MediaToday

Editorjal | 02 ta’ Novembru 2008 Nr 105

Baġit ta’ sostenn

Il-UĦM fil-proposti tagħha għall-baġit, qabel ma faqqgħet il-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma, sostniet li l-baġit jeħtieġ iservi ta’ sostenn tas-solidarjetà.
Bil-mewġ tar-riċessjoni internazzjonali riesaq lejn xtutna u bil-kriżi interna li ħoloq il-Gvern stess bit-tariffi għolja tal-elettriku u l-ilma, qatt daqs illum mhemm il-ħtieġa li l-baġit ikun wieħed li jsostni s-solidarjetà.
Il-Ministru Tonio Fenech irid jippreżenta pakket finanzjarju li joħloq investiment produttiv pubbliku u privat, iwieżen lin-negozji b’għajnuniet diretti u jħalli iktar flus fil-bwiet tan-nies.
Dan il-pakkett se jiswa’ l-flus u jfisser li l-iżbilanċ pubbliku s-sena d-dieħla se jiżdied. Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ninsabu fihom dik hi l-uniku triq li l-pajjiż għandu jimxi għat-12-il xahar li ġejjin.
Hekk qed jagħmlu pajjiżi oħra li biex itaffu mill-mewġ qawwi tar-riċessjoni qed jinvestu miljuni u biljuni fl-ekonomija f’għajnuniet varji. Dawn l-investimenti m’għandhomx x’jaqsmu mal-flejjes li l-pajjiżi qed jikkommettu biex ikunu salvati l-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra.
Kif sostna l-ekonomista Karm Farrugia fuq TX din il-ġimgħa, dan mhux il-waqt li l-Gvern jissikka ċ-ċintorin biex jibbilanċja l-kotba tiegħu.
Nifhmu wkoll li strateġija bħal din tkun tfisser li wegħda numru wieħed fil-manifest tal-PN, li l-pajjiż ikollu bilanċ pożittiv fil-kotba tiegħu sal-2010, tkun taret mar-riħ.
Ma jimpurtax. Għalina iktar importanti li l-pajjiż jibqa’ għaddej bl-inqas skossi possibbli milli jkollu l-kotba f’posthom imma l-poplu jkun miet bix-xokkijiet.
Wara kollox it-tbassir tal-Gvern għal din is-sena diġà mar żmerċ u l-pajjiż se jispiċċa b’defiċit ferm ikbar milli kien ipproġettat minn Lawrence Gonzi s-sena li għaddiet.
Il-problema fil-finanzi pubbliċi din is-sena jaħti għaliha l-Gvern għax ibbaża l-infiq tiegħu fuq analiżi pożittiva wisq ta’ kif se taħdem l-ekonomija kontra kull parir li ngħata minn esperti indipendenti.
Il-ġirja biex jintefqu flus pubbliċi kbar fl-ewwel tliet xhur tas-sena minħabba l-elezzjoni kompliet rabtet id il-Gvern u wisq nibżgħu li t-tneħħija tas-sussidju lill-Enemalta qed issir biex jipprova jsewwi ftit mill-ħsara li saret din is-sena.
Nibqgħu nsostnu li dan mhux il-mument li jitneħħa s-sussidju lill-Enemalta. Il-Gvern qed joħloq kriżi għalxejn. Is-sussidju lill-Enemalta hu mezz wieħed kif jitwieżnu l-familji kollha u l-intrapriżi.
Iż-żidiet se jagħfsu fuq il-familji, li uħud minnhom diġà qed jesperjenzaw tnaqqis drastiku fil-paga minħabba s-sitwazzjoni prekarja fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Jekk il-Gvern ma joqgħodx attent se nispiċċaw b’ferm iktar familji fuq il-linja tal-faqar mit-30,000 li diġà qed jieħdu għajnuna supplimentari.

Anthony Mifsud
Sa fl-aħħar Anthony Mifsud rebaħ il-kawża għall-kumpens li fetaħ kontra t-tliet pulizija, il-Kummissarju tal-Pulizija u Lawrence Pullicino, li sawtuh, kissrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu u spiċċaw biex akkużawh għal xejn.
Iżda l-kumpens ta’ €186,000 li rebaħ Mifsud ma jagħmilx xiber ġustizzja ma’ dan ir-raġel li spiċċa b’ħajtu miżerja għal 16-il sena sħaħ.
Mifsud kien vittma tas-sistema mnawra u faħxija mħaddma mill-Gvern Laburista tat-Tmeninijiet. Imma reġa’ safa vittma tal-indifferenza u l-viljakkerija tal-Gvernijiet Nazzjonalisti mill-1987 lil hawn li minkejja li wżaw il-każ tiegħu għal finijiet politiċi qatt m’għamlu xejn biex jikkumpensawh tat-tbatija li għadda minnha.
Pjuttost, wieħed mill-pulizija li sawwat lil Mifsud u li kien involut fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ingħata promozzjoni mill-Gvern Nazzjonalista wara l-1987.
Jekk hawn persuna li ħaqqu apoloġija mill-politiċi taż-żewġ naħat tal-Kamra hu Anthony Mifsud.

 

 

Intervista
“Fuq il-ħaddiema riesaq sħab iswed”

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb



Il Punt
Il-valur tal-ilma
Marco Cremona



TONI u PEPPI
Każini politiċi bis-soldi u rekwiżizzjonati: x’futur?



Emmanuel Micallef
Baġit iebes; poplu artab


Carmelo Mifsud Bonnici

Insalvaw il-kapitaliżmu jekk dan għandu jsalva



Wensu Mintoff
Is-Sinjura


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan