MediaToday

Emmanual Micallef | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105

Baġit iebes; poplu artab

Il-Ministru Tonio Fenech kellu x-xorti li jkun involut sew fit-tħejjija għall-baġit ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali u issa messitu x-xorti ħażina li fl-ewwel baġit tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi jressaq baġit b’togħma ta’ qrusa! Naturalment mhux tort tiegħu. Forsi tad-destin. Issa għada nkunu f’pożizzjoni aħjar biex nikkonfermaw jekk dan hux minnu.
Żgur li fid-diskors tal-baġit l-iktar żewġ kelmiet li se jintqalu huma r-realtà tal-lum u r-responsabbiltà tal-Gvern. Mhux se nisimgħu wisq, kif smajna fl-aħħar baġit, li s-sagrifiċċji li għamilna fl-imgħoddi issa se jissarrfu f’żidiet fil-pagi, tnaqqis ta’ taxxi, tkabbir fir-rata tal-ekonomija u iktar investiment barrani u lokali.
Se nisimgħu żgur li għax għandna l-finanzi fis-sod u għax għandna viżjoni kredibbli u sostenibbli allura nistgħu ntaffu l-effetti tad-daqqiet li se naqilgħu minn barra. U dan minħabba r-riċessjoni dinjija qawwija li riesqa fuqna.
Dan se jkun baġit realistiku, se jgħidulna; jigifieri li l-iskop tiegħu mhux biex naraw kif nagħmlu ħalli nagħmlu qabża fil-kwalità ta’ ħajja li ngħixu imma biex nippruvaw ma nnaqqsux minn dak li għandna. Baġit realistiku jfisser li rridu nissikkaw iċ-ċintorin u nġorru iktar piżijiet ġħax hekk hemm bżonn fiċ-ċirkostanzi tal-lum u għada. Hekk se jgħidulna anke jekk dan jistona bil-kbir mal-impressjoni li tawna mill-aħħar elezzjoni lil hawn meta qalulna li f’pajjiżna għandna l-bnazzi u l-maltemp qiegħed ferm bogħod minn xtutna.
Jekk il-baġit li ġej ikun biss fotokopja tal-baġit tas-sena l-oħra, bid-differenza li jinkludi l-miżuri li beħsiebu jdaħħal il-Gvern dwar it-tariffi tad-dawl u l-ilma, ukoll se jġib iktar piżijiet. Aħseb u ara jekk dan il-baġit, biex ikun realistiku, irid jindirizza l-politika ta’ sussidji imposti mill-UE; irid jindirizza l-ineffiċjenzi tal-korporazzjonijiet tal-ilma u l-enerġija; irid ikompli jsostni l-miżuri biex inaqqas id-defiċit u d-dejn nazzjonali; irid jirribatti l-kriżi ekonomika li qegħda fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra u jrid isib rimedju għax-xokkijiet li tista’ tieħu l-ekonomija tagħna bla mistenni. Xi ħadd se jlumni jekk ngħid li l-baġit li ġej se jkun wieħed iebes?
Se jkun baġit iebes ukoll għaliex fih xamma tal-ebusija tar-ras tal-Gvern. L-avvenimenti li ġraw f’dawn l-aħħar ġimgħat diġà wrew li d-djalogu soċjali f’pajjiżna huwa finta daqskemm il-konsultazzjoni hija artifiċjali. Ma jistax ikun li kulma qalu l-imsieħba soċjali u ekonomisti ta’ stoffa ma jdoqqx għal widnejn il-Gvern! Dawn ammettew li l-Gvern m’għandux triq oħra imma jrid jieħu passi biex ma nikkrollawx quddiem l-isfidi li ġejjin.
Iżda fl-istess nifs qalulu biex ma jagħmilx kollox f’daqqa għax ir-riperkussjonijiet ikunu ikbar milli kieku ma jagħmel xejn. B’dak li ta x’jifhem il-Gvern jidher li l-miżuri li jrid iwettaq se jaffettwa ħażin lil kull faxxa tas-soċjetà. Ta’ fuq se jinqarsu; tan-nofs se jingħafsu sew u ta’ taħt se jaqilgħu l-ikbar daqqa. Se nibnu knisja biex inħottu oħra. Pajjiżna ma jiflaħx għal dan u ċ-ċittadin wisq anqas. Fi żmien ta’ riċessjoni huwa minn ewl id-dinja li nħallu l-flus fil-bwiet tan-nies biex nistimulaw l-ekonomija. Saħħa li ma nżidux il-pagi u ma nnaqqsux it-taxxi imma m’għandniex issa nirriskjaw ukoll li nitilfu l-impjiegi.
Jekk illum qed ningirfu b’ħaddiema li jaħdmu ġimgħa mnaqqsa ta’ xogħol mela x’se jiġrilna jekk il-girfa ssir ferita? Agħar minn hekk jekk il-melħ fuq il-ferita nitfgħu aħna stess?
Il-Gvern jaf li għad għandu minn fejn innaqqas in-nefqa pubblika kif jaf ukoll minn fejn jista’ jiġbor iktar taxxi minn fejn sal-lum baqgħu ma nġabrux. Bħalma issa stenbaħ biex jimpenja ruħu ħalli jippromovi s-sorsi ta’ enerġija alternattiva għandu jistenbaħ ukoll biex isib mezz kif jistimola l-ekonomija mingħajr ma jżid il-piżijiet fuq il-poplu. Ir-responsabbiltà soċjali titlob ukoll li f’mumenti diffiċli l-ewwel għajnuna tingħata lil min l-aktar għandu bżonnha.
Jekk xi snin ilu l-Gvern irnexxielu jiġbed is-simpatija tal-poplu lejh bl-inizjattiva tal-Patt Soċjali – anke jekk dan ma rnexxiex – din id-darba qed jiġbed l-istmerrija tal-poplu għax prattikament baqa’ miexi għal riħu, waqt li njora lil kulħadd. Jekk għada l-Ministru tal-Finanzi se jressaq baġit bl-ingredjenti li ssemmew s’issa allura l-poplu jkollu raġun jipprotesta. Jekk ma jipprotestax allura veru l-poplu minkejja l-identità Ewropea tiegħu sar artab! Ma naħsibx li Joseph Muscat għamel sejħa għal manifestazzjoni pubblika għal xejn!

 

Intervista
“Fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed”

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb



Il Punt
Il-valur tal-ilma
Marco Cremona



TONI u PEPPI
Każini politiċi bis-soldi u rekwiżizzjonati: x’futur?



Emmanuel Micallef
Baġit iebes; poplu artab


Carmelo Mifsud Bonnici

Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva



Wensu Mintoff
Is-Sinjura


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan