Aħbarijiet | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
B’medja ta’ iktar minn 1,000 każ fis-sena li tressqu quddiem id-Diviżjoni tal-Konsumatur ma tistax tinġibed konklużjoni li l-Malti jħobb iħaqqaqa meta wieħed iqis l-għexieren tal-eluf ta’ transazzjonijiet li jsiru bejn xerrejja u bejjiegħa f’sena waħda.
Id-Diviżjoni għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni ilha miftuħa mill-1996. Fit-toroq, fuq l-istazzjonijiet tar-radju u fil-gazzetti kemm-il darba dehru riklami jippromwovu d-drittijiet tax-xerrej.
F’dawn l-aħħar sitt snin id-Diviżjoni rat kważi 5,000 każ. Jekk wieħed iħares lejn il-każi reġistrati mhemmx xejra partikulari ta’ żieda jew tnaqqis. Bejn l-2003 u l-2005 il-medja ta’ każi reġistrati kienet ta’ 1,207. Iżda fl-2006 u fl-2007 kien hemm tnaqqis sostanzjali ta’ 26 fil-mija meta mqabbel mat-tliet snin ta’ qabel. Iżda din is-sena, bi statistika li twassal sas-17 ta’ dan ix-xahar, in-numru tal-każi laħaq il-medja tal-ewwel tliet snin.
Fuq nota pożittiva, inqas minn nofs il-każi reġistrati jitressqu quddiem it-Tribunal għall-ġudizzju tal-arbitru. Il-medja ta’ dawn il-każi tleħħaq 437 fis-sena.
Hemm medja ta’ 373 każ ieħor fis-sena li jissolvew b’mod amikevoli bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Il-medja ta’ każi li jitwaqqgħu hi ta’ 236.
Id-Direttorat għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan id-Divizjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni minbarra li jinvestiga l-ilmenti tal-konsumatur jipprova jagħmel medjazzjoni mal-bejjiegħ biex jaslu għal soluzzjoni amikevoli u b’hekk jiġi evitat li l-każ jispiċċa quddiem it-Tribunal.
Kelliem għad-Diviżjoni jsostni li għalkemm il-każijiet fit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur ma jdumux daqs dawk tal-Qorti u jinvolvu nqas spejjeż, xorta jkun aħjar li jinstab ftehim bejn iż-żewġ naħat. Għalhekk dan iż-żmien ġieli jieħu aktar fit-tul.
L-aktar każijiet li jara quddiemu t-Tribunal tal-Konsumatur huma dwar appliances, tours/titjiriet, telefowns ċellulari, laundry dry cleaning, għamara, apparat ta’ hi-fi u dvd players.
Il-kelliem qal: “Meta konsumatur iressaq ilment ħafna drabi dan isir għax hu jkun jemmen li għandu raġun. Fil-fatt dan jidher mill-istatistika ta’ din is-sena sa Settembru fejn il-każi li nqatgħu favur il-konsumatur kienu ta’ 128 filwaqt li 24 biss inqatgħu favur il-bejjiegħa.”
Il-kelliem żied jgħid li l-konsumatur f’ħafna każijiet jitlob aktar milli jkun ġustament dovut lilu u dan jispikka l-aktar fil-każijiet ta’ tours/titjiriet fejn kważi dejjem tintalab is-somma kollha mħallsa għat-tour meta l-konsumatur ma jingħatax is-servizzi kif reklamati fil-fuljett.
“B’danakollu ma jfissirx li l-konsumatur ikun irid japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni iżda dan minn naħa tiegħu jrid iħalli fil-ġudizzju tal-arbitru biex ikun hu li jiddeċiedi kemm il-konsumatur għandu jingħata bħala kumpens,” kompla jgħid il-kelliem.
Żied ukoll li rari huma l-każijiet fejn il-bejjiegħ jistenna li l-każ jasal quddiem it-tribunal u jibgħat l-avukat tiegħu biex jara jekk il-konsumatur jitfaċċax.
|
|
Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah

Editorijal

Il Punt
Chris Cardona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|