Intervista | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb
Dawn mhumiex ġranet faċli għal trejdunjonista li f’temp ta’ ġimgħa wassal aħbarijiet xejn sbieħ lil għadd kbir ta’ membri dwar il-postijiet tax-xogħol tagħhom.
“Qed naraw li fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed,” ikunu l-ewwel kliem tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb meta npoġġi bilqegħdha fl-uffiċċju tiegħu.
Niltaqa’ ma’ Zarb nhar il-Ħamis, ġurnata b’temp imdellek u bi sħab magħqud imdendel fuq il-pajjiż kollu.
Bit-Toly tkeċċi 84 ħaddiem u bit-Trelleborg u l-Methode jnaqqsu l-ġimgħa xogħol għal erbat ijiem għall-ħaddiema kollha, il-GWU qed ikollha tħabbat wiċċha mal-ewwel effetti tal-kriżi ekonomika li qed taħkem lid-dinja.
“Bħalissa għandna l-inkwiet fuq żewġ fronti. Għandna l-problema li qed joħloq il-Gvern barra l-post tax-xogħol biż-żidiet fit-tariffi tad-dawl u l-ilma li se jolqtu lill-ħaddiem bħala konsumatur.
“Imma għandna wkoll il-problemi fuq il-postijiet tax-xogħol milquta direttament b’dak li qed jiġri barra. Diġà kellna tliet fabbriki li kellhom jieħdu miżuri li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj. Imma l-indikazzjonijiet li għandna huma li mhux se jieqfu hawnhekk. Sfortunatament minn mindu l-Gvern ħabbar id-deċiżjoni finali tiegħu fuq it-tariffi żdiedu t-talbiet minn impjegaturi biex jiltaqgħu magħna. Waslulna wkoll sinjali li xi lukandi se jkollhom jagħlqu fix-xitwa.”
Kliem Zarb jinħass tqil. It-telf tal-impjieg mhux biss jagħsar lill-ħaddiem finanzjarjament imma wkoll ikisser id-dinjità tal-persuna.
Nistaqsih jekk f’ċirkostanzi bħal dawn il-union tippreferix li kulħadd fuq il-post tax-xogħol iżommx l-impjieg imma bi dħul inqas bħal fil-każ tal-ġimgħa mnaqqsa, jew jitkeċċewx għadd ta’ ħaddiema imma li jifdal jibqgħu jgawdu l-paga sħiħa.
“L-ewwel ma nagħmlu bħala union nippruvaw niverifikaw kemm se ddum is-sitwazzjoni u għalhekk f’dawk il-postijiet tax-xogħol fejn ilħaqna ftehim dwar ġimgħa mnaqqsa qbilna wkoll li wara ċertu żmien nerġgħu niltaqgħu mal-maniġment biex nirrevedu l-affarijiet.
“Bħalma ġara fil-każ tal-Methode kien aħjar li mmorru għal ġimgħa mnaqqsa ta’ erbat ijiem fejn kull ħaddiem ikun qed jerfa’ biċċa mill-piż milli jitkeċċew 200 persuna. Lill-ħaddiem tkun armejtu jekk tneħħilu x-xogħol.”
Il-kriżi li qed iħabbtu wiċċhom magħha dawn il-kumpaniji kbar m’għandhiex x’taqsam mal-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma. Zarb x’qed jistenna li jagħmel il-Gvern f’din is-sitwazzjoni li tinsab barra mill-kontroll tiegħu?
“Il-problemi ta’ dawn il-kumpaniji m’għandhomx x’jaqsmu mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma imma ma jfissirx li l-kontijiet għoljin mhux se jagħtu daqqa oħra lil dawn l-industriji. Il-Gvern ftit li xejn jista’ jagħmel biex jgħin lil dawn il-kumpaniji imma tal-inqas jista’ ma jgħabbihomx b’piżijiet żejda.
