MediaToday

Aħbarijiet | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105

Lenti fuq il-ħarsien tat-tfal fl-isport

Lil min għandu jirrapporta tifel li jkun abbużat mill-kowċ tan-nursery? It-tfal għandhom ikunu sfurzati jbiddlu quddiem xulxin anki jekk jiddejqu? Kowċ għandu jwassal lit-tfal lura d-dar? FRANICA PULIS tagħti ħarsa lejn id-dokument dwar il-proċeduri għall-protezzjoni tat-tfal fl-isport maħruġ mill-Kunsill Malti għall-Isport

Minn żmien għal żmien joħorġu stejjer dwar kowċis tal-futbol li jabbużaw mit-tfal li jkunu fdati fil-kustodja tagħhom. Ħafna minn dawn l-istejjer ikunu biss qlajja’ bla bażi imma kien hemm każi individwali fejn persuni tressqu l-qorti.
L-abbuż fuq it-tfal fil-qasam sportiv kien ħa dimensjoni nazzjonali meta sentejn ilu l-Aġenzija Appoġġ kienet ħaditha qatta bla ħabel kontra l-Malta Football Association (MFA) għax ma neħħietx mill-impjieg persuna li kienet instabet ħatja ta’ abbuż fuq it-tfal minkejja li xogħlu kien li jieħu ħsieb grawnd tal-futbol fejn kienu jilagħbu t-tfal tal-iskola.
Sal-lum il-klabbs tal-futbol u oħrajn fl-oqsma kollha sportivi m’għandhomx kodiċi bis-saħħa ta’ Liġi li jirregola l-imġiba tal-kowċis u tal-amministraturi fil-konfront tat-tfal.
Madankollu s-sitwazzjoni tista’ tinbidel fis-snin li ġejjin.
Il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) qed iħejji dokument dwar il-proċeduri għall-protezzjoni tat-tfal fl-isport li se jitqassam dalwaqt fl-għaqdiet kollha tal-isport. Dan id-dokument ġie addattat minn dak tas-Soċjetà Nazzjonali tar-Renju Unit għal Prevenzjoni ta’ Moħqrija fuq it-Tfal.
“L-għan ta’ ħafna mill-punti ovvjament huma li jħarsu lit-tfal (subien u bniet u ta’ etajiet u bżonnijiet differenti u f’fażijiet differenti ta’ żvilupp), però għandhom l-għan ukoll li jipproteġu lill-kowċis minn akkużi li jistgħu jsiru kontrihom,” qal Andrew Decelis, il-Direttur tal-Bord tal-KMS responsabbli mill-Politika Sportiva għall-Protezzjoni tat-Tfal.
Sostna wkoll li “l-bżonn ta’ policy għall-protezzjoni tat-tfal Maltin li jipparteċipaw fl-isport kien ilu jinħass għal żmien twil u ma kien relatat mal-ebda każ (ta’ abbuż fuq it-tfal).”
Id-dokument minbarra li jissuġġerixxi proċeduri bħal x’għandu jiġri jekk tfal iweġġgħu jew kif il-kowċis għandhom iġibu rwieħhom mal-bullies, jissuġġerixxi proċeduri oħrajn li qegħdin hemm biex kemm jista’ jkun jevitaw li jsiru abbużi.
Fost dawn hemm li adulti m’għandhomx jitħallew jidħlu fil-kmamar fejn ikunu qegħdin ibiddlu t-tfal ħlief għal tnejn li jkunu s-supervisors. Id-dokument jenfasizza kemm-il darba biex it-tfal ma jispiċċawx weħidhom ma’ adult waħdu la biex jieħdu kura ta’ fiżjoterapija u lanqas biex jittieħdu d-dar jew il-grawnd.
Decelis żied jgħid li d-dokument għandu partijiet li jridu jsiru bilfors mill-klabbs u oħrajn li huma rakkomandazzjonijiet. Isemmi li s-sezzjoni tal-kmamar fejn ibiddlu t-tfal huma rakkomandazzjonijiet u l-KMS lesta tagħti pariri lil min ma jistax jimxi magħhom minħabba nuqqas ta’ spazju.
Din it-taqsima tgħid biex tfal taħt l-14-il sena ma jitħalltux ma’ dawk li għandhom minn 14-il sena sa 17 u naturalment li jkun hemm kmamar differenti jekk fl-isport jilagħbu bniet u subien flimkien. Jgħid ukoll li jekk xi ħadd mit-tfal jiddejjaq ibiddel quddiem l-oħrajn għandu jitħalla jmur ibiddel id-dar.
Joe Micallef, Segretarju Ġenerali tal-Youth Football Association (Youth FA), spjega li 12-il sena ilu l-YFA flimkien mal-MFA, kienu diġà ħarġu ktejjeb bl-isem Child Protection in Football – Prevention, Protection and Remedy, li bħalissa qed jiġi rivedut u se jitqassam dalwaqt lin-nurseries.
