Toni u Peppi | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105
Konna ilna għal dawn l-aħħar 20 sena nitkellmu dwar riforma fuq il-liġi tal-kera. Naħseb li fl-aħħar waslet. Ngħid naħseb, għaliex kif jgħid reklam ta’ Enzo Arbore fuq il-birra, l-ewwel trid tara biex temmen. Kellna diversi esperjenzi fejn tkellimna ħafna u ma sar xejn.
Kellha tkun riforma li tqanqal diskussjonijiet soċjali kbar, iżda minflok ftaħna waħda politika. Xi ħadd min naħa tal-Partit fil-gvern ippilotha lejn l-argument ta’ x’se jiġri miċ-ċentri politiċi, speċjalment dawk tal-Partit Laburista. Min għamel hekk bilfors li jaf il-figuri ta’ kemm hemm mikrijin uffiċċji politiċi tal-Partit Nazzjonalista u ċentri politiċi tal-Partit Laburista.
Għalhekk l-istampa “ħielsa” bdiet tistqasi jekk il-Partit Laburista jaqbilx li r-riforma fil-liġi tal-kera għandhiex tapplika wkoll għal dawk il-postijiet li dan il-Partit għandu mikrija bħala ċentri politiċi. Apparti li l-Partit Laburista diġà għamilha ċara kif jaħsibha fuq dan l-aspett, fis-sens li jitħarsu l-interessi soċjali filwaqt li nirrispettaw l-interessi tas-sidien, kellhom isiru diversi osservazzjonijiet oħra li però konvenjentement ma sarux.
Kulħadd jaqbel li l-Kummissjoni li ħejjiet dawn il-porposti nħatret mill-Gvern. Fiha ġew nħatru nies li fost oħrajn okkupaw karigi ta’ fiduċja kbira, bħal Chairman tal-Mitts u konsulenti ministerjali fuq affarijiet soċjali. Dan ifisser li kienu jafu sew jew għandhom ħjiel qawwi ta’ xi trid din l-amministrazzjoni.
Stramba ħafna li taw indikazzjoni ċara li fost oħrajn ma kellhomx jikkunsidraw kif din il-liġi ġdida kellha taffettwa fost oħrajn ċentri sportivi, każini tal-baned, partiti politiċi u postijiet oħra ta’ din ix-xorta. Fi ftit kliem, il-kontroversja li nqalgħet fuq dan il-punt kienet moħmija minn min inkariga dan ir-rapport u li żgur ma kienx il-Partit Laburista!
Għalhekk jidher ċar li r-rapport li kien maħsub li joħloq diskussjoni tant mistennija, kif is-soċjetà Maltija kollha se tintlaqat, dawruh biex jimbarazzaw lil wieħed mill-partiti l-kbar. Jekk l-argument prinċipali hu li ssir ġustizzja mas-sidien, wieħed irid ukoll jistaqsi x’se jiġri mill-każini tal-baned. Kwistjoni taħraq ħafna għax tissarraf f’eluf ta’ voti. B’dankollu la l-Gvern u lanqas l-Partit Nazzjonalista ma messuh għax jafu x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi!
Hu minnu ukoll li l-Kummissjoni ssuġġeriet li tispiċċa l-liġi tar-Requistion, liġi li fil-fehma tiegħi saru diversi abbużi bis-saħħa tagħha bi preġudizzju għad-drittijiet tas-sidien. Hi ħaġa tajba li minn xi 13,000 “requisition order” illum fadal biss 5,200 post li għadhom milquta minn ordni bħal din. Iżda hu minnu wkoll li ħadd għadu ma jaf x’se jkunu l-effetti soċjali fuq dawk li jokkupaw postijiet ta’ din ix-xorta.
Fejn jidħlu postijiet li mhumiex residenzjali l-attitudni għandha tkun għal kollox differenti b’mod li dawn jerġgħu lura għand is-sidien gradament. Għalkemm irrid insostni li biex dan isir, lanqas għandek bżonn liġi bħal din.
Qiegħed ngħid dan għax il-Qrati tagħna diġà ppronunzjaw irwieħhom fuq din il-kwistjoni tant li diġà kellna sentenzi ta’ sidien li ħadu lura postijiet li kienu qegħdin jintużaw għal skopijiet politiċi.