“Iktar minn hekk inħossu li l-Gvern irid jitkellem mal-isħab soċjali biex flimkien insibu metodi u inċentivi li jgħinu lill-kumpaniji li għaddejjin mill-inkwiet.”
Zarb jagħmilha ċara li l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom kumpaniji bħat-Toly, it-Trelleborg u l-Methode m’għandhomx x’jaqsmu mal-problemi li kellhom il-kumpaniji tat-tessuti.
“Fil-każ tat-tessuti l-kumpaniji għalqu l-operazzjonijiet tagħhom f’Malta għax sabu x’imkien ieħor b’pagi ħafna inqas minn hawn. Fil-każ tal-kumpaniji li għandhom il-problemi llum is-sitwazzjoni hi differenti. Naqsu l-ordnijiet minn barra minħabba l-kriżi ekonomika. Dawn huma kumpaniji stabbiliti li jħaddmu mijiet ta’ nies, huma bżonjużi għall-ekonomija u l-kwistjoni tax-xogħol bl-irħis m’għandha x’taqsam xejn mal-inkwiet li qed jiffaċċjaw. Ikun żball jekk ma jsir xejn biex insalvawhom,” itenni Zarb.
Lura għall-kwistjoni tad-dawl u l-ilma, nistaqsi lis-Segretarju Ġenerali x’leġittimita għandha l-GWU li tikkritika lill-Gvern tal-lum fuq it-tariffi meta 10 snin ilu l-istess union ma tħarkitx meta l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien daħħal tariffi għoljin.
“Niċħad li m’għamilna xejn 10 snin ilu. Dakinhar il-GWU kienet għamlet pressjoni kbira fuq il-Gvern Laburista u wassalnieh biex ma joħroġx il-kontijiet bit-tariffi l-ġodda. Dakinhar iddiskutejna mal-Gvern. Ftit nies isemmuha, imma 10 snin ilu ħadd ma kien ħallas kont wieħed li hu wieħed bit-tariffi għoljin.
“Illum ukoll iddiskutejna u ppruvajna niddiskutu mal-Gvern. Ħadd ma jista’ jakkuża lill-GWU li ġriet. Stennejna u għadna nistennew li l-Gvern jifhem it-tbatijiet li se jintefgħu fuq il-ħaddiema u nittamaw li bid-djalogu soċjali naslu għal ftehim.
“Fl-1997 il-poplu ma kienx beda jbati l-konsegwenzi tat-tariffi għoljin li ried idaħħal il-Gvern Laburista. Aħna hekk irridu llum. Nippreferu li l-Gvern jisma’ mill-messaġġ tal-GWU u l-imsieħba soċjali kollha.
“Kif jinsabu l-affarijiet illum il-Gvern triq waħda għandu: dik li fil-baġit iħabbar miżuri konkreti biex itaffi mill-piż li se jġorru l-familji. Jekk ma jagħmilx hekk allura jkun qed jimbuttana ’l bogħod mill-mejda tan-negozjati.”
Zarb jinsisti li l-GWU għandha d-dmir li tiddefendi lill-ħaddiema. Filwaqt li jerġa’ jisħaq li l-aħjar triq tkun dik tad-djalogu ma jeskludix li l-union tniżżel lin-nies fit-toroq biex tipprotesta kontra r-ras iebsa tal-Gvern.
“Nippreferu jekk il-Gvern jisma’ l-messaġġ li qed jibagħtulu l-isħab soċjali. Imma jekk il-Gvern ma jħallilniex triq oħra ħlief li ninżlu fit-toroq, il-GWU mhux se tiddejjaq għax wara kollox mhux sagrileġġ li toħroġ tipprotesta. Il-manifestazzjonijiet fit-toroq huma parti mid-demokrazija wkoll.”
Zarb jispjega li l-union kienet diġà esprimiet l-inkwiet ta’ ħafna meta s-soprataxxa għoliet għal 95 fil-mija.
