Carmelo Mifsud Bonnici | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105
Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva 1. Laqatni artikolu fil-“Le Monde” tas-Sibt li għada bit-titolu “Sauvons le capitalisme des capitalistes!” ta’ ċertu Frederic Lemaitre. Kien interessanti bħala parti minn mekkaniżmu ta’ awto-kritika li rajt f’ġurnali oħra li però ma rajthomx daqshekk tajba. Lemaitre jitkellem fil-qosor fuq min huma dawk li ġabu s-sistema ekonomika bbażata fuq wieħed mill-mudelli varji tal-kapitaliżmu fl-istat li qegħda llum. L-attakk imur prinċipalment fuq id-diżlivelli kbar li hemm fil-ħlas bejn min qiegħed fuq u min qiegħed taħt fl-attivitajiet kummerċjali. 2. L-argument huwa li l-ħlas huwa sproporzjonat u ftit huma l-pajjiżi li ħadu dan bis-serjetà u kkontrollaw b’liġijiet apposta. Ir-realtà li żviluppat ġabet inugwaljanza u sproporzjonalità bejn il-valur tax-xogħol, l-effetti kummerċjali tiegħu u l-ħlas lura. Persuni li sabu rwieħhom fuq nett approfittaw irwieħhom mingħajr ma ġġustifikaw dak li kienu qed jitħallsu tiegħu. Iktar għax ir-rabta fis-salarju hija marbuta ma’ dak li kien qed “jidher” li qed tixtri u tbigħ l-azjenda: “les remunerations sont lièes aux performances” mingħajr ovvjament ma hemm ħarsa għall-istabbiltà interna tas-soċjetà kummerċjali. Il-kunflitt qiegħed bejn l-interess personali f’dak li jaqbel iċċaqlaq l-intrapriża lejn biex iżżid il-ħlas tiegħek u dak li huwa ta’ ġid għaliha fit-tul. 3. Dan żgur fih x’taħseb, però jista’ jkun li hemm ferm iktar. Artiklu ieħor li ġibidli l-attenzjoni kien dak li rajt fin-“Newsweek” miktub minn Paul Kedrask bit-titolu “The first disorders of the Internet Age”. L-attakk hawn imur, fl-opinjoni tiegħi, inġustament kontra Alan Greenspan, imma jitlaq fuq il-premessa li dan kollu ġara għax ma kienx hemm informazzjoni ċara u preċiża mogħtija lil min jirrapporta fil-ġurnali dwar dak li għaddej fl-ekonomija. Huwa jgħid: “A Financial Times reporter suggested to our investment banker that the credit crisis had snuck up on investors and regulators because of how hard people like him made it to get good information. The banker, with evident irritation, pointed out that all the information you needed was widely available. Why should we be blamed if nobody paid attention?” 4. L-impostazzjoni differenti hawn timmira bl-iktar mod evidenti lejn, l-ewwel, kemm hawn informazzjoni finanzjarja li hija aċċessibbli; it-tieni, kemm minn dik li hija aċċessibbli hija miġbura b’mod loġiku u komprensiv; u t-tielet, kemm qed issir analiżi tajba ta’ dak li l-figuri jindikaw. L-artikolu jammetti li, għalkemm hemm ħafna informazzjoni, din hija mxerrda wisq biex ġurnalist jifhimha. Hemm bżonn ta’ iktar persuni li janalizzaw fil-fond u mhux biss jifhmu huma, imma jassiguraw li ħaddieħor jifhem. 5. Ovvjament, l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni finanzjarja għad irridu narawha fit-tul. Li huwa żgur hu li sejrin lejn iktar kawtela. Il-poplu ser ikun jaf ferm aktar fuq dak li qed jiġri, kif qed jaħdmu u jiġu kkontrollati l-attivitajiet tagħhom. L-artikolista jiftaħ fuq dan b’dikjarazzjonijiet kontradittorji u nġusti li permezz tagħhom jipprova jaqleb ir-responsabbiltà minn fuq min wettaq għal min suppost kien mistenni li jikkontrolla: “And one of the obligations of being a citizen in a free society is vigilance – watching what is happening in your neighbourhood, whether it’s financial or physical. A lack of regulatory oversight certainly played a role in the current crises, but over-relying on regulators is a dangerous practice. Citizens