Intervista | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107
Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech
Ma tridx tkun xagħra f’ras il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech bħalissa hekk kif il-kriżi ekonomika globali bdiet tolqot fil-laħam il-ħaj anki hawn Malta, bis-sensja ta’ madwar 100 ħaddiem minn żewġ fabbriki fl-aħħar xahar u b’oħrajn inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom.
Iżda meta miltaqa’ ma’ Fenech fil-Ministeru tal-Finanzi ftit jiem wara l-preżentazzjoni tal-baġit hu jidher kunfidenti għall-aħħar, forsi xi ftit iżżejjed ukoll.
Bosta ekonomisti qed ibassru li r-rata ta’ tkabbir ta’ 2.5 fil-mija għas-sena d-dieħla mbassra f’dan il-baġit hi ottimista wisq meta mqabbla ma’ dik li qed ibassru pajjiżi oħra Ewropej f’dan il-perjodu ta’ kriżi.
Mistoqsi jekk jaqbilx ma’ din l-analiżi Fenech jgħid xott xott: “M’iniex ekonomista, jiġifieri t-tbassir ekonomiku ta’ din is-sena m’għamiltux jien personalment. Ma qomtx filgħodu u kelli aptit nagħmel 2.5 fil-mija.
“Aħna għandna wkoll l-Ecomonic Policy Division li janalizza anki l-baġit tagħna f’dak li hu impetus li qed jipprova jagħti lill-ekonomija, u l-analiżi turi li hu realistiku li nagħmlu l-mira ta’ 2.5 fil-mija ta’ tkabbir ekonomiku.” Fenech iżid jgħid li qabel il-Kummissjoni Ewropea rat it-tbassir tal-Gvern ta’ x’kien qed jistenna, u mingħajr ma rat il-baġit, kienet diġà ħarġet bit-tbassir tagħha, kumbinazzjoni fl-istess jum li ħareġ il-baġit.
“It-tbassir tal-KE għal Malta għas-sena d-dieħla hu ta’ tkabbir ta’ tnejn fil-mija, jiġifieri ma varjax ħafna mill-istima tal-esperti tal-Gvern.
“Nemmen li l-mira ta’ 2.5 fil-mija tista’ tintlaħaq bil-pakkett ta’ investimenti li hemm fil-baġit biex ninċentivaw l-ekonomija u ninvestu fiha,” jgħid Fenech.
Iżda anki s-sena l-oħra wkoll kien hemm dawn id-dubji dwar jekk il-miri finanzjarji tal-Gvern kif imbassra fil-baġit kinux se jintlaħqu jew le.
Skont Fenech dubji jkun hemm dejjem.
“Fir-realtà kull ekonomista għandu l-interpretazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu dwar x’ikunu l-aspettattivi. Però kien hemm ekonomisti li qalulna, ngħidu aħna, li m’aħniex se nilħqu l-miri tagħna biex naddottaw l-ewro, li kienu ambizzjużi wisq. Madankollu lħaqniehom. Kienu jgħidulna li ma konniex se ndaħħlu d-dħul li stennejna u daħħalnieh, jew li se jkollna slippage ħafna ikbar u ma kellniex slippage daqshekk kbir. Jiġifieri anki l-ekonomisti kultant jiżbaljaw,” isostni Fenech.
“Jien nafda l-ekonomisti tal-Gvern. Ir-realtà hi li t-tbassir tat-tkabbir tal-ekonomija dejjem sar. Meta aħna bassarna li se nagħlqu bi tkabbir ta’ 3 fil-mija, bi 3 fil-mija qegħdin nagħlqu.
“Bħas-soltu, l-istudju tal-ekonomija hu tbassir.
Il-Ministri mhumiex profeti. Aħna sempliċiment nieħdu l-pariri. Issa jekk nilħqux il-mira ta’ 2.5 fil-mija, is-sena d-dieħla nkunu nafu,” jgħid il-Ministru tal-Finanzi.
Waħda mill-aktar miżuri kontroversjali fil-baġit kienet il-bidla fit-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi, li minnha qed ikun stmat li l-Gvern se jdahhal €8 miljun aktar.
Fenech ma jaqbilx ma’ dawk li jgħidu li din is-sistema se tkun ta’ żvantaġġ l-aktar għal dawk li huma bi dħul baxx u li ma jaffordjawx ibiddlu l-karozzi tagħhom.