“Fir-reazzjoni tagħna għad-dokument ta’ qabel il-baġit konna qed nipproponu miżuri biex itaffu l-piż tas-soprataxxa ta’ 95 fil-mija. Issa b’kontijiet sostanzjalment ogħla minn hekk ix-xenarju nbidel kompletament,” jgħid Zarb.
Fil-konferenza stampa ta’ nhar it-Tlieta li għadda l-Ministru Austin Gatt qal kemm-il darba li mingħand il-GWU ma kien irċieva l-ebda proposta għat-tariffi l-ġodda.
Zarb ixengel rasu u minn fajl quddiemu joħroġli karta bil-minuti tal-MCESD.
“Fil-laqgħa li kellna fl-MCESD wara li Austin Gatt kien ippreżenta t-tariffi l-ġodda fil-bidu ta’ Ottubru l-membri kollha tal-Kunsill, inkluża l-GWU, qbilna li għandu jsir studju tal-impatt soċjali u ekonomiku tat-tariffi proposti. Il-Gvern m’għamilx dan l-istudju u l-MCESD ħadha fuqu li jagħmlu hu.
“Fil-minuti hemm imniżżel li sakemh ikun lest dan l-istudju l-MCESD ma kienx se jagħti r-reazzjoni tiegħu jew jipproponi alternattivi għal dak li ħareġ bih il-Gvern. Il-GWU qed iżżomm ma’ dak li kien miftiehem fl-MCESD.
“Austin Gatt aħjar jara l-għafsa li se tolqot lill-poplu u kif se jirranġa s-sitwazzjoni milli joqgħod jitfa’ l-botti lill-GWU kif issa drajnieh jagħmel,” isostni Zarb.
Argument ewlieni li qed jagħmel il-Gvern hu li mhux ġust li jibqa’ jissussidja lill-Enemalta għax dak is-sussidju qed iwassal għal tariffi orħos għal kulħadd anki għal min jaħli bla rażan.
“Għall-grazzja tal-argument ħa naqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern. Imma żgur li dan mhux iż-żmien opportun li ssir din it-taqliba meta d-dinja se tinħakem minn riċessjoni. Il-Gvern mhux jifhem li l-poplu ma jiflaħx għal iktar piżijiet u dan qed jgħiduh l-isħab soċjali kollha,” jgħid Zarb.
Nistaqsih x’miżuri jistenna li jara fil-baġit biex itaffu l-piż tat-tariffi ogħla.
“Hemm diversi miżuri li jista’ jieħu l-Gvern bħat-tnaqqis fit-taxxa, kumpens lump sum biex ipatti għaż-żieda fit-tariffi u fuq kollox ma jkomplix iżid iktar piżijiet,” iwieġeb fil-pront.
Zarb jinsisti li l-Gvern ma jistax jibqa’ marbut mal-idea li jibbilanċja l-kotba tiegħu sal-2010.
“Hemm bżonn li l-Gvern iħares lejn x’inhuma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna u jieħu l-miżuri neċessarji biex il-mewġa li ġejja minn barra jilqgħalha.”
Qabel ma nitlaq nistaqsi lil Zarb jekk jaħsibx li l-għaqda li teżisti bħalissa bejn l-isħab soċjali kollha tistax tisfuma wara l-baġit, anki jekk il-Gvern jiddeċiedi li jibqa’ għaddej bil-programm tiegħu.
“S’issa madwar il-mejda tan-negozjati l-isħab soċjali kollha konna flimkien. Jekk il-Gvern ma jħallilna l-ebda triq oħra nemmen u nawgura li l-isħab soċjali kollha jibqgħu flimkien anki barra l-mejda tan-negozjati.
“Il-GWU m’għandha l-ebda problema tidher ma’ unions u għaqdiet oħra barra l-mejda tan-negozjati.” |
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb
Editorijal

Il Punt
Marco Cremona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|