need to take responsibility. Apathy and indifference in the face of a complex and fast changing world is a path to ruin.” 6. Interessanti ferm iktar u iktar, quddiem dak li Alan Greenspan, il-Ħamis 23 ta’ Ottubru ddikjara li “he was wrong to trust free markets to regulate the financial system without stronger government oversight”. Hawn qed immorru pass ieħor, jiġifieri mhux biss it-tmiem ta’ ideat ekonomiċi li evidentement fallew imma, l-ewwel, li huwa neċessarju li jkun hemm kontroll leġislattiv u governattiv; u t-tieni, li l-poplu (u dan f’soċjetà tal-villaġġ globali internet fejn l-aċċess għall-informazzjoni, kellu jwassal għal sitwazzjoni fejn kollox huwa pubbliku u l-korruzzjoni u r-regħba jispiċċaw għax ma għandhomx fejn jistaħbew) għandu responsabbiltà u għalhekk dmiru li jissorvelja għal rasu. 7. Fil-verità ħareġ biċ-ċar li dak li kien isostni Milion Friedman li ftit xhur ilu uħud iċċelebraw, kien għal kollox off mark. Id-deregolament tas-suq ikisser u mhux jissoda l-kapitaliżmu. Il-libertà tas-suq trid tiġi garantita u prattikata bil-Liġi. Meta ma jkunx hemm dan, inevitabbilment tiġi abbużata. Dawk li kienu belgħuha waħda u sew li s-suq isuq tant li jirregola lilu nnifsu, issa qed jaraw li dan ma kienx minnu. U dan mhuwiex kwistjoni ta’ Soċjaliżmu jew Komuniżmu, imma sempliċi sens komun. Formoli bħal dawn imorru kontra l-mod ta’ kif jaħdem il-bniedem u għalhekk ma jistgħux jirnexxu. Għax meta tneħħi l-valur tal-ġustizzja minn kull għalqa tal-attività umana tkun qed twassal biss għall-inġustizzji. Dik hija r-regola tal-ħajja u l-ebda forma ta’ meravilja ekonomika ma twassal il-kontra. 8. F’dan kollu hawn ukoll pajjiżna. Żammejna sod proprju għax il-libertà tas-suq kellu regolaturi attenti u viġilanti. F’mumenti ngħid li mudell ta’ kapitaliżmu li ġab dan kollu barra rajnieh fil-bidu tas-seklu li għadda u nagħlaq bl-irvelli tas-7 ta’ Ġunju 1919. Jista’ jkun. Li huwa żgur hu li tul dawn l-aħħar għoxrin sena żammejna politika stabbli li tiftaħ, però tara xi jkun għaddej. Tibni l-qafas billi tagħti l-libertà sħiħa lill-abbiltà ta’ l-imprenditur mingħajr ma toħonqu u fl-istess ħin tħares lill-poplu mill-abbużi li l-libertinaġġ iwassal. 9. Dan joqgħod tajjeb għalina għax anki l-mentalità u l-kultura ekonomika ta’ l-operaturi fil-kummerċ trid dan. Tħossha konfortata li taħdem b’dan il-mod, fejn l-Istat Malti huwa l-gwardjan u l-protettur. Dan joħroġ evidenti l-ħin kollu. Anke, jekk tippermettuli, fil-kwistjoni tar-rati tad-dawl u l-ilma, ngħid li dikjarazzjonijiet u reazzjonijiet jixhdu din il-“viżjoni” ekonomika. Analiżi iktar fil-fond ta’ kollox turi biċ-ċar li dak li bħala poplu bnejna wassal għal stabbiltà ekonomika li qatt qabel ma kellna bħalha. Darrejna lil min jaħdem u jopera f’sistema li mhix dik kapitalista, li Frederic Lemaitre irid isalva, iżda waħda li hija fuq naħa miftuħa u fuq in-naħa l-oħra kontrollata b’intelliġenza. 10. 18Għalhekk il-politika għaqlija tagħna m’għandhiex bżonn li ssalva kapitaliżmu distruttiv bħalma Stati oħra sabu rwieħhom fiha. Għax il-pjan ta’ rkupru tal-fiduċja ekonomika Ewropea u Amerikana fih x’tanalizza f’żewġ aspetti. L-ewwel, biex iżżomm lura telfiet ikbar ta’ kapital. It-tieni, humiex miżuri li sejrin lejn sistema ġdida jew humiex iżommu s-sistema żbaljata li għandha l-effett li tmur lura f’postha biex terġa’ ġġib dak li għandna llum. Nittama li dawk li kienu fuq il-linja żbaljata jindunaw għax hekk biss nistgħu nsalvaw dak li hu salvabbli – ekonomija ħielsa iva, iżda regolata tajjeb.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan