Il-Punt | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105
L-ilma hu riżors importanti u għandu valur soċjali u ekonomiku.
It-tariffi ogħla li se jkollna nħallsu għall-ilma ma jgħidux l-istorja kollha
tal-iżviluppi li se jseħħu
fis-snin li ġejjin u għaldaqstant nemmen li għad iridu jitilgħu.
Illum kważi 45 fil-mija tal-ilma tajjeb għax-xorb li tippompja l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fis-sistema jiġi minn taħt l-art. Biex ittella’ l-ilma tal-pjan hu rħis ħafna.
Il-bqija tal-ilma li nixorbu jiġi mill-impjanti tar-reverse osmosis li jikkunsmaw ħafna elettriku minkejja l-miżuri li ttieħdu tul is-snin biex dawn jikkonservaw l-enerġija.
Il-loġika tgħidlek li jekk il-WSC tippompja iktar ilma minn taħt l-art, l-ispiża għall-konsumatur taf tkun inqas. Madankollu għandna problema kbira għax l-ilma tal-pjan qed jitmellaħ u b’hekk ma jibqax tajjeb għax-xorb għax qed jittella’ ħafna iktar ilma minn kemm hu sostenibbli.
Skont ċifri li ta l-Ministru tar-Riżorsi George Pullicino qed jinġibdu kuljum 34 miljun metru kubu ta’ ilma mill-pjan. Dan l-ilma jittella’ minn diversi operaturi fosthom il-WSC, il-bdiewa, xi industriji u ħafna individwi privati li tul is-snin ħaffru spiera biex jinqdew mill-ilma mingħajr ħlas ta’ xejn.
L-istimi tal-Gvern huma li l-ammont ta’ ilma li jittella’ kuljum irid jinżel għal madwar 23 miljun metru kubu biex l-ilma tal-pjan jibqa’ f’livelli sostenibbli u biex niġu konformi mad-direttivi Ewropej.
Nemmen li qed jinġibed ferm iktar ilma minn kemm qal il-Ministru għax sal-lum għadu mhux possibbli tikkwantifika kemm qed jittella’ ilma minn individwi privati.
Jekk nimxu fuq iċ-ċifri tal-Ministru jfisser li fis-snin li ġejjin l-ammont ta’ ilma li jista’ jittella’ minn taħt l-art irid jinżel b’madwar 11-il miljun metru kubu.
Il-mistoqsija hi minn fejn se jinqata’ dan l-ilma.
L-ilma tal-pjan hu tal-poplu kollu u għalhekk nemmen li għandha tkun korporazzjoni pubblika li tibqa’ tgawdi minnu biex tissupplixxi lil kulħadd. Jekk il-WSC tnaqqas l-estrazzjoni mill-ilma tal-pjan din se jkollha żżid il-produzzjoni fl-impjanti tar-reverse osmosis bil-konsegwenza li se tixrob iktar elettriku u bla dubju l-prezz tal-ilma
lill-konsumatur se jiżdied ferm iktar.
Kien pożittiv il-fatt li l-Gvern ta xahar żmien biex min għandu spiera jirreġistraha. Dan l-eżerċizzju se jagħtina stampa tas-sitwazzjoni imma waħdu mhux se jkun biżżejjed.
Sal-lum, ħadd f’pajjiżna ħlief il-WSC m’għandu liċenzja biex itella’ l-ilma tal-pjan, iktar u iktar li jbigħu. Anki min kien irreġistra l-ispiera fl-1997 qatt ma kellu d-dritt li jtella’ l-ilma u għaldaqstant kulmin qed jissupplixxi l-ilma bil-bowser qed jagħmel dan illegalment anki jekk l-ispiera minn fejn qed jittella’ l-ilma hi reġistrata.
L-eżerċizzju tar-reġistrazzjoni issa jrid ikun segwit bl-introduzzjoni ta’ arloġġi ma’ kull spiera biex min fir-residenza privata tiegħu qed jippompja l-ilma minn taħt l-art iħallas ta’ dan ir-riżors pubbliku.
Imbagħad hemm l-agrikultura li tuża ħafna ilma mill-pjan. Nemmen li f’dan il-każ hemm argument soċjali x’isir u għalhekk inħoss li skont il-kobor tal-art maħduma tagħhom il-bdiewa jingħataw tant metri kubu ta’ ilma bi prezz nominali ħafna u jekk jaqbżu l-allokazzjoni tagħhom iħallsu bi prezz ferm ogħla.
Hekk jinqata’ l-abbuż ta’ min juża l-ispiera biex ibigħ l-ilma għall-gwadann kummerċjali.
L-introduzzjoni tal-arloġġi tal-ilma mal-ispieri se jgħin biex tinqata’ l-ħela imma mhux se jkun biżżejjed biex jitnaqqas il-konsum mill-ilma tal-pjan ħalli dan ikun sostenibbli.
Iżda hemm bżonn li jkun hemm ukoll sorsi alternattivi tal-ilma speċjalment għall-agrikultura u għal ċerti industriji u lukandi.
F’dan il-kuntest inħoss li jkun ħela jekk l-ilma li se jipproduċu l-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ jintrema’ l-baħar. Ma jfissirx li dan se jkun b’xejn. Hawnhekk il-Gvern marbut li sal-2010 iħaddem il-prinċipju li jirkupra l-ispiża tal-produzzjoni u għalhekk ma neskludix li sa dakinhar idaħħal xi taxxa fuq id-drenaġġ li tista’ tkun taxxa diretta skont il-konsum, jew indiretta. L-ilma mill-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ jista’ jkun tajjeb għall-użu tal-biedja u tal-industrija jekk jgħaddi minn proċess ieħor ta’ trattament
Iktar minn hekk hemm bżonn iktar kontroll fuq x’jintefa’ fid-drenaġġ biex il-proċess ta’ trattament ikollu suċċess ikbar.
Sfortunatament meta l-Gvern ippjana fejn se jqiegħed dawn l-impjanti ma ħasibx fit-tul u l-uniku ħsieb tiegħu kien li jarmi l-ilma ttrattat fil-baħar. Għaldaqstant jekk niddeċiedu li nużaw l-ilma għal skopijiet ta’ biedja jew industrijali l-Gvern ikollu jidħol għal spiża kbira biex iwassal l-ilma mill-impjanti tad-drenaġġ għaż-żoni fejn ikun meħtieġ.
L-agrikultura tixrob madwar 20 miljun metru kubu ta’ ilma tal-pjan. L-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ tax-Xgħajra waħdu se jkun qed jipproduċi dak l-istess ammont. Kieku l-impjanti saru b’mod strateġiku stajna nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-biedja kollha mit-tisfija tad-drenaġġ u b’hekk inħallu l-ilma tal-pjan għax-xorb.
Sors ieħor alternattiv jista’ jkun il-ħażna tal-ilma tax-xita. M’hux ċar jekk il-pjan li kien ħabbar l-eks Ministru Ninu Zammit għall-bini ta’ mini kbar taħt l-art biex fihom jinħażen l-ilma, speċjalment fiż-żoni tan-Naxxar, Birkirkara, Ħal Balzan u l-Imsida, hux se jsir kif ippjanat.
Mingħajr dubju proġett bħal dan iwassal għal spiża kbira għax dawn il-mini jridu bilfors ikunu nfurrati biex l-ilma maħmuġ li jinġema’ mit-toroq ma jikkontaminax l-ilma tal-pjan. Sfortunatament fiż-żoni mibnija qajla hemm postijiet fejn jistgħu jinbnew ġibjuni fuq l-art u naħseb li għalhekk kienet twieldet l-idea li jinbnew il-mini.
Minkejja dawn id-diffikultajiet m’għandniex alternattiva ħlief li nagħmlu l-aħjar użu minn dan l-ilma.
Soluzzjoni oħra hi l-użu tal-bjar fid-djar. Trid tkun infurzata l-liġi li tobbliga lil min jibni jagħmel bir. Madwar 40 fil-mija tal-ilma li jintuża fid-djar, għat-toilets, għall-ħasil tal-art u tal-ħwejjeġ, jista’ jiġi mill-ilma tal-bir. Hekk inkunu qed innaqqsu d-domanda fuq il-WSC, il-familji jkunu qed jiffrankaw u fl-istess ħin qed jgħinu biex l-ilma tal-bjut ma jiskulax fit-toroq.
Jidher ċar li l-problema tal-ilma hi waħda komplessa li tirrikjedi pjan sħiħ u diskussjoni wiesa’. F’dan il-kuntest kont nippretendi li fl-MCESD il-Ministru Austin Gatt jippreżenta l-istampa sħiħa tal-affarijiet kif inhuma u kif se jiġu fil-futur qarib minħabba obligazzjonijiet Ewropej u dan biex dak li jiġi miftiehem illum mal-imsieħba soċjali ma jkollux għalfejn jerġa’ jinbidel fi ftit xhur oħra.
Is-soluzzjonijiet biex insalvaw l-ilma tal-pjan mhumiex faċli imma jeżistu u jeħtieġ ikunu spjegati sew lill-pubbliku.
Marco Cremona hu inġinier li jispeċjalizza fl-ilma
|
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb
Editorijal

Il Punt
Marco Cremona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|