Il-Punt- Josie Muscat| 09 ta’ Novembru 2008 Nr 106
Kull sena l-Baġit ikun mistenni daqs il-Milied, għaliex bħal fil-Milied, kulħadd ikun jistenna biex jara Father Christmas x’ikun se jġiblu.
It-tfal iż-żgħar kollha jkunu bil-ħerqa jistennew xi ħaġa, għax għażla oħra għad m’għandhomx. Kif joħorġu mit-tfulija malajr jintebħu li r-rigali trid taħdem għalihom għax taħt il-kappa tax-xemx mhemm xejn b’xejn.
Il-fatt li l-poplu Malti għadu tant marbut mal-istennija tal-Baġit juri kemm hu dipendenti fuq iċ-ċejċa tal-Baġit. Għal oħrajn, l-aktar dawk li jaħdmu għal rashom, il-miżuri tal-Baġit ukoll jafu jkunu ta’ ġid jew ta’ dannu kbir. Għalhekk kulħadd jara l-ewwel u qabel kollox kif il-Baġit ikun se jolqtu.
Tisma’ l-Baġit jinqara, b’dawk iċ-ċifri kbar li l-Gvern jgħid li se jonfoq – u forsi l-kundizzjoni li ċerti somom huma mifruxa fuq seba’ snin forsi mhux kulħadd fehemha sew – taħseb li kollox hu ward u żahar. L-iebes u l-qares jew ma jissemmewx – bħat-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma – jew ikunu moħbija taħt il-ġelu oħxon.
Imma ftit ikun għadda żmien meta wieħed jibda jġarrab l-effetti tiegħu, meta jibda jifred it-tajjeb mill-ħażin u l-fatti mill-propaganda.
Hekk ġara fil-passat u hekk qed jiġri llum. Forsi ta min ifakkar li din hi l-ewwel sena tal-leġiżlatura ta’ ħames snin. Hi l-ewwel mit-tnejn li fihom il-Gvern jaħdem biex jiġbor kemm jista’ biex fit-tielet sena jibda jgħidilna li sejrin tajjeb bi preparazzjoni għall-aħħar sentejn, fejn jerġa’ jibda t-tqassim taċ-ċejċa bi preparazzjoni għall-elezzjoni li tkun qed toqrob.
Hawn jerġa’ bil-mod il-mod jidħol fix-xena Father Christmas u kulħadd jerġa’ jibda jittama li din id-darba se jieħu xi ħaġa ta’ nies.Infakkar lill-qarrej fid-differenza fil-Konferenza Stampa li ta s-sena l-oħra wara l-Baġit, u dik ta’ din is-sena. Din is-sena rajna Prim Ministru b’wiċċu mqarras u mħasseb.
Is-sena l-oħra ftaħarna kemm mexxejna tajjeb, kollu mertu ta’ Gvern għaqli li jibża’ għal flus il-poplu. Din is-sena skoprew il-ħofra li ilha ġejja u reġgħu għal darb’oħra talbuna nagħmlu s-sagrifiċċji.
Skont il-Gvern, din il-ħofra hi tort ta’ dak li qed jiġri fid-dinja u mhux tiegħu. Tal-Gvern hu biss it-tajjeb; il-ħażin tort ta’ ħaddieħor imma jrid jagħmel tajjeb għalih poplu magħfus li qed jara d-differenza bejn it-tbissim u l-wegħdiet ta’ ftit xhur ilhu u r-realtà t’issa. Realtà li Azzjoni Nazzjonali bassret li kienet ġejja fuqna.
Sadattant l-imsieħba soċjali kif ukoll l-Oppożizzjoni, ma jistgħux jifhmu li dak li ġara, qed jiġri u jibqa’ jiġri, huwa kollu frott tat-tħaddim ta’ politika soċjalista/xellugija li ħakmitna għal dawn l-aħħar 50 sena.
Ħamsin sena fejn kull jum il-Gvern ta lilu nnifsu aktar u aktar poteri sakemm sar uffiċjal plenipotenzjaru: hu kollox u kollox jiddependi minnu.
M’hemmx aspett wieħed ta’ ħajjitna li ma sarx jiddependi mill-Gvern.
Jemmen min irid li dan il-Gvern qed jgħid is-sewwa meta jiftaħar li qed iħalli aktar flus fi bwiet in-nies. L-uniku but mimli hu tal-Gvern li wara li jfalli xi Korporazzjoni bħall-Enemalta jgħaddi d-dejn lilna u jmur jorqod b’rasu mistrieħa.
L-uġigħ ta’ ras iħallih għall-ħawtiel li bis-saħħa ta’ moħħu, ta’ sengħetu, tal-kapaċitajiet tiegħu, tar-riskji li jieħu, tal-iljieli li jagħmel ma jorqodx biex jara kif se jibbilanċja n-negozju tiegħu żgħir jew kbir, iżomm geddum familtu u s-soċjetà Maltija ’l fuq mill-ilma. U mhux biss, għax fuq dahru jirkeb l-għażżien u dawk kollha li minflok li jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, jippretendu li jieklu u jixorbu minn fuq l-għaraq tal-ħidma ta’ ħaddieħor.
Azzjoni Nazzjonali hi kontra din it-tip ta’ tmexxija. Aħna ħriġna ngħidu, u nibqgħu ngħidu, li l-ġid tal-pajjiż jistrieħ fuq il-ħidma ta’ niesu li m’għandhomx bżonn min jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. Dawn għandhom bżonn jitħallew igawdu l-frott tal-ħidma tagħhom. Dan kien il-prinċipju li fuqu fassalna l-manifest elettorali ta’ Azzjoni Nazzjonali.
Aħna nemmnu li ċ-ċittadin jaf aktar mill-Gvern kif għandu jfaddal, juża, u jħaddem flusu. Il-Gvern jaf biss jieħu biex imbagħad iqassam kif jidher u jaqbel lilu.
Dan hu l-prinċipju li fuqu hu mibni t-twemmin ta’ Azzjoni Nazzjonali. Twemmin imsejjes fuq fiduċja fil-ħiliet tal-Maltin, fuq iċ-ċertezza li jekk jitħalla, il-poplu Malti jaf u jaf sew kif għandu jdawwar lira. L-għażliet il-ħżiena huma dejjem tal-Gvern.
Azzjoni Nazzjonali temmen li l-Baġit għandu jirrifletti amministrazzjoni li waqt li tara li ħadd ma jaqa’ fil-faqar, li ħadd ma jbati għax ġenwinament jeħtieġ l-għajnuna, għandha tħalli l-poplu Malti jaqta’ l-katina tad-dipendenza mill-Gvern, għax inkella, bħall-ulied, il-poplu tagħna jibqa’ ma jikbirx u jitgħallem jaqdef għal rasu.
Azzjoni Nazzjonali temmen li b’hekk biss jista’ jitkattar il-ġid.
Josie Muscat hu Kap ta’ Azzjoni Nazzjonali
|
|
Kurt Sansone jintervista lill-Kelliem Laburista għall Finanzi Charles Mangion
Editorijal

Il Punt
Josie Muscat

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|