Intervista | 09 ta’ Novembru 2008 Nr 106
Kurt Sansone jintervista lill-Kelliem Laburista għall Finanzi Charles Mangion
Bejn belgħa tè u oħra, fl-uffiċċju tiegħu fil-Parlament, Charles Mangion għandu ħafna numri fuq moħħu f’dawn il-jiem.
Sar appuntament annwali li nintervistah f’dan iż-żmien tas-sena. Hu faċli li f’diskursata dwar il-baġit tintilef fin-numri imma quddiemi m’għandix ekonomista.
Jinteressawni l-argumenti politiċi ta’ Mangion daqs kemm jinteressawni ċ-ċifri.
Nistaqsih jekk Tonio Fenech ta’ nhar it-Tnejn li għadda hux l-istess wieħed ta’ sena ilu. Iħares lejja b’ħarsa li biha donnu jrid jgħidli ‘int qed tiċċajta?’.
“Ma naħsibx li hu l-istess Tonio Fenech ta’ sena ilu,” jgħidli Mangion.
“L-għajta tal-finanzi fis-sod sfumat fix-xejn għax meta ġejna għall-ewwel għafsa fejn il-finanzi fis-sod setgħu jpattu għall-kriżi internazzjonali, il-Gvern qabad u neħħa s-sussidji lill-Enemalta f’daqqa biex ipatti għad-defiċit li ħarablu minn taħt idejh din is-sena.”
Hu lok li wieħed joħroġ jipprotesta kontra l-Gvern, nistaqsih dwar il-manifestazzjoni tal-lum.
“Il-poplu wasal f’ċirkostanza li jrid jesprimi leħnu. It-tariffi tad-dawl u l-ilma u anki l-prezz tal-gass, minkejja li l-Gvern qed iżomm sieket fuqha, jinkwetaw lil kulħadd. Il-familji qed jaraw flushom jinxtorbu. L-istess in-negozji żgħar u medji.
“Jasal mument fejn wieħed iħoss il-bżonn li juri lill-Gvern li ma jistax jibqa’ għaddej minn fuqu. Din kienet l-għajta tal-isħab soċjali kollha,” iwieġeb Mangion.
Jekk ma taqax xi stilla mis-sema, fil-manifestazzjoni tal-lum se jkun hemm preżenti biss il-Partit Laburista u l-GWU. Mangion iħoss li l-isħab soċjali għandhom jilqgħu s-sejħa li qed issirilhom?
“La tkellmu b’tant konvinzjoni kontra t-triq li qabad il-Gvern nemmen li l-isħab soċjali għandhom jipparteċipaw fil-manifestazzjoni msejħa mill-Partit Laburista. Imma dak jiddeċiduh huma u nirrispetta d-deċiżjoni tagħhom.
“Li hu żgur hu li l-Gvern iddeċieda dwar it-tariffi u se jkun il-futur, a spejjeż tal-familji, li se jurina l-impatt negattiv ta’ dik id-deċiżjoni.”
Mangion jgħid li jekk l-impatt tal-kriżi ekonomika internazzjonali jkun ikbar minn kemm qed jingħad ma jeskludix li f’nofs sena l-Gvern jissellef iktar flus biex isostni l-ekonomija u l-konsum.
Naqtagħlu l-ispjega fin-nofs. L-Oppożizzjoni ikkritikat lill-Gvern talli din is-sena tilef il-kontroll tal-finanzi imma fl-istess waqt qed titlob biex is-sena d-dieħla jkabbar id-defiċit biex iwieżen l-ekonomija. Dak li hu kritikabbli din is-sena mhux se jibqa’ kritikabbli s-sena d-dieħla?
“Il-kritika tiegħi lill-Gvern li tilef kull kontroll fl-2008 hi msejsa fuq il-miri li għamel il-Gvern stess fil-baġit ta’ sena ilu. Fil-baġit il-Gvern jippreżenta l-estimi maħduma b’mod professjonali biex kemm jista’ jkun tingħata stampa ċara ta’ kif se jiżviluppaw l-affarijiet.
“L-estimi jistgħu jvarjaw imma meta r-realtà qed turi varjazzjoni waħda wara l-oħra ta’ miljuni ta’ ewro allura bilfors ngħid li l-Gvern kien irresponsabbli din is-sena.
“Is-sena li għaddiet il-Gvern aċċertana li kellu ż-żejt bil-hedging għal sena. Il-Gvern kien jaf x’pagi kellu bżonn u x’seta’ joffri fil-ftehim kollettiv. Kien jaf xi spiża se jkollu biċ-Children’s Allowance. B’dan kollu f’idejh il-Gvern għamel stima ta’ €68 miljun defiċit.
“Kieku varja bi ftit miljuni fiha u ma fihiex. Imma sal-aħħar ta’ Settembru d-defiċit kien ta’ €258 miljun. Il-varjazzjoni hi enormi u sa dakinhar l-iskemi tat-Tarzna kienu għadhom ma jidhrux fil-kotba tal-Gvern.
“Jekk tħares lejn l-2006 u l-2007 sa Settembru, għax kien hemm il-ħtieġa minħabba l-kriterji stretti ta’ Maastricht biex nissieħbu fiż-żona ewro, il-Gvern kien irnexxielu jżomm mal-iżbilanċ proġettat.
“Bil-figuri ta’ Settembru li għadda niddubita jekk fl-aħħar tas-sena hux se jagħlaq bi żbilanċ ta’ €200 miljun kif bassar Tonio Fenech nhar it-Tnejn li għadda.
“Id-defiċit ta’ din is-sena hu problema maħluqa mill-Gvern stess minħabba l-infiq pre-elettorali u nuqqas ta’ kontroll serju.
“Issa f’sena fejn ġejja riċessjoni kbira kont nippretendi li l-Gvern jagħmel miri inqas ambizzjużi f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżbilanċ biex jgħin l-ekonomija tibqa’ għaddejja.”
Il-Gvern jiġġustifika parti mill-infiq żejjed fl-2008 billi jgħid li l-flus marru f’sussidju biex l-Enemalta tkun tista’ tixtri ż-żejt li spara ’l fuq fil-prezz. Din mhux raġuni valida għalfejn il-Gvern naqas li jilħaq il-miri tiegħu?
“Fil-baġit Fenech iddikjara li l-politika tal-Gvern fl-2008 kienet li jżid is-sussidju lill-Enemalta biex iżomm il-kontijiet stabbli. Il-Gvern ħa dik id-deċiżjoni f’sena li sal-ewwel nofs tagħha kellha l-ekonomija li kienet sejra tajba. Li ma nistax nifhem hu kif issa li deħlin f’sena fejn se taħkem ir-riċessjoni internazzjonali l-Gvern għażel li jirtira dik il-politika meta issa l-iktar li għandu bżonn isostniha,” jinsisti Mangion.
Jgħid li l-pajjiż kien fortunat li ħeles mill-impatt tal-kriżi finanzjarja imma minflok il-Gvern ħoloq kriżi hu.
Mangion itenni li bid-deċiżjoni tat-tariffi l-Gvern se jkun qed jassorbi €70 miljun iktar mill-ekonomija.
“Fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom trid titfa’ iktar żejt fl-ekonomija u ċertament it-tariffi mhumiex l-aħjar soluzzjoni. Is-sussidju kellu jkun phased out fit-tul biex anki tħalli ż-żmien biex wieħed jista’ jippjana.”
Mangion konxju li dak li qed jgħid jimplika defiċit ikbar għall-2009. Iżda għalih iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ninsabu fihom huma ġustifikazzjoni biżżejjed biex it-tariffi ma jiżdidux.
“Għalkemm id-defiċit kien se jkun ikbar għal sena jew sentejn infila, billi jħalli l-flus fil-bwiet tal-familji l-Gvern ikun qed isostni l-konsum u hekk l-ekonomija tibqa’ ddur.”
Jekk l-irtirar tat-tariffi jista’ jgħin biex il-konsum domestiku ma jonqosx mhux l-istess jista’ jingħad għall-industriji li jesportaw. Ftit hemm x’jista’ jagħmel il-Gvern biex iwieżen lil dawk il-fabbriki li qed jaraw tnaqqis fl-ordnijiet minn barra.
Mangion jgħid li l-iktar ħaġa importanti għall-industrija tal-esportazzjoni hi li tibqa’ kompetittiva. Jinsisti li t-tariffi ogħla huma problema li l-industrija setgħet ma tgħabbitx biha anki minħabba l-pressjoni li se jkun hemm għal żidiet fil-pagi.
