Emmanuel Micallef | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107
Għall-ittri ta’ stħajjil lill-ħabib tiegħi l-Avukat Toni Abela ninżagħlu l-kappell. Iżda xtaqt naqsam magħkom żewġ ittri ta’ stħajjil li għaddew mill-garigori ta’ moħħi hekk kif nhar l-Erbgħa li għadda tħabbar li l-Unions kienu se jinżlu fit-toroq spalla ma’ spalla għall-ewwel darba fl-istorja trejdunjonistika Maltija. Inizjattiva ta’ min ifaħħarha u jalla ma tkunx l-ewwel u l-aħħar. Iżda x’inkiteb f’dawn l-ittri mistħajla qabel saret il-protesta ta’ nhar il-Ġimgħa?
Għażiż Tony,
Grazzi tal-istedina biex nieħdu sehem fid-dimostrazzjoni li se torganizzaw nhar il-Ħamis. Jiddispjaċini imma aħna mhux se nieħdu sehem. Fl-opinjoni tagħna kien ikun aħjar u l-iskop jintlaħaq iżjed jekk il-protesta tkun organizzata mill-unions kollha. Barra minn hekk, inkunu nistgħu nagħtu messaġġ li l-unions kapaċi jaħdmu flimkien apparti li nġibu lill-Gvern dahru mal-ħajt fil-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma. Biex naħdmu flimkien iżda rridu niċċaraw ċerti punti darba għal dejjem.
Jien mhux lest li nidher miegħek fid-dimostrazzjoni mbagħad tibqgħu tagħmlu ħsara lil union tagħna.
Taf x’qed ngħidlek. Ma jistax ikun li tibqgħu tużaw il-gazzetta tagħkom biex tattakkaw il-ħidma tagħna. Jekk verament tridu li nibdew naħdmu flimkien imisskom mhux tattakkawna fil-gazzetti imma tagħtuna spazju fuq il-ġurnali biex inwasslu l-messaġġ trejdunjonistiku għall-ġid tal-ħaddiema wara kollox!
Barra minn hekk nippretendu li ma tibqgħux toġġezzjonaw għas-sħubija tagħna fil-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej (ETUC).
Intom bħala membri fundaturi ilkom toġġezzjonaw għall-preżenza tagħna fl-ETUC. Tirrikonoxxu lis-CMTU (li magħha aħna affiljati) u lilna ma tappoġġawniex. Fi ħdan is-CMTU (Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin) aħna l-akbar union u għalhekk nippretendu li magħkom fl-ETUC inkunu rappreżentati aħna. Dwar dan diġà tkellimt mas-Sur Bencini u kellu jgħaddilek il-messaġġ tagħna.
Jekk tagħtini l-kelma ta’ raġel li l-Union tagħkom taċċetta li aħna nkunu fl-eżekuttiv tal-ETUC u li ma tibqgħux tattakkaw l-Union tagħna fil-gazzetti tagħkom allura nagħtik kelma ta’ raġel li aħna nkunu lesti ninżlu fit-toroq spalla ma’ spalla magħkom. L-unika ħaġa li nitolbok huwa li l-protesta nagħmluhs l-Ġimgħa flok il-Ħamis għax jien se nkun imsiefer. Nistenna mingħandek. Gejtu.
Għażiż Gejtu,
Niżżikħajr tal-ittra tiegħek u bi pjaċir ngħidlek li l-kontenut tagħha ġie diskuss ma’ sħabi u qbilna li ninfurmak b’dan.
Qabel xejn nikkonfermalek ukoll li s-Sur Bencini wassal il-messaġġ tiegħek u ressaq xi suġġerimenti li għandu jinfurmak bihom u li aħna m’għandniex oġġezzjoni għalihom. Ir-rappreżentanza tagħkom fl-ETUC tista’ sseħħ faċilment kemm-il darba minflok is-CMTU jitwaqqaf it-TUC (Trade Union Council) ta’ Malta.
Fl-Ewropa l-unions Maltin ikunu rappreżentati mit-TUC Malta u peress li aħna u intom nirrappreżentaw il-maġġoranza ta’ ħaddiema Maltin, bħala unions ġenerali, allura t-TUC Malta għandu jitmexxa mill-Unions tagħna u b’hekk anke fuq livell Ewropew inkunu aħna flimkien li nirrappreżentaw l-unions Maltin.
Żgur li aħna mhux se noġġezzjonaw jekk intom tkunu magħna fl-istituzzjonijiet Ewropej bħala diriġenti tat-TUC. Int taf daqsi li bit-twaqqif tat-TUC il-klima tar-relazzjonijiet bejnietna żgur tinbidel u għalhekk b’ġebla waħda nkunu qtilna żewġ għasafar. Jiġifieri anke l-preokkupazzjoni tiegħek dwar kif tissemmew fil-gazzetti tagħna tispiċċa. Għalkemm bħalma taf, aħna bħala sidien tal-gazzetti tagħna, ma nindaħlux lill-edituri tagħna f’dak li jippubblikaw.
Naħseb li int tifhem li jkun xieraq li bħala l-ikbar union ikun ħaqqna li l-ewwel Segretarju Ġenerali tat-TUC Malta jintgħażel minna. Jien lest li nservi f’din il-kariga u nistgħu niftehmu biex l-ewwel President ikun magħżul minnkom. Jekk tikkonfermali li int taqbel ma’ dan, allura nistgħu nimxu ’l quddiem. Bħala sinjal ta’ rieda tajba aħna lesti li nħassru d-dimostrazzjoni tal-Ħamis u minflok norganizzawha magħkom għall-Ġimgħa. B’hekk nagħtu sinjal lill-Gvern li se niġġildulhom fi front wieħed fuq il-kwistjoni tad-dawl u l-ilma u fuq kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fiż-żmien li ġej.
Nitolbok tikkonfermali l-qbil tagħkom mill-iktar fis possibbli. Importanti li din il-korrispondenza tinżamm b’mod kunfidenzjali mbagħad, jekk taqblu, niftehmu bejnietna kif inwasslu dan il-pjan lill-membri tagħna u l-mezzi tax-xandir. Dan jgħodd kemm għall-manifestazzjoni u għal dak li se nagħmlu wara.
Inselli għalik, Tony.
Kull kumment ieħor ikun żejjed.....anke jekk l-ittri huma mistħajjla! |
|

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|