“L-ewwelnett hemm stima żbaljata. Jiena rajt l-istima li għamiltu fil-MaltaToday ta’ kif wasaltu għal x’se jkun qed idaħhal iktar il-Gvern jew le. Intom wasaltu għal stima li l-Gvern se jdaħħal €8 miljuni iktar mis-sistema preżenti.
“Ir-realtà hi li l-Gvern se jitlef minnha, għaliex dak li ma daħħaltux intom hu li billi issa neħħejna l-VAT minn fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni se nitilfu €10 miljuni. Jiġifieri l-impatt nett tar-riforma hu negattiv fuq il-Gvern mhux pożittiv kif għidtu intom,” jgħid Fenech.
“Nifhem kif sar l-iżball,” ikompli jgħid Fenech.
“Intom ħaristu lejn l-estimi, rajtu l-items li huma diretti affettwati mit-taxxa nnifisha. Meta tgħoddhom, l-apparenza hi veru, qisu din is-sena se niġbru aktar mis-sena li għaddiet.
“Iżda fl-2008 hemm VAT ta’ €10 miljuni aktar li tidħol mill-karozzi li issa s-sena d-dieħla se nitilfuha għax ma nistgħux niċċarġjaw aktar il-VAT fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni.
“Fil-programm elettorali dejjem konna ċari. Filwaqt li fhimna li kien hemm aspettattiva min-nies li jixtiequ jaraw il-karozzi jkunu irħas, però jien dejjem tkellimt ċar li l-Gvern ma jistax jitlef il-flus minn fuq din ir-riforma.
“Hemm prijoritajiet oħra fil-pajjiż. Il-Gvern għandu bżonn id-dħul tiegħu u allura r-riforma trid issir b’tali mod li tilħaq l-għanijiet primarji tagħha li tkun tassew riforma bbażata fuq l-ambjent, taxxa li tinċentiva l-użu ta’ karozzi li ma jħammġux, karozzi li jieħdu ħafna inqas spazju, u tikkastiga karozzi li aktar iħammġu u jieħdu iktar spazju. Fl-istess ħin, id-dħul tal-Gvern ftit jew wisq se jibqa’ fejn hu.”
Skont Fenech is-sistema l-ġdida mhix se tħalli impatt kbir fuq in-nies batuti li ma jifilħux ibiddlu l-karozza tagħħom.
“Fir-realtà l-karozzi antiki li jużaw il-pensjonanti u anzjani, anke l-aktar karozza antika, jiġifieri ilha iktar minn 14 jew 15-il sena, forsi tiżdied b’€20.
“Jiġifieri ma naħsibx li l-impatt tagħha jista’ jgħid li hu xi impatt straordinarju fuq il-pensjonanti li wieħed ma jiflaħx għalih.
“Ir-realtà hi li r-riforma trid issir u ma tistax tagħmel eżenzjonijiet fuq min jixtri l-karozza għax imbagħad in-nannu jibda jixtri l-karozza ta’ kulħadd u kulħadd isuq il-karozza tan-nannu jekk issir eżenzjoni fuq l-anzjani,” jgħid Fenech.
Fil-programm elettorali l-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li se jnaqqas ir-rata tat-taxxa tad-dħul minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija għal dawk li jaqilgħu sa €60,000.
Mistoqsi jekk jaħsibx li bit-tnaqqis li tħabbar f’dan il-baġit hux qed titwettaq din il-wegħda elettorali, Fenech jgħid li dan kien biss il-bidu.
“Kull wegħda elettorali titwettaq fuq perjodu ta’ ħames snin. Il-Prim Ministru fil-kampanja elettorali kien ta x’jifhem li l-intenzjoni tal-Gvern kienet li b’mod progressiv nibdew inwettqu din il-miżura. Fir-realtà bdejna nwettqu din il-miżura.
“Għamilna l-ewwel parti tal-istess wegħda. Il-wegħda fil-fatt kellha żewġ punti. Il-loġika tgħidlek li l-ewwel ma titwettaq hi l-ewwel parti mhux it-tieni parti,” jgħid Fenech.
“Naħseb li qed nimxu sew ma’ dak li hemm fil-programm elettorali fejn jidħol it-twessigħ tal-faxex tal-income tax. Hu evidenti li l-baġit irid jibbilanċja r-realtajiet li għandna llum.
