MediaToday

Aħbarijiet | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105

Għal ruħ min għandek mejjet

Fl-arkivji tar-ritratti tal-fotografu Richard Ellis instabu ritratti meħudin lil nies mejtin qabel ma ndifnu fil-bidu tas-seklu 20. Wara dawn ir-ritratti kien hemm kult sħiħ tal-mewt li ma kienx jeżisti f’Malta biss. FRANICA PULIS tbexxaq it-tieqa fuq l-istorja

Il-fotografu Ingliż Richard Ellis kien u baqa’ magħruf għar-ritratti li kien jieħu tat-tfal irjali biex jintbagħtu lir-Reġina Victoria, tal-pajsaġġi Maltin u tas-suldati fis-servizzi Ingliżi. Iżda mhux biss.
Fl-arkivji, l-proneputi tiegħu Ian Ellis sab oħrajn ta’ katavri, uħud meħudin għall-forensika u oħrajn li kienu jkunu mietu mewta ‘naturali’, mpoġġijin fuq soddthom jew fuq mejda mdawrin b’ħafna fjuri jew pjanti. Ma’ dawn ir-ritratti hemm ta’ żewġ persuni magħrufin fl-istorja ta’ Malta: il-Konti Messina u l-Patri Carta li kien intbagħat Malta mill-Vatikan biex isolvi l-problemi li kienu nqalgħu bejn il-Gvern Ingliż u l-Maltin.
Imma r-ritratti ta’ nies mejtin fil-bidu tas-seklu 20 ma kinux jittieħdu lil nies magħrufin biss imma anki lil nies komuni, speċjalment lit-tfal.
John Chircop, storiku u lekċerer fl-Università ta’ Malta, qal li l-uċuh impittra ta’ nies ħajjin fl-aħjar tagħhom għandhom tradizzjoni twila fl-arti Ewropea li kienet marbuta mal-familji sinjuri u setgħana. Iżda l-invenzjoni tal-fotografija kienet revoluzzjonarja għax setgħet tinxtara min-nies tal-klassi tan-nofs mat-tieni nofs tas-seklu 19.
“Il-prezz irħis, ir-realiżmu tar-ritratt, il-mod li bih jittieħdu u jiġi żviluppati malajr u għal aktar minn darba għenu biex il-fotografija tintuża wkoll bħala tifkira tal-mejjet qabel ma l-katavru jibda jitherra.
“Fil-fatt, ritratti tal-katavri kellhom jittieħdu malajr, ftit wara li l-persuna tkun mietet u tlibbset l-aħjar libsa li kellha, normalment il-libsa tat-tieġ. Minn xi daqqiet kienu jiġu rtukkati wkoll, l-aktar in-nisa. Il-ħajjin kienu jqisu b’ċerta importanza li l-mejjet għandu jħalli din id-dinja sabiħ u bid-dinjità,” żied jgħid Chircop.
L-istoriku kompla jgħid li fit-tieni nofs tas-seklu 19 ir-ritratti tal-mejtin saru drawwa b’saħħitha għan-nies tal-klassi tan-nofs fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.
“Mir-riċerka storika li saret dawn kienu jitolbu lil qrabathom, jew inkella kienu jniżżlu fit-testment, biex jaqtgħulhom l-aħħar xewqa: jibqgħu ħdejhom waqt li qed imutu u jeħdulhom ritratt wara mewthom b’mod dinjituż bħala parti mis-servizz funebri. Jekk il-mejjet kien politiku, militari jew mexxej reliġjuż magħruf, ir-ritratt tiegħu kien jintuża parti mill-kitba tal-Istorja tal-pajjiż,” tenna Chircop.
Il-lekċerer żied jgħid li għall-qraba tal-mejtin dawn ir-ritratti bdew iservu biex jiftakruhom bl-aħjar mod possibbli ta’ meta kienu ħajjin.
“Minn kif nafu llum kienu jservu wkoll biex itaffu xi ftit mil-luttu. Dan beda jsir iktar importanti meta l-mewta kienet tkun ta’ tifel wara xi marda twila jew inċident. Ritratti ta’ tfal mejtin, l-aktar ta’ trabi tat-twelid, bdew isiru aktar popolari lejn it-tieni nofs tas-seklu 19.
“Kien żmien meta l-kunċett ta’ tfulija beda jissawwar u meta l-mortalità tat-tfal kienet għolja. Probabbilment l-istess ritratti kienu jittieħdu wkoll bħala xhieda li t-tifel vera ‘eżista’. Sa ċertu punt ritratti ta’ tfal mejtin hi kultura moħbija għal dawk l-iżvinturati li jkollhom jgħixu din l-esperjenza. Dan iż-żmien dawn it-tip ta’ ritratti saru jittieħdu mill-ġenituri jew qraba,” kompla jgħid Chircop.

