal-plejers u mal-kumitat li mmexxu din l-assoċjazzjoni f’Malta. L-għan tagħna hu li mmexxu t-table tennis ’il quddiem. Malta għandna wkoll il-problemi tagħna. M’għandna lil ħadd full-timer fl-assoċjazzjoni u meta tqabbel dan mal-pajjiżi l-oħra sfidanti tagħna ssib li huma għandhom bejn tlieta u erbgħa. Iżda għandna l-ħeġġa li biha dejjem avvanzajna. L-ikbar problema li għandna hi dik li m’għandnix il-premises tagħna.
“Nista’ ngħidlek li bħala organizzazzjoni aħna popolari u rikonoxxuti minn kulħadd. Meta norganizzaw dejjem ħriġna b’unuri kbar. Dejjem sibna għajnuna mingħand il-KMS u l-volontarjat tan-nies. Organizzajna tournaments aħjar minn pajjiżi oħra li huma avvanzati aktar minna.”
Nistaqsi lil Joseph x’livell għandna f’pajjiżna meta nitqabblu ma’ pajjiżi oħra Ewropej u jekk humiex kuntenti bl-affarijiet kif inhuma sejrin.
“Dejjem għandek fejn tista’ tgħolli l-livell tiegħek. Aħna għandna plejer li għadu taħt l-14-il sena u qiegħed in-numru 2 ta’ Malta. Il-livell tiegħu hu ogħli daqs l-aqwa plejer. Il-problema tinħoloq meta nafu li għandna plejers ta’ din l-età u nafu li kapaċi jżid il-livell imma biex isir dan iridu jsiefru. Hemm il-parti fianzjarja li għandna bżonnha biex inżidu l-livell tagħna. U dan jista’ jsir billi jew inġibu kowċis professjonali Malta jew insiefru liż-żgħażagħ tagħna.
“Bħala livell skont kif toħodha. Jekk tqabbilna ma’ gżejjer oħra bħal pajjiżi ta’ taħt il-miljun ruħ ngħidu li qegħdin pari magħhom. Iżda aħna nixtiequ li nkunu daqsxejn waħda aħjar minn pajjiżi bħall-Irlanda u l-Iskozja. Naħseb li kif inhi s-sistema se nirnexxu. Importanti li nibqgħu nsibu aktar plejers interessati fil-logħba.”
Il-logħba tat-table tennis mhux kemm tmur u tilgħab. Plejer professjonali jeħtieġ taħriġ fit-tul u moħħ iffukat.
“Trid tuża moħħok u tkun iffukat għat-tip ta’ taħriġ li jkun imissek. Trid tkun ħafif u b’riflessi tajbin. Sport ta’ individwalità huwa b’ċans akbar għal pajjiżna biex intellgħu plejer tajjeb. Plejer irid ikun dedikat u ma joqgħodx jistenna lill-kowċ jagħtih l-istruzzjonijiet. Importanti li jkun għaddej fuq dieta tajba wkoll.”
Malta kienet fost il-pajjiżi li tellgħet plejers ta’ livell meta tikkumpara d-daqs tagħna ma’ ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa. Joseph ikellimni fuqhom.
“Hawn Malta kien hawn plejers bħal Mario Genovese li għamel 13-il sena Champion ta’ Malta. Hemm Edward Baldacchino li ilu fil-quċċata għal żmien twil ukoll.
“Fil-Youths hemm Daniel Bajada, Matthew Micallef u Daniel Vella Fondicaro. Dawn huma l-plejers tal-futur. Bl-esperjenza li aħna rridu nagħtuhom ċerti li se jkunu l-aqwa plejers ta’ Malta fis-snin li ġejjin.
“Fin-nisa għandna lil Joanna Grech bħala l-leader u lil Christine Cassar Torregiani. Imbagħad għandna tfajla żgħira Jessica Pace li wkoll hija l-futur ta’ dan il-pajjiż.”
Joseph ikompli jgħidli li l-ikbar weġgħa tiegħu bħala President ta’ din l-Assoċjazzjoni hi li jaf li Malta għandha diversi plejers ta’ livell u m’għandhomx klabb nazzjonali addattat fejn jitħarrġu. Il-ħasra tibqa’ li għandhom ħafna tagħmir relatat mal-logħba tat-table tennis li m’għandhomx fejn jesponuh.
“Naħseb hemm bżonn li l-awtoritajiet jiġu konxji li għandna bżonn ta’ post fejn tintlagħab kuljum it-table tennis. Bħalissa qed nitħarrġu t-Tnejn u l-Ġimgħa u qed inħossu li dan mhux adegwat. Jumejn fil-ġimgħa huma ftit wisq.
“Kellna diversi diskussjonijiet u l-aħħar waħda li kellna kienet li se jkollna għajnuna mill-federazzjoni tat-Table Tennis ta’ barra biex nibnu post flimkien iżda ċ-ċirkostanzi ġabuna li mhix daqshekk possibbli li din il-ħolma li kellna sseħħ.
“Nixtieq li naslu f’soluzzjoni mal-Gvern biex flimkien nużaw it-tagħmir li għandna u npoġġuh x’imkien għall-pubbliku għax m’għandniex post. L-appell tiegħi huwa biex kif il-Gvern ikollu xi gym li jgħodd għalina jagħtihulna biex inkomplu nkabbru l-logħba hawn Malta.