“Ir-realtajiet tagħna llum ipoġġu r-responsabbiltà fuq il-Gvern fiċ-ċirkostanzi ta’ dinja li se tgħaddi minn riċessjoni u minn diffikultajiet kbar, aħna rridu nissalvagwardjaw l-impjiegi li hawn fil-pajjiż,” iwissi l-Ministru tal-Finanzi.
Iżda mistoqsi biex jagħti time-frame ta’ meta se titwettaq din il-wegħda elettorali, Fenech ma jweġibx imma jwaddab il-mistoqsija lura għandi.
“Inti taf meta se tispiċċa r-riċessjoni? Meta jkolli indikazzjonijiet aktar ċari fejn se tmur l-ekonomija tad-dinja u fejn se jkun pajjiżna f’din is-sitwazzjoni, imbagħad nitkellem dwar meta aħna se nibqgħu mexjin ’il quddiem.
“Aħna nimxu b’responsabbiltà. Jien m’iniex la profeta u la nbiddel is-sitwazzjoni li hemm fid-dinja ta’ madwarna,” isostni Fenech.
“Jien imsejjaħ biex inkun Ministru responsabbli għal dan il-pajjiż u se nipprova nagħmel ħilti biex inkun responsabbli,” iżid jgħid.
Sal-aħħar tas-sena li qegħdin fiha l-Gvern se jkun daħħal €26 miljun inqas milli kien previst fil-bidu tas-sena. Ir-raġunijiet għal dan kienu bosta – €8.3 miljun inqas mis-Sigurtà Socjali, €12.9 miljun inqas minn licenzji, taxxi u multi kif ukoll €24.6 miljun inqas fi progetti tal-UE.
Mistoqsi jekk jaħsibx li s-sena d-dieħla l-Gvern hux se jerġa’ jagħmel l-istess żball fil-kalkoli, Fenech jirribatti.
“Qabel xejn nitolbok tkun ftit oġġettiv. Ġbarna Lm10 miljun aktar mill-income tax milli pproġettajna; ġbarna Lm8 miljun aktar mill-VAT milli pproġettajna.
“Dejjem qed taħdem bi tbassir, jiġifieri huma stimi. L-ekonomija tinbidel. Jien fejn naf is-sena d-dieħla jekk hux se jixtru iktar in-nies jew inqas?” jistaqsi Fenech.
“Inti qed tgħidli li d-defiċit ta’ din is-sena hu minħabba d-dħul? Assolutament mhuwiex għax mid-dħul tat-taxxi, l-impatt totali kien li lħaqna l-mira tagħna. Tlifna ftit fuq sisa u fuq sigurtà soċjali imma daħħalna iktar fl-income tax u fuq il-VAT. Jekk tistaqsini m’iniex sodisfatt jew le, tassew li jien sodisfatt. Mela jien xi profeta u naf eżattament il-poplu Malti jew il-kumpaniji x’se jipproġettaw profitti?” jistaqsi Fenech.
Rigward l-€24 miljun għotjiet mill-UE, Fenech jgħid: “Aħna l-għotjiet mill-UE nirċivuhom biss meta nlestu l-proġetti. Kien hemm proġetti li ttardjaw bħall-impjant ta’ Sant’ Antnin.
“Kulħadd jaf għaliex dam dan l-impjant u l-protesti li kien hemm dwaru. Issa wasal kważi biex jispiċċa u allura l-bulk tan-nefqa se ssir din is-sena u s-sena d-dieħla mhux kif kellha ssir s-sena ta’ qabel u tispiċċa din is-sena. Il-grants ma ntilfux; sempliċiment se jiġu s-sena d-dieħla meta nikklejmjaw.
“Aħna ma nistgħux nibdew l-offerti fuq il-proġetti tal-UE jekk ma nurihomx fil-baġit tiegħi, anki jekk ma nkunx se nonfoqhom dik is-sena. Malli toħroġ l-offerta mbagħad jibda perjodu ta’ sentejn jew tliet snin stipulat mill-Kummissjoni Ewropea sakemm tkun tista’ tlesti l-ispiża.
“Jekk ma nikkomettihomx, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu lura dawk il-fondi għax taħseb li Malta ma tkunx tridhom,” iżid jgħid Fenech.