X’kien jitqiegħed fir-ritratti
Chircop jirrakkonta kif it-tfal normalment kienu jittiħdulhom ir-ritratti fuq is-sodda mdawrin bil-fjuri jew pjanti biex jinħoloq sens ta’ ambjent naturali. Ħdejhom kien jitpoġġa wkoll l-ġugarell favorit. Uħud kienu jittiħdulhom ir-ritratti fil-benniena jew miżmuma mill-omm jew miż-żewġ ġenituri. Huma kienu jitpoġġew bħal daqslikieku reqdin. Ġieli kienu jitħallew b’għajnejhom miftuħin biex jidhru aktar ħajjin.
L-adulti u x-xjuħ kienu jitlibsu fl-aħjar ilbies tagħhom u kienu jitpoġġew bilqiegħda rranġati. Ir-ritratti kienu jittieħdu għalihom u ġieli kienu jidħlu l-qraba fih ukoll. Uħud kienu jħallulhom għajnejhom miftuħin jew inkella wara kienu jitpinġew mill-fotografu.
Oħrajn kienu jitpoġġew fuq sodda b’idejhom fuq xulxin iżommu kurċifiss żgħir jew il-kuruna tar-rużarju jew oġġetti li kienu għal qalb il-mejjet. Dawn l-oġġetti kienu simboli ta’ status soċjali. Għalhekk kienu jitpoġġew kotba ħdejn idejn jew spallejn studjuż, oġġetti reliġjużi kienu jitpoġġew ħdejn qassis u simboli tal-mażuni kienu jitpoġġew ħdejn min kien mażun.
Sal-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 din id-drawwa laħqet daħlet fl-Ewropa t’Isfel u żgur li f’Malta wkoll. Iżda l-mejtin minflok bdew jittiħdulhom ir-ritratti bħal daqslikieku ħajjin bdew jittiħdulhom b’mod sempliċi fis-sodda jew fit-tebut b’idejhom fuq xulxin. Din il-bidla turi li ħsieb in-nies dwar il-mewt beda jinbidel. Minn mewta tradizzjonali f’komunità għal waħda aktar privata sakemm f’dawn iż-żminijiet saret waħda istituzzjonalizzata peress li l-biċċa l-kbira tan-nies imutu fl-isptar.

