MediaToday

Wenzu Mintoff | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105

Is-Sinjura

Daphne Caruana Galizia tista’ tgħid kollox fuq kulħadd, dejjem jekk sintendi min ikun fil-mira tal-bżieq tagħha ma jkunx ġej mill-kasta li ġejja minnha hi. Iktar u iktar jekk taħsel tkun timmilita fil-Partit Laburista għid li se tiskerrħek bħal-laqx tal-art u tittrattak ta’ żibel, ta’ stupidu u tal-akbar injurant.
Għax is-Sinjura bl-arja kollha ta’ superjorità li toħroġ minnha għadha temmen fl-odju tal-klassi taż-żminijiet imgħoddija. Imma fil-każ tagħha b’mod invertit, minflok mill-baxx għall-għoli, mill-għoli għall-baxx fejn ħafna drabi jirnexxielha tinżel bil-kitbiet tagħha.
Imma allaħares qatt xi ħadd jazzarda jgħid xi ħaġa fuq is-Sinjura l-intokkabbli għax tinfexx tgħajrek b’li għandek, b’li m’għandekx u b’li jista’ jkollok. Bħalma jagħmlu ċ-ċrieċer li jkollhom xi jgħidu f’nofs xi pjazza ta’ xi raħal. Tgħajjir li jvarja minn żebliħ bil-mankamenti fiżiċi, preġudizzji kważi razzjali lejn min mhux tal-kasta tagħha, sa dak kollu li jista’ jkollok jew ma jkollokx fir-razza, fir-radika u fil-familja tiegħek.
Ngħid għalija matul is-snin ftit li xejn ktibt dwarha u rari ħafna aċċennajt għall-vomtu tagħha. Fil-każ ta’ xi ħadd tal-pezza tagħha, l-isbaħ u l-aħjar tħallieh jegħreq fil-vomtu tiegħu. Ikolli ngħid li qed tiddeġenera bis-sigħat, x’aktarx sintomu akut li qed tinħakem, bħali wara kollox, mill-effett tal-mezza età.
Ftit tal-ġimgħat ilu saħansitra wasslet biex xebbħet lil min imexxi l-Partit Laburista mal-parti ġenitali tal-mara. Meta ma jkollhiex x’tagħmel, għandha ħabta tiddelitta b’dak li kienu jagħmlu t-tfal, togħxa tfittex il-kliem baxx u vulgari hi u tqalleb xi dizzjunarju tal-Malti. Għax għal din is-sinjura dak kollu li hu Malti għal daqshekk biss tajjeb, għall-vulgaritajiet u l-ħamallaġni.
M’ilux din is-Sinjura fettlilha ddaħħalni għal xejn b’xejn fil-kredu hi u tipprova tgħatti fejn ħammġet, meta bdiet tferfex u tekwivoka biex tiskansa minn xi libell fuq il-kelma ‘oxx’ (spelluta ħażin) li użat fil-konfront tal-mexxej Laburista. Peress li riedet idaħħaq, fil-fatt dħaqt bin-nibxa tagħha meta semmietni f’artiklu bit-titlu ‘Wenzu the Magnificent Ox,’ għall-gendus tar-razza pura Maltija li xi ħadd fettillu jsemmi ‘Wenzu’, li llum jinsab ibbalzmat għall-posterità f’kantina ta’ xi mużew kollu għanqbut u trab.
Imma xi ġimgħa tnejn wara s-Sinjura għoġobha terġa’ ssemmini fil-batal għal xejn b’xejn, mhux għal xi ħaġa li għamilt jew m’għamiltx jien, imma dwar ħwejjeġ privati, mhux tiegħi imma ta’ persuni li mhumiex pubbliċi.
Li kieku qabditha dwar affarijiet privati tiegħi personali, fiha u ma fihiex. Lili tista’ iżebblaħni kemm trid, la tajjeb jew ħażin qiegħed fil-ħajja pubblika. Għax kif jgħid il-Malti, minn jikriha jrid joqgħod għaliha. Imma din il-kwintessenza tal-mibegħda lejn in-nofs Laburista ta’ Malta, biex mingħaliha tweġġa’ lili u tagħlaqli ħalqi, tant hi bla skrupli u tħalli l-odju jiġri biha, ma tiddejjaq xejn tweġġa’ u tkisser persuni privati li m’għandhomx x’jaqsmu xejn mal-politika.
Il-viljakk u l-ġifa biss jaġixxi b’dan il-mod. Minflok semmiet lili fil-batal ħa nkun nista’ nweġibha kif jixirqilha, attakkatni b’terzi persuni li ma nistax inwieġeb għalihom.
Ħadd u xejn mhu se jbeżżagħni milli ngħid dak li nħoss b’rispett kemm jista’ jkun lejn is-sewwa u fil-limiti tal-etika u tal-liġijiet tal-pajjiż. U l-ebda Daphne Caruana Galizia mhi se ċċaħħadni mid-dritt li ngħid dak li naħseb anki jekk jien u nagħmel dan, ħajti ssir iktar diffiċli f’din l-ispeċi ta’ demokrazija tal-isem li ngħixu fiha. Dwar dan it-theddid fin u inqas fin ta’ Daphne Caruana Galizia, ktibt email lil Prim Ministru Gonzi fejn tlabtu jiddistakka ruħu mill-kitbiet kollha odju u mibegħda ta’ din is-sostenitriċi ferventi tal-partit tiegħu. Imma l-unika risposta li ħadt kienet tgħid li l-Prim Ministru kien irċieva l-messaġġ tiegħi u mill-bqija skiet li jtarrax.
