Aħbarijiet | 09 ta’ Novembru 2008 Nr 106
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Jekk il-Partit Laburista għarralu jekk ħaseb li fil-manifestazzjoni tal-lum se jkollu l-isħab soċjali warajh għax kienu front wieħed fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) kontra l-Gvern.
Jidher li l-front wieħed li wrew il-unions fil-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma se jisfaxxa fil-mument li mill-kliem jgħaddu għall-fatti.
Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU) iddikjaraw li mhux se jieħdu sehem fil-manifestazzjoni tal-Partit Laburista kontra r-rati l-ġodda tad-dawl u l-ilma li se ssir illum.
Hi biss il-General Workers’ Union (GWU) li se tieħu sehem fil-manifestazzjoni tal-Partit Laburista.
Lanqas l-Alternattiva Demokratika ma ħasset li għandha tieħu sehem f’dik li qed tkun deskritta mill-MLP bħala ‘manifestazzjoni nazzjonali.’
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella eskluda li l-union tiegħu tieħu sehem fil-manifestazzjoni tal-Partit Laburista kontra t-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma.
“Aħna bħala trade union indipendenti ma niħdux sehem f’manifestazzjonjiet ta’ partiti politiċi,” Vella sostna ma’ din il-gazzetta.
Mistoqsi dwar il-parteċipazzjoni tal-UĦM fil-manifestazzjoni tal-GWU kontra l-baġit u t-tariffi tad-dawl u l-ilma li se ssir il-Ħamis li ġej, Vella qal li l-union għadha ma ħaditx deċiżjoni dwar dan.
“Għada se jiltaqgħu l-grupp tas-Segretarji, segwit mill-Kunsill Nazzjonali tal-UĦM sabiex jiddiskutu l-istedina tal-GWU. Imbagħad nimxu minn hemm,” stqarr Vella.
Min-naħa tiegħu, il-President tas-CMTU, William Portelli, qal li “f’dan l-istadju ma jarax lis-CMTU tieħu sehem f’manifestazzjonjiet politiċi.”
Rigward il-manifestazzjoni tal-GWU, Portelli qal li l-Kunsill tas-CMTU kien se jitlaqa’ biex jiddeċiedi l-passi li se tieħu l-Konfederazzjoni fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-pajjiż.
“Dakinhar se niddeċiedu jekk niħdux sehem fil-manfestazzjoni, u jekk iva, hux bħala CMTU jew kulħadd għal rasu,” Portelli qal.
Il-Konfederazzjoni tiġbor fiha fost l-oħrajn lill-Union tal-Għalliema (MUT), l-Union tal-Ħaddiema tal-Banek (MUBE), l-Union tat-Tobba (MAM) u lill-UĦM.
Intant anki l-Alternattiva Demokratika (AD), li kienet l-ewwel waħda li ħeġġet biex issir protesta dwar it-tariffi l-ġodda, issa kkwalifikat il-pożizzjoni tagħha u qalet li ma kinitx se tieħu sehem fil-manifestazzjoni tal-Partit Laburista.
Iċ-Chairperson ta’ AD, Arnold Cassola, qal lil Illum: “Aħna nieħdu sehem biss f’manifestazzjoni li jkollha l-appoġġ tal-imsieħba soċjali kollha. Aħna ma rridux nieħdu sehem f’manifestazzjoni partiġġana.”
Cassola kkritika d-deċiżjoni tal-Partit Laburista li jorganizza dimostrazzjoni hu: “Kien żball li l-Partit Laburista ħa l-inizjattiva hu meta wieħed iqis il-mentalità partiġġana li teżisti f’pajjiżna,” qal iċ-Chairperson tal-AD.
Mistoqsi dwar il-parteċipazzjoni tal-partit fil-manifestazzjoni tal-GWU, Cassola qal li l-partit jieħu sehem “jekk l-imsieħba soċjali kollha jieħdu sehem ukoll.”
|
|
Kurt Sansone jintervista lill-Kelliem Laburista għall Finanzi Charles Mangion
Editorijal

Il Punt
Josie Muscat

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|