“Għas-settur tal-esportazzjoni hu importanti li ma toħloqx instabbiltà u xokkijiet bla bżonn. L-inqas ħaġa li seta’ jagħmel il-Gvern kien li ma jżidx it-tariffi li se jkomplu jżidu mal-problemi.
“Imma b’mod ġenerali jekk it-tariffi jkunu rtirati mhux se jkun hemm impatt fuq in-negozji l-oħra u dawn jistgħu jtejbu l-operat tagħhom biex ipattu għan-nuqqas ta’ impjiegi li nistgħu nesperjenzaw f’xi oqsma tal-manifattura. It-tariffi se jsallbu lis-setturi tat-turiżmu u tal-ħwienet ukoll.”
X’kien jagħmel Mangion fiż-żarbun tal-Ministru tal-Finanzi?
“Żgur ma kontx indaħħal it-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma. Kont ngħin iktar lis-settur tat-turiżmu. Hu tajjeb li l-Gvern żied il-baġit lill-MTA imma nispera li jonfquh bil-għaqal u ma nagħmlux xi kampanja oħra falluta bħal Brand Malta.
“Kont inwessa’ l-iskema li ħabbar John Dalli tal-first time buyers biex jibbenefikaw minnha iktar nies anki biex tistimula iktar lis-settur tal-kostruzzjoni u l-bini li jinsab kajman ħafna.
“Kont inħalli iktar flus fil-bwiet tan-nies biex b’mod indirett inkun qed ngħin ukoll lis-settur tar-retailing u l-manifattura domestika.
“Fl-ekonomija l-iktar tkabbir sostenibbli u bżonjuż, speċjalment fi gżira żgħira mingħajr riżorsi, hu dak li jiġi mis-settur tal-esportazzjoni. Imma fiċ-ċirkostanzi rridu npattu billi nistimulaw il-konsum domestiku. Bit-tariffi l-ġodda l-Gvern qed jagħsar dak il-konsum.”
Nistaqsi lil Mangion jemminx li l-Gvern se jilħaq il-mira li jagħlaq is-sena d-dieħla bi żbilanċ ta’ 1.6 fil-mija u bi tkabbir ekonomiku ta’ 2.4 fil-mija.
Iħares lejja b’ħarsa xettika. Jipponta subgħajh lejn it-tbassir dwar l-ekonomija.
“Jien xettiku dwar il-mira ta’ tkabbir ekonomiku. Fil-klima globali li qed tiżviluppa se jkun diffiċli. Jekk it-tkabbir ma jilħaqx dak li qed ibassar il-Gvern allura se jkollu l-problemi fil-finanzi pubbliċi.
“Imma hemm miri oħra li għandi d-dubji dwarhom. Storikament il-pjan ta’ investiment kapitali biex jimbotta l-ekonomija ’l quddiem qatt ma ntlaħaq. Dejjem intefqu inqas flus milli kien hemm ivvutati. F’sena ta’ nkwiet l-investiment kapitali tal-Gvern se jkun importanti biex jistimola l-ekonomija.”
Il-manifestazzjoni tal-lum kienet xprunata l-aktar mid-deċiżjoni tal-Gvern li jgħolli t-tariffi tad-dawl u l-ilma. Kienet deċiżjoni simili li fl-1998 wasslet lill-Gvern Laburista għal inkwiet kbir. Mangion kien ministru f’dak il-kabinett.
Illum iħoss li l-MLP hu moralment ġustifikat li jipprotesta?
“Meta ħarġu l-ewwel kontijiet fl-1997 konna rtirajnihom u waqqafna kummissjoni apposta biex tistudja l-informazzjoni li ngħatajna mill-Enemalta ħalli joħorġu kontijiet iktar reali.
“Dakinhar ħadd ma ħallas kontijiet bl-għali. Ridna nibdew nindirizzaw is-sostenibbiltà tal-Enemalta u tas-settur kollu tal-enerġija nkluż l-ilma. Ġara dak li ġara u l-Gvern li daħal warajna ssospenda kollox. Ippospona l-problema u llum qed jgħidilna li jrid il-flus biex jinvesti fil-qasam.” |
|
Kurt Sansone jintervista lill-Kelliem Laburista għall Finanzi Charles Mangion
Editorijal

Il Punt
Josie Muscat

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|