Mentri safejn jirrigwarda postijiet residenzjali dawk li tneħħitilhom rekwiżizzjoni qegħdin fil-periklu jispiċċaw fit-triq peress li llum x’aktarx m’għandhomx il-protezzjoni taħt il-Liġi. Għalhekk fir-rakkomandazzjoni numru 32 tal-Kummissjoni qegħdin nipproponu li titneħħa r-rekwiżizzjoni mingħajr ma nafu eżattament x’se jkunu l-konsegwenzi.
Il-kontroversja dwar jekk il-partiti politiċi għandhomx ikunu parti minn din ir-riforma serviet ta’ diversiv biex ninsew aspetti oħra importanti tal-Liġi. Kien għalhekk li l-Partit Laburista għafas b’mod partikulari dwar il-kwistjoni tal-wirt tad-drittijiet tal-kerrej oriġinali.
Bil-proposti, pereżempju, ma jidhirx li se tingħata ħarsien lill-aħwa mhux miżżewġin u jabitaw fl-istess dar meta l-kera qegħdha f’isem wieħed minnhom. Il-każ ta’ dak li għandu negozju li kabbru b’ħiltu, li wara mewtu jew f’każ ta’ ċessjoni tal-kirja lil wieħed mill-ulied in-negozju jispiċċa u l-post jaqa’ f’idejn is-sidien.
Iżda f’din id-diskussjoni hemm ukoll kontradizzjonijiet storiċi. Meta fis-Sebgħinijiet il- banek privati ġew konvertiti f’bank wieħed tal-poplu, il-Partit Nazzjonalista kien akkuża lill-amministrazzjoni ta’ dak iż-żmien li kien “seraq” il-proprjetà privata. Dan il-Bank illum jismu Bank of Valletta. Wara 20 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista s-sidien tan-National Bank of Malta għadhom mhux kumpensati. Mhux hekk biss. Il-Gvern li għandna llum, ħaleb kemm felaħ minn dan il-Bank u lanqas kelma waħda ta’ faraġ għas-sidien meta kien jakkuża li dawn ġew “misruqa” ħajjin.
Is-sidien ta’ dan il-Bank ilhom snin twal il-Qorti jikkumbattu biex jieħdu xi xorta ta’ kumpens. Mhux anqas minn 274 soċju għadhom il-Qorti jistennew, fosthom il-familjari ta’ nies bħal Daphne Caruana Galizia.
Iżda ħaġa tal-għaġeb l-istess argumenti li qiegħed iġib illum il-Partit Nazzjonalista favur is-sidien fil-każ tar-riforma fil-liġi tal-kera f’dawn l-aħħar 20 sena qatt ma semmihom
b’mod effettiv fil-każ tan-National Bank. Anzi kien hemm għajdut u ġieli anke dikjarazzjonijiet, li l-BOV se jiġi ipprivatizzat. Jekk dan għadu ma sarx jien ngħid grazzi għall-kawża li għad hemm pendenti mis-sidien oriġinali tan-National Bank.
Għalhekk wisq nibża’ li l-proposti għar-riforma fil-liġijiet tal-kera qegħdin iservu bħala diversiv biex ninsew problemi soċjali akbar li tista’ ġġib magħha din il-liġi jekk l-affarijiet ma jitfasslux b’mod serju.
idħol: toniabela.blogspot.com
Hawn il-politika meqjusa bħala maħmuga. Jgħidulek: ‘Tagħmel żball tiċċappas mal-politika’. Jgħidulek: ‘Dawk jitilgħu hemm fuq biex iħaxxnu bwiethom u xejn aktar’.
Issa dan kollu hu gidba faħxija. Mhux veru li l-politika hi maħmuġa. Il-politika hi missjoni. Jiena ngħid missjoni akbar minn ta’ kull reliġjon. Mingħajr politka ma nistgħux ngħixu b’mod ċivili. Mingħajr politika dawk minn taħt jinżlu aktar ’l isfel u min jiflaħ iħawel iħawwel u min ma jiflaħx jitħawwel. Tiċċappas? Tiċċappas ma’ xi ħadd ħażin u mhux ma’ xi ħaġa nobbli bħal mhi l-politka. Il-fatti juru li l-maġġornaza assoluta tal-politiċi Maltin ma stagħnewx mill-politika. Anzi. Ħafna minnhom qed jaqilgħu ħafna anqas flus milli kienu jaqilgħu fil-professjoni tagħhom. Jaħdmu lejl u nhar, jabbandunaw il-familja tagħhom u joffru servizz li ebda professjoni ma toffri bl-impenn li joffru huma.