Micallef qal, “Dan id-dokument tal-KMS, mhux immirat biss lejn in-nurseries u nħoss li kienet ħaġa tajba u f’waqtha biex dawk l-assoċjazzjonijiet li m’għandhomx xi forma ta’ policy din tkun ta’ gwida.
“Peress li dan id-dokument se jkun liġi kull min hu reġistrat mal-KMS, bil-liġi tal-isport li meta tidħol fis-seħħ, dan kollu jkun jorbot. F’seminar riċenti li żżomm il-YFA għan-nurseries, dan id-dokument ġie diskuss fi gruppi, fejn ukoll bgħatna xi kummenti dwaru. Konklużjoni prinċipali kienet li dan għandu jkun forma aktar ridotta u user friendly biex ikun aktar effettiv.”
Mistoqsi jekk hemmx bżonn bidla ta’ kultura meta jiġi biex jiddaħħal dan id-dokument Joe Micallef ma jaħsibx li se jaffettwa daqshekk għax ħafna minn nurseries diġà jaddottaw ħafna mill-affarijiet prinċipali tad-dokument.
“B’konsegwenza ta’ ċerti rekwiżiti mitluba fil-liċenzja tan-nurseries dan jagħmel ċertu punti mid-dokument f’linja hekk kif mitluba biex tingħata liċenzja mill-MFA. Forsi xi affarijiet ġodda jista’ jkollhom effett żgħir fil-bidla ta’ implimentazzjoni imma nħoss li n-nurseries tagħna, fil-maġġoranza tagħhom, jikkoperaw. Wara kollox dan ikun ta’ ġid fit-tmexxija tan-nurseries.”
Min-naħa tiegħu Andrew Decelis qal li d-dokument jispjega b’mod ċar x’inhu aċċettabli u x’mhuwiex fejn isiru attivitajiet fiżiċi u sportivi kif ukoll x’għandu jsir f’każ ta’ xi suspetti jew akkużi.
“Jista’ jkun hemm ċerti affarijiet li fil-passat, jew anke llum, qed isiru u li dan id-dokument iġegħlna nirriflettu fuqhom. Il-klabbs u n-nurseries għandhom isibu dan id-dokument ta’ għajnuna kbira biex jgħollu l-livell ta’ servizz li qed joffru filwaqt li jipproteġu lit-tfal.
“Għandu jservi wkoll bħala mezz ta’ edukazzjoni għall-kowċis, amministraturi u kull min hu nvolut fl-isport mat-tfal. Għal xi nies, dan jista’ jitlob tibdil ta’ kultura, imma wieħed irid jgħid li qed isir ħafna xogħol tajjeb minn ħafna entitajiet biex jedukaw lit-tfal.”
Rigward jekk hemmx bżonn li ssir bidla kbira fin-nurseries biex jiġu konformi mad-dokument, Micallef sostna kull ħaġa ġdida teħtieġ ċertu tibdil.
“L-Assoċjazzjoni għamlet referenzi għal xi affarijiet li tħoss li ma taqbilx dwarhom u kien hemm affarijiet oħra li talbet biex jiġu kkunsidrati.
“Irridu nżommu f’moħħna li dan id-dokument mhux se jaffettwa lin-nurseries biss imma wkoll lill-għaqdiet sportivi oħra u li dawn għandhom ukoll id-dover li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom biex dan id-dokument verament ikun ta’ gwida għal kulħadd.”
Bosta nurseries tal-futbol ġew ikkuntattjati, fosthom tal-Floriana, l-Imġarr, il-Melita u n-Nadur Youngsters, imma għadhom qed jistennew dan id-dokument u għalhekk ma weġbux.
Iżda jidher li d-dokument wasal f’idejn Adrian Grech, Segretarju tan-Nursery Valletta FC. Dan sostna li “bla dubju kien hemm bżonn ta’ xi tip ta’ dokument jew ta’ linji gwida. Imma dawn saru jew biħsiebhom isiru b’mod esaġerat u dittatorjali. Bħala nursery qed nitolbu lil YFA biex tagħmel laqgħa dwar dan is-suġġett għax ninsabu ċerti li dan id-dokument mhuwiex addattat għal pajjiżna speċjalment fejn jidħol il-futbol.
“Jekk wara li jseħħ dan id-dokument, in-nurseries jibqgħu miftuħin, irridu nżidu l-ħaddiema. Xi ħaġa li kull għaqda hi għatxana għaliha, iżda sakemm tħallas lin-nies biex jagħmluh dan żgur ma nifilħux għalih,” qal Grech li żied jgħid li minħabba d-dokument se jkollhom jagħmlu tibdiliet amministrativi u strutturali.
Ladarba d-dokument jiġi approvat mill-Bord tad-Diretturi tal-KMS wara konsultazzjoni mal-għaqdiet sportivi jew entitajiet oħra konċernati, il-KMS iressaq d-dokument għall-approvazzjoni tal-Gvern.

Xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet

- Jekk tifel/tifla jirrappurtaw abbuż fl-ambjent sportiv fejn qed ikunu jew jasal rapport minn terzi persuni dwar possibbiltà ta’ abbuż jew prattiċi ħżiena, l-uffiċjali jridu jieħdu azzjoni immedjata skont il-Kodiċi ta’ Prattika
- Kull organizzazzjoni li taħdem maż-żgħażagħ għandha tara li teqred kull forma ta’ razziżmu
- Jekk uffiċjal ta’ klabb jew kowċ ikollu relazzjoni intima jew mhux f’lokha ma’ persuna żagħżugħa dan ikun ksur tal-Kodiċi tal-Kunsill Malti għall-Isport u jwassal għal passi dixxiplinarji
- Uffiċjal/kowċ jew adult m’għandhom qatt iqattgħu ħin twil waħedhom fil-kumpanija taż-żgħażagħ mingħajr il-preżenza ta’ ħaddieħor u qatt m’għandhom jieħdu lit-tfal fid-dar tagħhom fejn jistgħu jkunu weħidhom magħhom
- Tifel/tifla li jkollhom bżonn għajnuna medika m’għandhomx ikunu trattati weħidhom f’kamra bil-bieb magħluq
- Hu rakkomandat li kull proċedura ta’ trattament mediku tkun spjegata liż-żagħżugħ jew żagħżugħa u jintalab kunsens verbali qabel ma t-tabib jissokta bil-kura
- L-ebda apparat fotografiku, inkluż mowbajls bil-kamera, ma jistgħu jintużaw fil-kmamar fejn ibiddlu t-tfal
- Fejn hu prattiku, tfal żgħar iridu jkunu taħt il-ħarsien kontinwu ta’ żewġ uffiċjali meta jkunu fiċ-changing rooms
- Għandu jkun hemm kmamar separati għal tfal taħt l-14-il sena u għal dawk bejn 14-il sena u s-17
- Meta klabb ikun se jdaħħal kowċis jew uffiċjali ġodda jrid jikkonsulta mar-Reġistru tal-Persuni li wettqu Reati Sesswali, jekk u meta jiddaħħal

 

Intervista
“Fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed”

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb



Il Punt
Il-valur tal-ilma
Marco Cremona



TONI u PEPPI
Każini politiċi bis-soldi u rekwiżizzjonati: x’futur?



Emmanuel Micallef
Baġit iebes; poplu artab


Carmelo Mifsud Bonnici

Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva



Wensu Mintoff
Is-Sinjura


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan