MediaToday

Wenzu Mintoff | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104

Sweet and sour

L-iskultur Anton Agius naqqax fil-ġebla u fil-bronż l-istorja ta’ dan il-pajjiż f’opri tal-arti mill-isbaħ li jinsabu mifruxa ma’ Malta kollha.
Artist kontemporanju li dan il-pajjiż ftit ra bħalu, li għaraf iżomm fih kwalitajiet qawwija ta’ karattru mill-iktar fabbli u umli, avolja f’ċerti aspetti minn ħajtu x-xorti mhux daqstant daħqitlu.
Kelli x-xorti li niltaqa’ miegħu kemm-il darba fil-Każin Laburista tar-Rabat fejn fl-ewwel ġurnata tas-sena ssir bibita għall-għaqdiet u persunaġġi Rabtin. Imma hawn se jkolli nitfa’ l-ilma fuq il-ġamar tal-inċens għax ma rridx naqa’ fil-vizzju nazzjonali ta’ tifħir esaġerat għal min ikun għadu kif ħalliena.

Piena
Veru li meta xi ħadd jiġi nieqes it-tifħir li jsirlu, aktar milli lilu, se jolqot l-iktar lill-għeżież li ħalla warajh li għandhom bżonn kull faraġ u sabar. Ħaġa tajba li nesprimu l-għali u l-apprezzament għal min ikun għadu kif ħalla dan il-wied tad-dmugħ. Mela kemm hi ħaġa iktar tajba li l-apprezzament u r-rispett lejn dak li jkun nuruh meta jkun għadu ħaj magħna?
Il-ħasda ta’ seħibna Karl minn wiċċ din id-dinja, ma nafx għalfejn, twassalni għal din il-konklużjoni. Is-Sibt li għadda tlajt sas-Salib tal-Għolja, b’dak li għad fadal minn Malta quddiemi, bl-ajruport u biċ-ċimiterju tal-Addolorata jispikkaw fost il-ftit spazji li għad fadal mhux mibnija.
Assolutament ma stajtx inneħħi lil Karl minn moħħi. Piena waħda naħseb li miet biha Karl, li żgur m’għandhiex x’taqsam ma’ politika u ma’ kemm xtaq li xi darba jimxi t-triq kollha fuq il-passi ta’ Censu Moran u bħalu jsir Ministru tas-Saħħa. L-ikbar piena li kont immut biha li kelli nsib ruħi fl-istess ċirkostanzi tragiċi ta’ Karl żgur li kienet tkun li tħalli warajk tfal żgħar li għadhom f’età tenera tat-trobbija.
Ħaqqu kull tifhir min fil-Partit Laburista kien wara l-organizzazzjoni tal-funeral ta’ Karl fejn tabilħaqq ingħata t-tislima kommoventi li tixraqlu. Imma ’l hinn miċ-ċerimonji, hekk kif jibdew igerrbu l-ġranet u l-ġimgħat mill-mewt prematura ta’ Karl, tajjeb li l-partit ikollu l-infrastruttura finanzjarja f’postha li tiżgura li jkun hemm x’jagħmel tajjeb biex f’ċirkostanzi traġiċi bħal ta’ Karl, kemm jista’ jkun it-tfal ma jonqoshom xejn u jibqgħu għaddejjin b’ħajjithom b’mod kemm jista’ jkun normali.

Skulturi
Dan hu pajjiż li jimxi bil-fewġiet u bil-fawriet. Ftit tas-snin ilu kien hawn fewġa biex id-dawwariet, il-kelma bil-Malti safi għal roundabouts, jiżżejnu mhux biss bl-arbuxxelli u l-fjuri, imma anki b’monumenti neqsin minn kwalunkwe valur artistiku li jeċċellaw fil-kruha u fil-kitsch. Huma t-tip ta’ opri li lanqas jekk tarahom mormija barra t-triq ma tiġborhom, aħseb u ara kemm se tħallas l-eluf ta’ Liri Maltin li ħareġ għalihom il-Gvern minn flus il-poplu Malti.
Imma għad jgħaddu l-għexieren tas-snin minn fuq ngħidu aħna s-simbolu falliku ta’ fejn il-Mambra f’Ħal Luqa u mingħajr ma jaf x’laqtu, l-iskultur tiegħu se jkun epitomizza epoka fl-istorja ta’ din l-art ħelwa u morra bħas-sweet and sour Ċiniż, hekk kif għamlu f’sens ieħor d-diversi monumenti storiċi ta’ Anton Agius matul epoki oħrajn.
Skultura ħajja li tista’ tkun simbolu ieħor ta’ kif qed titmexxa Malta taħt il-Gvern li għandha, kienet dik ta’ iktar kmieni din il-ġimgħa meta għal darb’oħra reġgħet ingħalqet il-bypass tax-Xemxija. Fl-istess waqt it-triq prinċipali fil-qalba tar-raħal ta’ San Pawl ma setax jgħaddi t-traffiku minnha għax kienet imblukkata bi krejn kbir, bil-permess tal-kunsill lokali għal ġiehna.
Tabilħaqq iċ-ċittadin komuni fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum isib it-toroq imblukkati mill-burokrazija inkompetenti u ineffiċjenti u minn dawk il-prepotenti li jħossuhom kbar tant li ħadd ma jista’ għalihom. Iċ-Ċaqnu ilu s-snin biex isewwi bit-tnikkir parti minn triq li bena, kisser u li jrid jerġa’ jibni hu stess. Minn gvern tal-pożi u tal-alakka wieħed kien jistenna l-minimu ta’ koordinazzjoni li l-id il-leminija tkun taf x’qed tagħmel ix-xellugija u mhux it-traffiku spiċċa mblukkat waħda sew u ma kellux minn fejn joħroġ.

Katarretta
Lil dan il-Gvern żgur ħadd ma jirbaħlu għall-iskużi biex jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu. L-aktar skuża oriġinali kienet dik li ħareġ biha s-simpatiku Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Joe Cassar biex jipprova jiġġustifika l-problema bla tarf tal-waiting-lists għall-operazzjonijiet tal-katarretti.
Skont Cassar dawn il-listi twalu għax snin ilu l-operazzjonijiet ma kienux isiru qabel ma tkun nixfet il-katarretta u issa tant avvanzajna li jistgħu joperawk qabel ma tkun nixfet. Naturalment b’din it-tip ta’ loġika l-avvanzi fil-mediċina setgħu ma ġraw xejn għax b’waiting lists li ddum snin twal tistenna fihom, mhux tkun laħqet nixfet il-katarretta imma tbielet.
Dan iġibni għall-aħbar importanti oħra mill-kamp mediku li tahielna l-Prim Ministru Gonzi nnifsu waqt il-programm ta’ Peppi l-kunduttur. Fl-aħħar ġie deċiż li l-mediċina għall-kura tal-kanċer tas-sider, il-Herceptin, se tibda tiġi pprovduta b’xejn mill-Gvern bħala parti mill-iskema nazzjonali tas-saħħa. Aħjar tard milli qatt għax bil-finanzi fis-sod b’kollox, għall-kapriċċi li għandu dan il-Gvern mhux la kemm sab minn fejn ilaqqat il-€1.3 miljun li kien hemm bżonn biex mis-sena d-dieħla, ma nafx hux lejn il-bidu jew it-tmiem tagħha, il-Gvern ikun jista’ jibda jixtri din il-mediċina għal min sfortunatament se jkollu bżonnha.
M’għandniex xi ngħidu dawk in-nisa vittmi tal-kanċer tas-sider li fil-frattemp laħqu marru għand Alla għax ma kellhomx il-mezzi minn fejn jixtru l-Herceptin waqt li l-Gvern kien għadu qed jaħsibha, ma nistgħux ngħidulhom aħjar tard milli qatt, għax għalihom it-tard kien fisser il-qatt.
Dan it-tqammil u titubar kollu mal-magħtub imbagħad kelli nsir naf mill-programm tal-PBS Reporter li s-sidien tal-boats li għandhom l-irmiġġi mal-pontoons tal-marina tal-Imsida la jħallsu dawl u lanqas ilma, jaħlu kemm jaħlu.
Tant hu hekk li wieħed mis-sidien, George Bonello Dupuis li fforma koperattiva biex jikkonkorri għall-privatizzazzjoni tal-marina, ammetta pubblikament li hemm sidien li jħallu l-air condition fuq il-jott jagħti lejl u nhar u kollox liberu u frank għax ma jħallsux ċenteżmu mġiddem.
Temminha din? Imbagħad fuq il-Herceptin qagħdu jaħsbuha.
Fid-diskors tal-baġit ta’ sena ilu Gonzi kien qal dan il-kliem: “Mis-sena d-dieħla [2008], se nintroduċu programm nazzjonali ta’ Breast Screening. Bl-apparat diġitali li issa għandna ġewwa l-Mater Dei se nkunu nistgħu nużaw is-servizzi ta’ speċjalisti barranin mingħajr il-bżonn li nsiefru l-pazjenti. Matul is-sena d-dieħla [2008] nibdew niffukaw fuq dawk in-nisa l-aktar fir-riskju, jiġifieri dawk ta’ bejn il-ħamsin u s-sittin sena biex imbagħad nestendu l-programm għan-nisa kollha.”
Fil-pront il-konsulenti tal-onkoloġija kienu merewh billi għamluha ċara li huma ma kellhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jagħtu bidu għal dan il-programm nazzjonali ta’ Breast Screeing. Għaddiet sena u l-ħasra hi li l-fatti taw raġun lill-konsulenti u mhux lil Gonzi, li minn dak kollu li qal, spiċċa ma sar xejn.

 

Intervista
Id-destin tal-Libanu u ta’ Hariri

Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah


L-okkupazzjoni li ġġiegħlek taqbad l-armi



Il Punt
L-iskandlu tal-MITTS
Chris Cardona



TONI u PEPPI
Joanne saret mara. Għandha dritt tiżżewweġ?



Emmanuel Micallef
Tariffi bla kont!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-kwistjoni tal-vjolenza domestika



Wensu Mintoff
Sweet and sour


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan