MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107

Sebgħin sena ilu, anniversarju

1. X’messaġġ verament qawwi kien dak li għamel il-Papa Benedittu XVI tul il-ġimgħa li għaddiet li fakkar lill-Ewropa li 70 sena ilu kien hemm inċidenti li bdew riħ li spiċċa fl-agħar ġenoċidju. Proprju fis-7 ta’ Novembru 1938 il-ġuvni Lhudi Herschel Grynszpan fi Franza qatel lid-dipolomatiku Franċiż Ernst vom Rath. Dak l-inċident qabbad nar ta’ razziżmu fil-Ġermanja, membri tal-poplu ħarġu jivvendikaw. Ħwienet, sinagogi, djar u kull proprjetà tal-Lhud sabu rwieħhom fil-mira ta’ tkissir u tifrik. Ħuġġieġa ta’ tifrik li wasslet pajjiż mimli b’kultura u letteratura bħall-Ġermanja fuq it-triq tal-intolleranza, razziżmu u xenofobija li spiċċat wasslitna għat-traġedja tat-Tieni Gwerra Mondjali.

2. Il-Papa Ratzinger iddeskriva dak li l-komunità Kattolika għaddiet minnu quddiem dan l-aġir żbaljat. Huwa stess u familtu, li huwa magħruf kemm ma kellhom l-ebda simpatija lejn in-Nażiżmu tant li missieru spiċċa trasferit minn naħa għal oħra proprju għax ma kienx Nażist. Huwa kompla semma kemm saċerdoti ħadu s-sogru għalihom u ħadu ħsieb jagħtu protezzjoni lil diversi Lhud. Is-solidarjetà li ġiet eżerċitata tul it-Tieni Gwerra Mondjali mill-Knisja Kattolika hemm bżonn verament li tibqa’ titfakkar. Ħidma minn persuni li għażlu s-sewwa u l-valuri tal-ħajja flok l-aġir irresponsabbli. Aġir li fih iktar importanza quddiem l-akkużi żbaljati li Piju XII, b’xi mod, aġixxa favur in-Nażiżmu.

3. Anzi, dawn il-jiem għandhom ġustament iservu ta’ iktar riflessjoni fuq kemm huwa kontra l-bniedem u r-raġuni li wieħed jaġixxi b’mod u manjiera li, l-ewwel, iqajjem sentimenti kontra r-razza, u t-tieni li jħajjar lis-soċjetà biex tidħol fi gwerra. Fil-fatt, biex iktar iżżid ma’ dan, il-11 ta’ Novembru huwa l-anniversarju tat-tmiem ta’ l-Ewwel Gwerra Mondjali. F’dak il-konflitt l-Ewropa rat atroċitajiet mill-ikbar. Volum inkredibbli ta’ persuni li tilfu ħajjithom fil-miljuni b’mezzi mill-iktar kiefra. Il-Ġermanja ħarġet umiljata sew minn dak il-konflitt. Biss, minflok għażlet mexxejja li ħadu t-triq tal-paċi u t-tolleranza, spiċċaw b’mexxej bħal Adolf Hitler. L-instabbiltà fil-pajjiż ġiet tradotta fl-iktar passi żbaljati li d-dinja Ewropea setgħet tieħu.

4. Is-snin bejn l-Ewwel u t-Tieni Gwerrer Mondjali servew mhux biex tikber iktar l-istabbiltà ekonomika u l-paċi soċjali, imma morna preċiżament il-kontra. Ir-responsabbiltà kienet waħda Ewropea għax kieku nbnew strutturi li rajna iktar tard, kieku dan kollu ma kienx iseħħ. L-esperjenza qarsa li rajna titkattar u tissaħħaħ waslet biex flok tħares lejn futur fil-paċi, ikollok proprju l-kontra. Is-Shoah, li fiha rajna l-poplu Lhudi fl-Ewropa jgħaddi minnha, kienet frott proprju taż-żerriegħa tal-ħdura u l-mibegħda fix-xejn. Id-diskorsi li Adolf Hitler għamel f’dawk is-snin, fejn seta’ jsaħħan, jgħajjar, iżeblaħ u jmexxi numru ta’ persuni b’diskor ta’ xenofobija, razziżmu u intolleranza u favur strateġija u intervent militari ma kellhomx jiġu permessi f’soċjetà li trid tikber u titkattar.

5. Dawk is-snin, dak l-aġir barbaru, daħħal lilna l-Ewropej f’qoxritna. Batejna lkoll. Aħna wkoll tlifna ħajjiet ta’ Maltin, blajna kwantità kbira ta’ bombi u qirda. Tlifna żmien ta’ żvilupp u tkabbir. Kien għalhekk li fhimna li rridu nibnu qafas ġdid: wieħed mibni fuq il-valuri tal-ħajja, fuq id-dinjità tal-bniedem, fuq id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija. Mhemmx dubju li l-qafas innovattiv tal-Kunsill tal-Ewropa, u ftit wara l-bidu ta’ dik li llum hija l-Unjoni Ewropea. Din l-esperjenza ġdida ta’ dawn il-pajjiżi biddlet ħafna. Wasslet biex bnejna qafas ta’ dritt kompletament differenti milli kellna qabel. Wasslet biex nassiguraw li diskors razzista, xenofobiku, li jħajjar għall-gwerer jiġi mhux biss ikkundannat, imma dikjarat illegali u kriminali.

6. Ovvjament aħna wkoll dħalna f’dan il-proċess importanti. Il-Liġi tagħna wkoll għandha mekkaniżmi ġodda li qabel ma kellhiex, però hemm bżonn li tiġi ristrutturata. Ħadna għalhekk ħsieb li, b’abbozz ta’ liġi li għandu jiġi ppreżentat f’dawn il-ġimgħat, li nerġgħu nżidu l-artikoli fil-Kodiċi Kriminali tagħna li jassiguraw li ma jkunux permessi fil-pajjiż tagħna ħidma jew diskors li jsaħħan il-poplu lejn ix-xenofobija, ir-razziżmu u l-gwerra. Ir-razziżmu, ix-xenofobija jridu jiġu kumbattuti bl-għeruq u x-xniexel. Id-demokrazija hija valur li trid tiġi protetta u aħna determinati li nissudaw il-liġijiet tagħna biex nibqgħu pajjiż li jimxi ’l quddiem fl-istabbiltà u l-paċi.

 

Intervista
M’iniex profeta

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech



Il Punt
Baġit f’żewġ kapitli
Michael Briguglio



Emmanuel Micallef
Qabel il-protesta storika!


Carmelo Mifsud Bonnici

Sebgħin sena ilu, anniversarju



Wensu Mintoff
Is-soċjetà ċivili


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan