Il-Punt - Michael Briguglio | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107
Il-baġit ta’ din is-sena qisu kien ktieb b’żewġ kapitli. Kapitlu minnhom kien fih dak li jistenna qarrej meta jkun jaf l-awtur partikolari. Iżda l-kapitlu l-ieħor kien fih element ta’ sorpriża, li ħalliet togħma qarsa.
Dan il-kapitlu, li jismu ‘il-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma’, jidher li nkiteb bi traskuraġni u b’nuqqas ta’ attenzjoni lejn dak li stennew il-qarrejja.
Fil-fatt, il-kwistjoni tad-dawl u l-ilma ġabet tħassib qawwi fl-isferi ekonomiċi, politiċi u soċjali, u waslet għal kritika minn kull qasam tas-soċjetà. Saħansitra wasslet għal alleanza storika bejn il-unions tal-ħaddiema. Dawn kitbu paġna ġdida fl-istorja permezz tad-dimostrazzjoni flimkien li saret il-Ġimgħa.
Il-General Workers’ Union jistħoqqilha kull appoġġ talli li ma beżgħetx tieħu r-riskju li toħroġ għonqha u l-istess jista’ jingħad għall-unions l-oħra, fosthom l-MUT, il-UĦM,
is-CMTU, l-MUBE u l-unions tal-infermiera u l-qwiebel talli urew maturità politika kbira u ħatfu l-okkażjoni storika billi laqgħu l-istedina tal-GWU.
Hu ċar li fil-kwistjoni tad-dawl u l-ilma l-Gvern ma tax kas tal-vuċijiet mis-soċjetà ċivili. Din il-kwistjoni qed tiddomina x-xena u teżisti inċertezza kbira fl-oqsma soċjali u ekonomiċi, mill-postijiet tax-xogħol sal-familji u minn klassijiet soċjali differenti.
Wieħed għandu japprezza l-fatt li l-ekonomija Maltija mhix iżolata mill-kriżi ekonomika globali. Iżda dan ma jiskużax lill-Gvern milli jikkonsulta b’mod effettiv mas-soċjetà ċivili. Wieħed jistenna li jiġu analizzati b’mod xjentifiku r-realtajiet speċifiċi ta’ familji, organizzazzjonijiet u negozji differenti. Il-kontijiet għandhom jippenalizzaw il-ħela u mhux il-konsum normali.
Lil hinn mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma tajjeb li wieħed jara l-kapitlu l-ieħor tal-baġit, dak li nqara mill-Ministru Tonio Fenech f’Jum il-Baġit.
Jekk nieħdu t-tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul dan se jsir b’mod rigressiv. Dawk bi dħul baxx jew medju huma l-inqas li se jibbenefikaw. Dan jinħass ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpens għall-għoli tal-ħajja, fejn ħaddiema, pensjonanti u oħrajn jistħoqqilhom kumpens iktar realistiku biex ipatti għaż-żidiet fl-għoli tal-ħajja u t-tnaqqis fil-valur reali tal-pagi u l-pensjonijiet.
F’dan il-baġit il-Gvern reġa’ ħabbar pakkett ta’ inċentivi biex iħajru iktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol formali, fejn Malta għandha l-iktar rata baxxa fl-Unjoni Ewropea. Minkejja li l-inizjattivi tal-Gvern huma pożittivi dawn ma jolqtux il-musmar fuq rasu. Li teħtieġ Malta hi politika soċjali li tibbilanċja x-xogħol mal-familja b’mod ekwitabbli. Childcare centres aċċessibli u li kulħadd jiflaħ iħallas għalihom, kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar, sigħat ta’ xogħol flessibbli b’għażla tal-ħaddiem u politika li tgħin lill-ġenituri huma essenzjali f’dan ir-rigward.
L-iskema li tgħin lil min se jixtri l-ewwel dar hi pożittiva wkoll iżda din għandha tkun iktar aċċessibli b’mod universali filwaqt li tkun akkumpanjata b’inċentivi u diżinċentivi fiskali biex jinkoraġixxu l-kiri tal-proprjetà u l-ispekulazzjoni rispettivament. Ta’ min ifakkar li bħalissa hemm 53,000 proprjetà vojta f’Malta.
Għandu jkun ċar jekk l-iskema tal-housing hux se tkun aċċessibli mhux biss għall-koppji żgħażagħ iżda wkoll għal gruppi soċjali bħal dawk li deħlin f’età pensjonabbli u li mhumiex sidien ta’ djarhom, li jista’ jkollhom problemi kbar biex ilaħħqu mal-prezz tad-djar.
Hu pożittiv li l-baġit jinkludi inizjattivi favur enerġija alternattiva bħal dik tax-xemx. Iżda ħafna nies probabbilment xorta mhux se jlaħħqu mal-ispiża kapitali meħtieġa.
Kien ikun pass għaqli li kieku l-Gvern ivvota ammont ta’ flus għall-investiment pubbliku dirett fl-enerġija tax-xemx, ngħidu aħna għall-installazzjoni ta’ pannelli fuq bini pubbliku.
Qasam ieħor li qajjem kontroversja hi l-iskeda ġdida tar-reġistrazzjoni tal-karozzi. Ma niddejjaqx ngħid li hu tajjeb li pajjiżna se jkollu skema li tippremja karozzi nodfa u tippenalizza karozzi li qed jimluna bi dħaħen velenużi. Iżda dan m’għandux iwassal għal nuqqas ta’ aċċess għat-trasport għal gruppi soċjali li ma jaffordjawx jixtru karozza ġdida u għalhekk teħtieġ politika ċara biex tilqa’ għal dan. Fost oħrajn ir-riforma fit-trasport pubbliku hi neċessarja iktar minn qatt qabel.
Il-baġit jinkludi wkoll numru ta’ proposti ekonomiċi u soċjali oħra li huma pożittivi, fosthom iż-żidiet fl-investiment fit-turiżmu, fil-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider u fir-riċerka. Hu tajjeb ukoll li se jkun hemm iktar obbligi – bħal xogħol fil-komunità - għal min ilu jirreġistra ħames snin. Dan jista’ jwassal għall-integrazzjoni lura ta’ persuni fid-dinja tax-xogħol formali.
Nerġa’ nsostni li analiżi serja tal-baġit tagħti importanza lill-fatt li d-dinja għaddejja minn xokkijiet ekonomiċi kbar. Iżda fl-istess ħin l-impożizzjoni goffa tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma żgur li mhux se tgħin biex Malta tilqa’ għal dawn ix-xokkijiet.
Michael Briguglio hu Kelliem għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku, Alternattiva Demokratika |
|

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|