Hawn il-politku magħdud bħala attur. Il-poplu għadu jiskandalizza ruħu jekk jara żewġ politiċi faċċata ta’ xulxin fil-Parlament jiġġieldu fuq argument u wara jilmħuhom jieħdu kafè x’imkien. Jgħidulek: ‘Dawk jiġġieldu għal wiċċ in-nies.’ Jiġifieri dawk faċċoli. Ma jifhmux li fil-politika tista’ u għandek tiġġieled l-argument iżda mhux il-persuna.
Hawn il-politiku magħdud li kważi qatt ma jgħid il-verità. Jgħidulek: ‘Tisma’ naħa u tisma’ oħra ma tkunx taf min qed jgħid il-verità. Taħsbek qed tgħix f’żewġ pajjiżi differenti’. Il-Maltin tant huma ċerti minn kull opinjoni li ma jqisux li jista’ jkun hemm żewġ, tliet jew 20 verità differenti. Li xejn mhu ċert u veru ħlief l-inċertezza. Allura li l-politiċi jgħidu affarijiet differenti għax iħarsu minn naħat differenti tal-istess storja hi ħaġa li ma jistgħux jifhmu.
Min jikkonferma li l-politka hi maħmuġa, li l-politiċi huma ħallelin, li l-politiċi għandhom żewġ uċuh, li l-politika tfisser gideb u tgħawwiġ tal-fatti? Jikkonfermaw l-istess politiċi, mhux daqstant għax huma hekk, iżda għax jgħajru lil xulxin li huma hekk. Biex ikunu popolari l-politiċi jispiċċaw jirrepetu dak li jaħsbu n-nies dwarhom billi jgħajru lin-naħa l-oħra bihom mingħajr ma jintebħu li qed joħolqu sterjotip ta’ politiku maħmuġ, giddieb, faċċol, eċċ. U jinneggaw il-politika bħala l-iktar missjoni nobbli.
Allura kif imbagħad nippretendu li l-poplu se jkun dispost imqar jifhem kemm hu importanti li l-partiti jkunu megħjuna mit-taxxi biex ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom aħjar? Staqsu hemm barra u l-maġġoranza tan-nies tgħidlek: ‘Mela ma nagħtuhomx il-flus! Mhux biżżejjed jakwistaw minn fuqna!”
Taħwida u taħlita li għadna f’moħħna dwar il-politika. Meta kienu jintervistawni għall-Istrina kienu jinsistu miegħi li hu oxxen il-fatt li l-partiti jagħmlu l-ġabriet tagħhom qabel l-Istrina. Meta jiena kont inwieġeb li l-Partiti jagħmlu sewwa meta jigbru għax huma wkoll qed joffru missjoni anzi l-aqwa missjoni kienu jkunu ixxukjati aktar.
B’daqshekk m’iniex ngħid li kien sewwa meta fl-imgħoddi partit kien jaqbad u jieħu dar jew skola, jirrekwiżjonaha u jagħmilha każin. Dik arroganza u abbuż sfaċċat ta’ poter li jirrendi l-politika maħmuġa li ma tiċċapasx magħha. Dawn għandhom jingħataw lura bla ebda tidwir ta’ kantunieri. Iżda fl-istess ħin għandu jkun hemm finanzjament lill-partiti biex ikunu f’qagħda li jaħdmu u jirriċerkaw u janalizzaw biex joħorġu bl-aħjar alternattivi. Dan għandu bżonnu l-aktar il-Partit fl-Oppożizzjoni għax lanqas għandu persuni mill-Gvern li jistgħu jitħallsu mill-Istat biex jagħmlu studji u rapporti.
Hemm bżonn urġenti li l-poplu jkollu aktar fiduċja fil-politka bħala missjoni li twettaq ġustizzja soċjali. Ironikament dan jistgħu jagħmluh il-politiċi mhux daqstant b’dak li jagħmlu imma b’dak li jgħidu dwar xulxin.
|
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb
Editorijal

Il Punt
Marco Cremona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|