L-ekonomista Edward Scicluna qal lill-gazzetta oħt MaltaToday li ż-żieda enormi li kien hemm fid-defiċit minn €68 miljun għal dak li qed ibassar Fenech ta’ €200 miljun, ħoloq sens ta’ inċertezza fl-industija li tistenna direzzjoni mill-Gvern.
Mistoqsi jekk jaqbilx mal-analiżi tal-Prof. Scicluna, Fenech ma tantx qagħad jomgħodha.
“Il-Professur Scicluna hu wieħed minn dawk li jħobb jagħti ħafna opinjonijiet. Mhuwiex wieħed minn dawk li nqisu bħala oġġettiv fl-opinjonijiet tiegħu. Inqisu bħala wieħed li meta tqis id-dikjarazzjonijiet li jagħmel, ġeneralment ixaqleb lejn il-Labour.
“Jiġifieri li semmejtli mhux ekonomista li qed jagħti analiżi oġġettiva tal-ekonomija. Ir-realtà hi li mhux pajjiżna biss, fiċ-ċirkustanzi straordinarji li għaddejja d-dinja minnhom qed jagħmel defiċit.
“Fl-istess waqt, il-Professur Edward Scicluna qed jgħid li qed nagħtu wisq xokk bit-tariffi tal-enerġija u jmissna nagħmlu defiċit ikbar għax nipposponu l-kontijiet.
“Naħseb li l-Prof. Scicluna jrid ikun ftit konsistenti. Id-defiċit ħażin jew tajjeb? Ma jistax ikun li fl-2008 l-iżbilanċ hu ħażin għax joħloq inċertezza f’min jinvesti, u fl-2009 hu tajjeb għax il-Labour qed jgħid li jmissna pposponejna kollox,” isostni Fenech.
“Irid jiddeċiedi l-Prof. Scicluna u jkun konsistenti f’dak li effettivament qed jgħid għax s’issa mhux qed nara oġġettività.”
Imma lura għall-punt, Fenech ma jaħsibx li min se jinvesti se jkun ippreġudikat minħabba l-iżbilanċ għoli tal-Gvern.
“Naħseb min se jinvesti, l-aktar li ra importanti kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħmel programm ta’ konverġenza biex jaddotta l-ewro. Dak irnexxielna nagħmluh; allaħares le,” jgħid Fenech.
It-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma daħlu fi żmien meta l-prezz taż-żejt jinsab fl-inqas livelli f’dawn l-aħħar 18-il xahar. Mistoqsi jekk il-Gvern kienx lest li jagħti garanzija li jbaxxi t-tariffi biex jirriflettu l-prezz internazzjonali taż-żejt jekk jibqa’ nieżel, Fenech jgħid: “Aħna ma daħħalniex tariffi li se jidħlu għal 20 sena, kif kien għamel il-Labour meta biddel it-tariffi meta l-prezz taż-żejt kien 12-il Dollaru kull barmil. Kienu kważi t-tariffi li għamilna llum.
“Aħna żammejna mal-prinċipju tas-soprataxxa, jiġifieri kull sitt xhur trid issir reviżjoni tat-tariffi skont iċ-ċaqliq tal-prezzjiet taż-żjut li tixtri bihom il-Korporazzjoni Enemalta.
“Fil-każ tal-fuel oil, li jintuża għal 80 fil-mija tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-prezz tiegħu xorta żdied għax hu skars, filwaqt li l-gas oil, li jintuża għall-20 fil-mija l-oħra tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-prezz niżel xi ftit imma mhux ħafna.
“Imma nista’ nagħtik il-garanzija li jekk il-prezzijiet li tibda tixtri bihom il-Korporazzjoni Enemalta sitt xhur oħra jew sena oħra jinżlu, iva, l-prezzijiet tat-tariffi se jorħsu, għaliex għamilna mekkaniżmu li jvarja skont il-prezz taż-żjut.
“Aħna fit-tariffa diġà ħadna riskju ta’ €60 miljun – jekk jinżel aktar minn €60 miljun, allura n-nies igawdu r-roħs. Jekk ma tinżilx b’daqshekk, ikun ifisser li l-Enemalta ma tkunx irkuprat dak kollu li nefqet u allura jkun irid jerġa’ jiġi aġġustat il-prezz taż-żejt,” itemm jgħid Fenech. |
|

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|