“Nixtieq li jkollna post li mmexxuh aħna. Irridu bħal m’għandhom dawk li jmexxu l-għawm u l-waterpolo bil-pixxina. Eżempju ieħor huwa bħal tal-volleyball. Għandhom gym fil-Kottonera u aħna nixtiequ xi ħaġa simili.”
Nitolbu jkellimni ftit fuq il-kampjonat Malti u kif inhu l-format tiegħu.
“Għandna kampjont bi tliet diviżjonijiet u 24 klabb. Il-logħob jintlagħab kull nhar ta’ Ġimgħa u jkun hemm 12-il mejda għaddejjin non stop mis-7pm sal-11pm. Id-diviżjonijiet jintlagħbu kollha f’ġurnata u kulħadd jista’ jara l-logħob ta’ kulħadd.
“Issa għas-sena d-dieħla għandna żewġ avvenimenti importanti li se norganizzaw fil-Youths madwar l-Ewropa. F’Marzu ġejjin xi 350 plejer Youths ukoll li se jilagħbu f’pajjiżna u magħhom se jkun hemm il-plejers Maltin.”
Konxju mill-esperjenza li ħadt mingħand persuni minn assoċjazzjonijiet żgħar li ntervistajt qabel kont kważi ċert li biex isibu l-isponsors għandhom problema. Nistaqsih fuq dan kollu.
“Sponsors diffiċli ħafna, l-aktar għax aħna indoor sports. Il-KMS u l-KOM jgħinuna f’diversi proġetti li għandna. Iżda għandna l-ħeġġa li minkejja dan kollu xorta jirnexxielna niġbru l-flus u nnaqsu l-ispejjeż kemm jista’ jkun. L-avvenimenti li jkollna matul is-sena jgħinuna wkoll. Huma dawn l-affarijiet li jżommuna għaddejjin. Iżda m’hemmx flejjes kbar. Ovvjament, kollox fil-limitazzjonijiet ta’ assoċjazzjoni żgħira fi gżira.”
Nies bħal dawn li jmexxu sport bħal dan f’pajjiżna jistħoqqilhom kull tifħir. F’assoċjazzjonijiet hekk m’hemmx dak l-influss qawwi ta’ flus u wieħed jagħti s-sehem tiegħu għax verament ikun iħobb il-logħba.
“Flus xejn. Il-klabbs li għandna għandhom l-isponsors tagħhom u kulħadd jilgħab għax iħobb il-logħba. L-uniku flus li jissemmew huwa ammont żgħir li jħallsuhom il-klabbs biex jirreġistraw il-plejers. L-uniku plejer Malti li jitħallas mill-Federazzjoni huwa Simon Gerada. Huwa Malti-Awstraljan. Huwa plejer professjonali li xogħlu hu biss li jdur id-dinja u jilgħab it-table tennis. Għalina hu ta’ unur li jiġi jilgħab għal Malta. Plejer bħal dak bilfors trid tħallsu. Għalina mportanti wkoll.”
L-ikbar kurżità li dejjem kelli hija fuq il-plejers Ċiniżi ta’ din il-logħba. Huma magħrufin li huma l-aqwa u kważi impossibbli li tirbħilhom.
“Iċ-Ċiniżi għandhom ħafna raġunijiet għax huma l-aħjar. Waħda minnhom hi n-numru ta’ nies li għandhom u allura għandhom ħafna għażla. Fit-table tennis għamlu esperimenti li fejn jidħlu riflessi ċ-Ċiniżi jeċċellaw aktar mill-Ewropej u l-kumplament tad-dinja. Għal xi raġuni l-esperti ndikaw li huma qosra u veloċi mmens. Huma razza ta’ nies minnhom. L-għażla tal-plejers tagħhom hija enormi. Iċ-Ċina għandhom skejjel tat-table tennis. Minn ta’ 6 u 7 snin dawk l-aktar li jippromettu jkunu fi skola għalihom.”
Quddiem Joseph inpoġġi dan ix-xenarju. Jien qed naqra din l-intervista. Tħajjart nibda nitħarreġ fit-table tennis. X’għandi nagħmel?
“Għandna l-website tagħna www.mtta.net. Dejjem tkun aġġornata fuq l-avvenimenti tagħna. Hemm ukoll il-ħames postijiet u l-kowċis kollha biex ikollhom it-tagħrif meħtieg. Jistgħu jċemplu hemmhekk u jibdew jitħarrġu.”
Joseph ilu snin twal imexxi l-Malta Table Tennis Association. Wara 23 sena jista’ jkun li ż-żmien tas-siparju fuqu wasal. Jgħidli li jixtieq li ta’ warajh ikompli fuq il-passi tiegħu.
“Xi darba trid tasal. Nixtieq li min jieħu posti jkun dedikat li jkompli jmexxi ’l quddiem din l-assoċjazzjoni. Hemm ħafna xogħol xi jsir u dan qed isir bil-mod il-mod. Nafu li għandna potenzjal għax dan qaluhulna anki kowċis barranin li ġew Malta. Nemmen li fil-futur it-table tennis f’pajjiżna se tikber aktar.
“Hemm ħafna nies li nixtieq nirringrazzja u nibża’ nsemmi ismijiet għax inħalli lil xi ħadd barra żgur. Iżda kull kumitat li kelli miegħi dejjem ħadem biex intellgħu l-isem tal-logħba u lill-ġenituri tat-tfal li dejjem iġibu t-tfal fil-ħin għat-taħriġ. Ma nistax ninsa anqas lill-kowċis li dejjem għamlu ħilithom kollha.” |
|

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|