Il-kuntest ta’ żmienna
Matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin il-Maltin, minflok ritratti ta’ qrabathom mejtin, saru jżommu santi tal-mejtin bir-ritratti ta’ fuqhom ikunu dawk l-aktar riċenti tal-mejjet. Mhux l-ewwel darba li tidħol f’xi ħanut jew titla’ fuq xarabank u tara ħajt miksi b’dawn is-santi tal-mejtin. Hawn min iqis xi ħaġa bħal din bħala waħda morbuża u jippreferi dawn is-santi jħallihom magħluqin ġo kexxun fejn ma jarahomx.
Mark-Anthony Falzon, antropologu u lekċerer fl-Università ta’ Malta, qal li x-xbihat tal-mejtin għandhom importanza kbira speċjalment f’ħafna tempji Indjani u anke fil-kuntest familjari fiċ-Ċina. Skont hu hemm ċertu paralleliżmu mal-prattika Maltija li n-nies idawru lilhom infushom bis-santi tal-mejtin.
“Meta l-ħajjin jiċċirkondaw irwieħhom bix-xbihat tal-mejtin, joħolqu element ta’ familja estiża f’żewġ sensi: estiża fid-demm, allura jkollok kuġini, sekondikuġini, eċċ., u estiża anke wara l-mewt.
“Għalhekk ngħidu: ‘Għal ruħ min għandek mejjet’. Il-mejtin jibqgħu parti mill-familja, il-parti li tittraxxendi ż-żmien qasir ta’ ħajjet l-individwu,” kompla jgħid Falzon.
L-antropologu semma punt ieħor li joħroġ mill-kuntest tal-mewt li hu dak soċjali fis-sens li fil-kulturi kollha l-mewt għandha parti ċentrali ħafna.
“Biżżejjed niftakru li ħafna mill-fdalijiet Neolitiċi li għandna f’pajjiżna, jew anke monumenti arkitettoniċi bħat-Taj Mahal fl-Indja, huma marbutin mal-mewt.
“Ladarba naċċettaw li l-mewt għandha aspett soċjali nidħlu f’qasam storiku-kulturali. Rigward ir-ritwali funebri ħafna jsostnu li dawn għandhom effett katartiku (ta’ safa jew serħan).
“Jien inħoss li rridu noqogħdu ftit attenti li ma nirriduċux dawn ir-ritwali għal xi tip ta’ funzjonaliżmu bażiku. Veru li r-ritwali funebri jista’ jkollhom elementi emottivi katartiċi, imma veru wkoll li ħafna minnhom imorru lil hinn u jinkwadraw f’qafas soċjali iktar wiesgħa.”
Mil-lat psikoloġiku, il-psikoterapista Patricia Camilleri tkellmet dwar għaliex hemm nies li ma jkunux iridu jersqu lejn katavri filwaqt li hemm oħrajn li saħansitra jżuru s-sala mortwarja.
“Meta jmut xi ħadd jiġġarrbu emozzjonijiet differenti f’dawk li jkunu relatati b’xi mod jew ieħor mal-mejjet. L-iktar komuni huma d-dwejjaq u l-ansjetà. L-ansjetà tinħass minħabba n-nuqqas tal-persuna maħbuba, kif il-ħajja se tinbidel mingħajrha u jitqajmu mistoqsijiet jekk dak li jkun ikampax mingħajrha.
“Meta niġu għal kif nersqu lejn katavru r-reazzjonijiet fin-nies ivarjaw ukoll. Uħud ġieli jqimu l-katavru biex jonoraw lill-persuna u jittrattaw lill-ġisem b’rispett u kura. Oħrajn huma kurjużi u jkunu jridu jaċċertaw irwieħhom li l-mewt seħħet tassew. Oħrajn ikunu jridu jsibu mod kif jagħtu l-aħħar tislima. Jista’ jkun li ma jkunux laħqu għamlu hekk fil-ħajja. Hi reazzjoni naturali u tagħti sens ta’ tmiem għal relazzjoni,” spjegat Camilleri.
Tenniet li r-ritwal tad-difna wkoll għandi l-istess effett. Hemm nies li jibżgħu mill-katavri u ma jersqu bl-ebda mod lejhom. Għalihom il-mewt hi ta’ stkerrih u hi xi ħaġa li jevitaw li jitkellmu jew jaħsbu dwarha akkost ta’ kollox.
“Li naraw katavru hi l-akbar dehxa li nistgħu nieħdu biex naffaċċaw ir-realtà tal-mewt u l-akbar twissija kiefra li l-unika ħaġa ċerta f’ħajjitna hi l-mewt u li ġisimna bla ħajja xi darba jew oħra se jkun jiddependi fuq oħrajn biex jingħata trattatament diċenti.”
Iżżid tgħid li hemm numru żgħir ta’ nies li donnhom jieħdu sodisfazzjon morbuż billi jaraw katavri fis-sala mortwarja. Probabbilment ikunu jridu jikkonfermaw li huma ħajjin fil-preżenza tal-mewt jew ikollhom bżonn iħossu li l-problemi ta’ ħajjithom huma inqas minn ta’ dik il-persuna li mietet.
“Il-mewt iġġorr ħafna misteru għalina lkoll u ħafna jħossuhom intrigati biha. Nistaqsu jekk hux se jkollna ħajja oħra wara l-mewt u jista’ jkun li nħarsu lejn il-katavru biex forsi nieħdu xi tip ta’ sinjal ta’ x’hemm jistenniena.
“Noħolqu ħafna fantasiji, pereżempju, jekk wiċċ il-mejjet jidher mistrieħ, nistgħu nieħdu l-impressjoni li l-persuna marret f’post fejn hemm il-paċi u l-ferħ. Aħna naraw dak li rridu naraw biex ninfurzaw il-fantasiji tagħna u niċħdu l-biżgħat tagħna. Irridu nemmnu li meta żmienna jasal ikun kollox sew għalina wkoll,” temmet tgħid Camilleri.