Lis-Sinjura Caruana Galizia anki ritratt ta’ Joseph Muscat jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni taha fastidju. Trid tkun persuna b’moħħha tabilħaqq pervertit biex tasal tgħid li Muscat hu u jieħu l-ġurament għamel il-‘french kissing’ mal-kurċifiss. Skont il-għerf bottiljat bħall-essenza ta’ din is-Sinjura, l-bewsa fuq il-kurċifiss ta’ Lawrence Gonzi meta sar Prim Ministru f’Marzu li għadda, kienet waħda sinċiera u ġenwina, filwaqt li bewsa fuq is-salib ta’ Joseph Muscat kienet ‘french kissing’, ‘ferventi’ żżejjed għax skont hi beda jilgħab għall-gallarija.
Immaġinaw ftit kemm kienu jinfetħu oqbra mbajda u joħorġu ipokriti dojoq u foloz mill-formalina li kieku xi ħadd mill-kamp Laburista fettillu joħroġ b’ereżija bħal din fuq Gonzi li għamel il-‘french kissing’ mal-kurċifiss.
Fettilli nagħmel kumment f’dan is-sens fuq ir-radju dwar dawn l-ereżijiet tas-Sinjura. Assolutament xejn personali fuq il-ħajja privata tagħha imma biss dwar dak li għoġobha tikteb hi pubblikament. Semmejt ukoll x’kienet qalet is-Sinjura meta ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru Alfred Sant fl-1996. Dakinhar is-Sinjura kienet tkażat kemm felħet bl-eks mexxej Laburista għax ma biesx is-Salib. Issa qed titkaża bil-mexxej Laburista tal-lum mhux għax ma biesx is-Salib, imma għall-mod kif biesu.
Insomma l-kwintessenza tad-dardir u tat-taqligħ tal-istonku. Bid-demokrazija kollha li suppost hawn fil-pajjiż, il-magħżulin, il-creme de la creme imranġta Nazzjonalista jistgħu jirrikorru kemm iridu għall-bassezzi bħal dawn u qisu qatt ma kien xejn. Imma allaħares qatt xi ħadd jazzarda jiqfilhom u jdewqilhom ftit mill-mediċina tagħhom stess għax imbagħad ikesksu l-klieb tal-għassa għalik ħa jqattgħuk biċċiet.
Għal dawn il-ftit kummenti li ħassejtni fid-dmir li kelli nagħmel f’sistema demokratika li suppost tħares il-libertà tal-espressjoni fil-limiti tal-liġijiet tal-pajjiż, ħareġ għalija s-soltu rambaġġ Nazzjonalista jattakkani mhux b’dak li stajt għedt jew għamilt jien, imma b’affarijiet privati mhux tiegħi, imma ta’ ħaddieħor. L-agħar forma ta’ vjolenza morali li tista’ timmaġina li biex tipprova tkisser lil xi ħadd, tkisser lil ħaddiehor u int u tagħmel dan tperreċ il-ħajja privata ta’ terzi persuni.
L-ewwel ħareġ jibbuffunja kif jaf hu l-Boċċa fuq The Times of Malta. Il-Boċċa għoġbu jikteb u jigdeb fl-istess ħin li fuq ir-radju jien kont attakkajt lilu u lis-Sinjura tal-istess kasta tal-intokkabbli bħalu, meta jien lanqas biss kont semmejtu. Imbagħad ħarġet għan-nofs is-Sinjura biex mingħaliha tpattihieli għax azzardajt nikkritika l-kitba tagħha kif kelli kull dritt nagħmel. Issa jien li 17-il sena ilu ma qgħadtx għar-rikatt ta’ min kien makakk, jilħaqlu u jasal ferm aktar minnha, ara hux se noqgħod għat-theddid ta’ din is-Sinjura.
Issa hekk baqa’ ġara, ma tistax titkellem kif tħoss bil-libertà kollha f’dan il-pajjiż għax issib lil min jheddek u jipprova jagħlaqlek ħalqek mhux bl-għemejjel tiegħek u d-difetti kollha li jista’ jkollok, imma b’affarijiet privati ta’ terzi persuni li mhumiex pubbliċi.
Is-Sinjura għandha toqgħod żgur li dak li għandi xi ngħid fuq il-kitbiet tagħha se nibqa’ ngħidu u se ngħidu b’iktar saħħa. Għalkemm l-istint jista’ jgħidli li l-vjolenza morali li qed tirrikorri għaliha hi ħaqqha titpatta bi vjolenza oħra, jien il-vjolenza dejjem għaraft niċħadha, anki jekk kien hemm prezz x’jitħallas biex nagħmel dan.
Nagħżel li minflok inħalliha f’idejn Alla li ma jħallasx bin-nhar ta’ Sibt, imma li l-id Tiegħu tilħaq fejn ma tilħaqx l-id tal-ebda bniedem.

 

Intervista
“Fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed”

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb



Il Punt
Il-valur tal-ilma
Marco Cremona



TONI u PEPPI
Każini politiċi bis-soldi u rekwiżizzjonati: x’futur?



Emmanuel Micallef
Baġit iebes; poplu artab


Carmelo Mifsud Bonnici

Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva



Wensu Mintoff
Is-Sinjura


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan