Editorjal | 16 ta’ Novembru 2008 Nr 107

Kienet din il-gazzetta li f’Awwissu li għadda kixfet kif sal-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-Gvern nefaq medja ta’ 10 fil-mija iktar mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet mill-baġit allokat.
Din id-devjazzjoni kienet tammonta għal €70 miljun.
L-ispjega li pprova jagħti Lawrence Gonzi fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda biex jiġġustifika din id-devjazzjoni kienet imqanżħa għall-aħħar.
Hu ovvju li fl-2008 il-Gvern se jkun nefaq iktar mis-sena ta’ qabel. Minn sena għall-oħra l-ispiża tal-Gvern tikber b’mod naturali apparti spejjeż oħra li jkun daħal għalihom il-Gvern.
Li kien hemm differenti din is-sena kien li fl-ewwel seba’ xhur intefaq kważi 60 fil-mija tal-baġit allokat lill-ministeri meta fis-snin ta’ qabel, sa Lulju, l-infiq ikun laħaq 50 fil-mija tal-baġit allokat.
Jidher biċ-ċar li fis-snin ta’ qabel kien hemm kontroll ikbar fuq kif isir l-infiq tal-Gvern anki għax pajjiżna ried jgħaddi mill-eżami tal-ewro.
Il-Prim Ministru pprova jiġġustifika n-nefqa ta’ €70 miljun iktar billi jikkwota l-ispejjeż li wasslu għal dan. Madankollu l-ispejjeż li semma Gonzi suppost li kienu kollha nklużi fil-baġit li ppreżenta sena ilu.
Gonzi kien jaf li fl-2008 kellu spejjeż ġodda marbuta mal-inizjattivi li kien ħabbar hu stess. Il-Prim Ministru kien ibbaġġitja għal dawn l-ispejjeż.
Gonzi jista’ jargumenta li din id-devjazzjoni kienet temporanja għax għamel ħafna mill-ispejjeż fil-bidu tas-sena u sakemm tintemm l-2008 se jkun irkupra l-iżbilanċ.
Iżda dan l-argument ma jreġix. Il-Ministru tal-Finanzi stess qed ibassar li se jtemm is-sena b’devjazzjoni ta’ €200 miljun.
Jekk minn dawn il-€200 miljun jinqatgħu l-iskema tal-irtirar kmieni tat-Tarzna u s-sussidju żejjed li ngħatat l-Enemalta l-pajjiż xorta se jkun mar lura b’iktar minn €20 miljun milli kien ippjana l-Gvern.
Il-verità hi li fis-sena tal-elezzjoni l-par idejn sodi ta’ Lawrence Gonzi llaxkaw mhux ħażin. Malta kienet għaddiet mit-test tal-ewro u għalhekk kien iktar importanti li tintrebaħ l-elezzjoni.
Dan iwassalna għat-tieni argument li ssemma mill-Kap tal-Oppożizzjoni bħala raġuni għalfejn il-finanzi pubbliċi żvijjaw. Joseph Muscat tkellem dwar is-600 impjieg ġdid li ddaħħlu qabel l-elezzjoni. Din ukoll kienet storja li ħarġet biha din il-gazzetta.
Sfortunatament, għal darb’oħra l-Prim Ministru kien fjakk fl-ispjega tiegħu biex jiġġustifika dawn l-impjiegi ġodda.
Gonzi pprova jirredikola l-argument billi staqsa x’għamel ħażin il-Gvern meta mpjega għalliema, infermiera u tobba u pulizija ġodda fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni.
Ma tkażajniex għax il-Gvern daħħal numru ta’ ħaddiema ġodda f’dawn it-tliet setturi vitali. Iżda kif jgħid Gonzi nnifsu, xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.
Analiżi ta’ kif kienu mpjegati n-nies maċ-Ċivil fis-sitt xhur ta’ qabel l-elezzjoni turi żieda barra min-normal fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. Ma nemmnux li dan seħħ b’kumbinazzjoni u nippretendu li l-Prim Ministru ma jinsulentax l-intelliġenza tagħna.
Il-verità hi li anki l-Kummissjoni Ewropea fl-analiżi ekonomika tal-ħarifa nnutat li raġuni ewlenija għalfejn il-finanzi pubbliċi marru l-baħar kienet iż-żieda fl-impjiegi maċ-Ċivil u pagi iktar għoljin fis-settur tas-saħħa.
L-informazzjoni li wasslet din il-gazzetta lill-qarrejja u l-analiżi li għamilna kienu korretti u iktar minn hekk, ibbażati fuq ċifri tal-Gvern stess.
Hu fl-interess pubbliku li l-fatti u l-analiżi jitqiegħdu quddiem in-nies ħalli mbagħad jaslu huma għall-konklużjoni ta’ min qed jgħid il-verità. |
|

Charlot Zahra jintervista lill-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|