Il-kultura tal-mewt f’uħud mill-pajjiżi barranin

“Il-ġisem mejjet f’ħafna kulturi hu meqjus kemm imniġġes u li jniġġes. Għalhekk dejjem insibu regoli u ritwali kumplessi ta’ kif il-ġisem mejjet għandu jiġi espost u ta’ kif għandna nħarsu lejh. S’intendi dawn jinbidlu mal-kuntest soċjo-kulturali.”
Mark-Anthony Falzon, antropologu

Indja
Falzon isemmi li fl-Induiżmu l-katavri jinħarqu f’ritwal elaborat ħafna dejjem skont ir-riżorsi tal-familja.
“Fl-Indja nsibu postijiet meqjusa sagri, dejjem assoċjati ma’ xi xmara, bħal pereżempju, Varanasi u Haridwar. L-Indus kollha jkollhom xewqa li jinħarqu maġenb dawn ix-xmajjar u li l-irmied tagħhom jintraxx fl-ilmijiet sagri. Tant hu hekk li f’dawn il-postijiet żviluppaw industriji sħaħ tal-funerali, b’nies speċjalizzati msejħa Brahmins, fir-ritwali tal-mewt. Familji x’aktarx tat-tajjeb ikollhom il-Brahmins personali tagħhom.

Iċ-Ċina
Iċ-Ċiniżi jattendu għall-funerali libsin l-abjad mhux l-iswed. Il-purċissjoni tal-funeral titmexxa minn irġiel li jdoqqu ċ-ċimbli u strumenti mużikali oħra. Oħrajn jaħarqu murtali. Huma jemmnu li aktar ma jattendu nies waqt funeral il-mejjet jingħata ġieħ akbar u triqithom wara l-mewt tkun aħjar. Fil-provinċja ta’ Jiangsu din il-miżura ttieħdet f’estrem tant li flok newwieħa sal-2006 kienu jikru żeffiena erotiċi biex jinżgħu waqt il-funeral u b’hekk jiġbdu aktar nies. Iżda din it-tradizzjoni kellha tieqaf wara li fl-aħħar tal-2006 ġew arrestati ħames żeffiena erotiċi akkużati b’atti oxxeni. Minn dak iż-żmien uffiċjali lokali ordnaw li jiġi ddikjarat x’se jsir f’kull funeral fi 12-il siegħa minn x’ħin imut il-mejjet.

It-Tajlandja
Normalment il-funerali Buddisti jdumu ġimgħa. Il-biki mhux imħeġġeġ li jsir minħabba li jista’ jinkwieta lill-ispirtu tal-mejjet. Kopji ta’ skritturi Buddisti ġieli jitqassmu f’isem il-mejjet u rigali jingħataw lil tempji lokali. Il-patrijiet jiġu mistiedna biex jgħannu t-talb lil jagħti ġieħ lill-mejjet kif ukoll jipproteġi lill-ispirtu tiegħu milli jiġi bħala ħares kattiv. Waqt li jgħannuhom iżomm spaga li tkun marbuta mat-tebut jew mal-ġisem bil-ħsieb li t-talb jiġi trasferit fil-mejjet. Il-ġisem wara jiġi kkremat u l-urna titpoġġa t-tempju lokali.

Ghana
Il-funerali huma attivitajiet kbar soċjali li fihom jintefqu aktar flus mit-tiġijiet. Permezz tagħhom il-familji jikkompetu għall-prestiġju kif ukoll jiftaħru b’ġidhom. In-nies li jattendu għalih jilbsu aħmar u iswed. Funerali jseħħu kull ġimgħa u jattendu għalihom mijiet ta’ nies kull darba. L-ironija hi li ħafna mill-imwiet iseħħu minħabba nuqqas ta’ flus għal kura medika li mbagħad jintefqu fil-funeral. Għalhekk in-nies tal-Ghana għandhom fama li jistmawk aktar mejjet milli ħaj.

 

 

 

Intervista
“Fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed”

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb



Il Punt
Il-valur tal-ilma
Marco Cremona



TONI u PEPPI
Każini politiċi bis-soldi u rekwiżizzjonati: x’futur?



Emmanuel Micallef
Baġit iebes; poplu artab


Carmelo Mifsud Bonnici

Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva



Wensu Mintoff
Is-Sinjura


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan