MediaToday

Sports | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105

Il-professjonalità fl-isport u fil-mediċina

Mark Attard

Li tkun tabib imdaħħal sew fid-dinja tal-isport narah impenn doppju. Doppju għax filwaqt li trid taqdi d-dmirijiet normali li jinqalgħu mal-kurrent normali tal-ġurnata trid ukoll tidħol f’ħafna truf u dan kollu bi ġlieda mal-ħin biex tlaħħaq ma’ kollox.
Tgħidulix għala, imma bqajt ma skoprejtx kif Kirill Micallef Stafrace jirnexxielu jlaħħaq mal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), mat-tagħlim fl-Università, mal-presidenza tal-Maltese Association of Sports and Exercise Medicine (MASEM) u mas-Sliema Wanderers FC. Hu ukoll membru tal-eżekuttiv tal-European Association of Sports Medicine Associations(EFSMA). Imbagħad Kirill jieħu ħsieb is-saħħa tal-aqwa atleti nazzjonali u tal-għadd ta’ pazjenti li jirrikorru għas-servizzi tiegħu.
Anki jekk ta’ età żgħira, it-tabib jiġbdek bil-mod kif jesprimi ruħu u jipprova jfiehem dak li hu jemmen fih. Iltqajt miegħu nhar it-Tnejn wara nofsinhar. B’id waħda sserraħ mal-mejda u b’pinta luminata quddiemu ż-żagħżugħ jirrispondi għal kull mistoqsija li għamiltu fuq il-karriera tiegħu u dak li ddeċieda li jmur għalih fix-xhur li ġejjin, anki jekk jien tal-opinjoni li ħajtu kif inhi hija diġà mballata wisq.
“Time management. Dik hija l-unika triq biex inlaħħaq ma’ dan kollu. Naħseb li nippjana kif inqassam il-ħin u f’dan inħossni kapaċi ħafna. Ovvja li fil-ħajja għandi l-prioritajiet bħal ħaddieħor. L-importanti jibqa’ li f’kull qasam ta’ ħajti għandi nies kompetenti li jaħdmu miegħi. Kulmeta kelli bżonn niddjaloga magħhom qatt ma sibt problemi. Nemmen fil-ħila li tiddelega. Fuq kollox jien tgħallimt li kulmeta jkolli biċċa xogħol x’nagħmel naqbad u nagħmilha inkella ma ssir qatt għax dejjem issib raguni biex titfa’ l-affarijiet lura.
“Ħajti minn dejjem fl-isport. L-ewwel bdejt atleta. Kont nipprattika l-volleyball, il-futbol, il-handball, l-atletika u anki l-futsal. Kont żvinturat ħafna għax weġġajt kemm-il darba. Bħala atleta rbaħt aktar minn 20 unur bejn kampjonati nazzjonali tal-volleyball u tal-handball. Is-sodisfazzjonijiet, kemm bħala atleta u kemm bħala tabib, qegħdin hemm. Iżda differenti. Illum il-ġurnata s-sodisfazzjon tiegħi jkun meta nara terapija tiegħi fuq xi atleta tirnexxi. L-ikbar sodisfazzjon imbagħad, meta nara l-progress fuq atleta jseħħ qabel iż-żmien mistenni.”
Sakemm jirrispondini għall-ewwel mistoqsija naħseb waħdi kemm hi interessanti l-karriera li qabad bħala tabib fl-isport meta huma rari ħafna t-tobba bħalu li f’pajjżna jaqbu din il-linja. Raġuni għal dan kollu hemm żgur.
“Bħala sportiv li qbadt l-istudju tal-mediċina kien l-eħfef mezz li nkompli ngħix fl-isport. Ridt nispeċjalizza fil-qasam tal-mediċina tal-isport u l-eżerċizzju fiżiku. Fil-bidu tal-karriera tiegħi sibt il-parir siewi ta’ Charles Grixti li ftit qabel kont anki taħt il-kura tiegħu meta qlajt spallti waqt logħba futbol ma’ Burmarrad FC! Kont staqsejtu jekk għandix naqbad din il-karriera u hu inkoraġġini ħafna.
“Irrid ngħid li ta’ 18-il sena mort il-youth camp tal-Olimpjadi ta’ Barċellona. Hemmhekk iltqajt mat-tobba tal-CONI u ħafna speċjalisti oħra. U nista’ ngħid li bdiet tberraq f’moħħi l-ħtieġa ta’ tobba tal-isport f’pajjiżna. Tobba mħarrġa speċifikatament għalhekk. Wara li lħaqt tabib mort nispeċjalizza Londra u meta ġejt lura kienu avviċinawni l-KOM biex nieħu f’idejja l-kariga li għandi llum. Kienu wkoll bagħtuni kors dwar nutrizzjoni f’Ruma.”
Minn taħt idejn Kirill jgħaddu l-aqwa atleti tal-pajjiż ta’ bosta dixxiplini. Jispjegali għala, fl-opinjoni tiegħu, bħala nazzjon, nispikkaw aktar fejn jidħol sport individwali.
“Irridu nkunu realistiċi. Ir-realtà hi li f’pajjiżna nispikkaw aktar fuq sport fejn tidħol l-individwalità milli tim. Jekk hemm sport partikolari li huwa ta’ vantaġġ li tkun qasir u matnazz għandna ċans li mmorru aktar tajjeb.
“Irridu nammettu li aħna poplu ta’ ċerti karatteristici fiżiċi li addattati għal sports bħal weightlifting, wrestling, judo u boxing. Hawn għandna ċans li mmorru tajjeb aktar minn fi sport ieħor. Naturalment ikun hemm xi eċċezzjonijiet. Insemmi lil Carol Walsh li kienet superjuri għal atleti oħra Maltin u barranin. Ir-records tagħha fuq bażi lokali diffiċli biex jinkisru.
“Imbagħad għandna sport ieħor ta’ tradizzjoni bħal sparar u snooker li aħna tajbin fihom. Iżda huwa fatt magħruf li fejn jidħol sport ta’ tim inbatu.”
Kirill Micallef Stafrace twieled fl-1 ta’ Diċembru 1970 u joqgħod Ħ’Attard. Jiġi iben l-eks Ministru Laburista Joe Micallef Stafrace. Imma għala għażel il-professjoni ta’ tabib? Jirrispondini b’nofs daħka …
“Jien familja ta’ avukati. Missieri u ħuti kollha avukati. Iċ-ċajta fil-familja hi li missieri ħaseb biex meta jixjieħ ikollu bżonn tabib fil-familja li jkun dejjem viċin tiegħu. Allura ħeġġewni ħafna meta raw l-inklinazzjoni tiegħi lejn ix-xjenzi!”
Hawn id-diskors waqa’ fuq il-problema tal-obesità u Kirill kompla, “Ħafna mill-problemi ta’ saħħa li għandna f’Malta jikkontribwixxi għalihom in-nuqqas regolari ta’ eżerċizzju fiżiku. S’issa qatt ma kellna kampanja strutturata biex niġġieldu għal dan in-nuqqas.
“Mhux se ngħidha jien imma l-informazzjoni li ħierġa hija dik li l-poplu Malti u Għawdxi huwa fost l-eħxen fid-dinja. Hemm raġuni għal dan. Qed nieklu wisq u ma nagħżlux x’nieklu. Imbagħad ma nħaddmux il-ġisem biżżejjed. Skont kemm tiekol, x’tiekol u kemm taħraq kaloriji jkun il-ġisem tal-bniedem. F’pajjiżna għandna r-riżultat li nħabbtu wiċċna miegħu kuljum.”
Ma’ Kirill naqbad id-diskors fuq is-saħta tad-doping. It-tnejn konxji li bħall-korruzzjoni, id-doping tista’ biss teqred is-sabiħ tal-isport.
“Sfortunatament din hija waħda mir-realtajiet ta’ llum. B’mod internazzjonali hemm ir-regolamenti tal-WADA li huma ċari. Jgħidu li min jieħu sehem f’ċerti dixxiplini ta’ ċertu livell u jeħel mit-testijiet li jsirulu jkun pożittiv għad-doping. Jiċċekkjawlek l-urina u anki d-demm. Hemm ħafna mezzi u sintomi li jekk tkun taħt l-effett tad-doping se juruna mill-ewwel. Jekk tinqabad għandek il-pieni kontrik.
“It-tir ta’ ħafna atleti sar li jakkwistaw is-suċċess personali, huma x’inhuma l-mezzi wżati u jkunu xi jkunu l-konsegwenza. L-aqwa li l-atleta jasal fejn xi darba ħolom anki jekk ġismu ma jkunx iwassal. Apparti l-apett ta’ qerq wieħed irid jenfasizza l-effetti koroh fuq il-ġisem li jġibu dawn il-kimiċi. Effetti li ħafna minnhom huma permanenti.”
L-iktar mument iebes waqt l-intervista kien meta ma’ Kirill nitkellem fuq dak li diġà qed jinstema’ u ħareġ fil-pubbliku. It-tabib jista’ jkun wieħed mill-10 kandidati f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Gunju li ġej. Il-mistoqsija tiegħi tkun skjetta u ċara. Dan vera? Min għamillek din l-offerta?
“Taf biżżejjed li ma nistax nirrispondik għal din id-domanda. Nista’ nikkonfermalek biss li t-talba saritli b’mod personali minn persuna tal-ogħla kariga fil-Partit Laburista. Wara ħafna ħsieb u konsultazzjonijiet, għidt ‘iva’. Issa kollox jiddependi jekk niġix approvat mill-istrutturi tal-partit.”
Inkompli ninsisti fuq dan is-suġġett. Nistaqsih jekk tkellimx mal-Mexxej Laburista Joseph Muscat fuq dan kollu u jekk ħasibx fil-fatt li għal mal-Partit Laburista qed jissemmew u diġà kkonfermaw il-kandidatura tagħhom ħafna ismijiet ta’ popolarità kbira fil-pajjiż.
“Nikkonfermalek li tkellimt ma’ Muscat. Is-sabiħ dwar kandidati oħra hu li l-elettur se jkollu għażla mill-isbaħ ta’ kandidati x’jista’ jivvota.”
Kirill ikkonfermali li jiġri x’jiġri, u jkun xi jkun, l-isport u l-eżerċizzju se jibqgħu fuq l-aġenda tiegħu fost temi oħra ewlenin. Nistaqsieh jibżax li ismu jiġi assoċjat ma’ partit politiku u x’lest ibiddel kemm-il darba jkun elett.
“Il-politika naraha attività u mezz li permezz tagħha tista’ tagħmel il-ġid. Gwaj jekk inħarsu lejn il-politika mod ieħor. L-inklinazzjonijiet politiċi tiegħi jafhom kulmin iħabbat wiċċu miegħi. Ħaġa waħda hi ċerta: fl-ambitu sportiv kulħadd jaf li jien ma narax kuluri. L-isports u s-saħħa fiżika huma ta’ kulħadd u jolqtu lil kulħadd. Darba li nkun nominat allura nkun aktar speċifiku.”
Kirill ikellimni fuq diversi sodisfazzjonijiet oħra li tagħtu s’issa l-ħajja. Issemmili b’mod partikolari l-mument meta ġie elett fl-ezekuttiv tal-EFSMA
“Tliet snin ilu tfajt in-nomina tiegħi għall-ħatra ta’ membru fl-eżekutiv. Kien hemm post vakanti u għalih konna jien u oħrajn mill-Polonja, minn Franza, mill-Portugall, mill-Ungerija, mill-Greċja u mill-Iżrael. Inkun onest u ngħidlek li kont naqra sorpriż li ġejt elett jien minn tant persuni minn pajjiżi ikbar. Minn hemmhekk indunajt x’rispett tgawdi Malta fix-xena Ewropea tal-isport. Rajt ukoll li l-papers li kont nippreżenta fil-laqgħat li kienu jsiru kienu ġew apprezzati.
“Il-klabb ta’ Sliema Wanderers FC tani sodisfazzjon ukoll f’ħajti. Minn taħti għaddew ħafna plejers dedikati li issa jilagħbu ma’ ħafna klabbs oħrajn u wħud anki barra minn xtutna. Ma nistax ma nsemmix kemm kont fortunat li ltqajt ma’ persuna bħal Robert Arrigo li nqisu bħala ġentlhom ta’ vera. Għandna bżonn aktar nies bħalu fl-isport. Kien bniedem li dejjem poġġa s-saħħa tal-atleta qabel ir-riżultat.”
Kirill jgħid grazzi lil dawk li f’ħajtu kienu u għadhom l-aktar viċin tiegħu.
“Ma nistax ma nirringrazzjax lill-Eżekuttiv tal-KOM, speċjalment lil Lino Farrugia Sacco, lil Gino Camilleri, lil Pippo Psaila u lil Joe Cassar.
Lill-coaching staff ta’ Sliema Wanderers li dejjem tgħallimt xi ħaġa mingħandhom.
“Fl-università għandi direttur ta’ kalibru bħalma hu Michael Aquilina u qablu Louis Borg. Ma nistax nonqos li ma nsemmix lit-tabiba Lucienne Attard li naħdem ħafna magħha flimkien ma’ dawk kollha li naħdem magħhom f’Mater Dei u fil-privat.
“Dejjem insib l-appoġġ u l-għajnuna imprezzabbli tal-familja u ta’ Nicola fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajti.

 

Intervista
“Fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed”

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb



Il Punt
Il-valur tal-ilma
Marco Cremona



TONI u PEPPI
Każini politiċi bis-soldi u rekwiżizzjonati: x’futur?



Emmanuel Micallef
Baġit iebes; poplu artab


Carmelo Mifsud Bonnici

Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva



Wensu Mintoff
Is-Sinjura


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan