MediaToday

Aħbarijiet | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104

L-agħar riċessjoni fi 80 sena

Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt

Meta taħkem ir-riċessjoni, il-pajjiż jibda jipproduċi inqas, in-nefqa tan-nies tibda tinxef u l-ewwel ma jtiru jkunu l-kapriċċi bħas-safar. B’din l-istampa xejn sabiħa tiżviluppa fl-Ingilterra, lukandiera ewlenin f’Malta qed ibassru xitwa “twila u kiefra” ħafna għas-settur turisitiku.
Iżda r-riċessjoni mhix se tolqot biss l-Ingilterra. Qed tħabbat ukoll fuq il-bieb tal-bqija tal-Ewropa u dan jista’ jkollu impatt fuq is-settur tal-manifattura għax jibdew jonqsu l-ordnijiet minn barra.
L-ekonomista veteran Karm Farrugia qal li din se tkun “l-agħar riċessjoni fi 80 sena” u bassar li tista’ ddum bejn sena u sentejn biex tgħaddi.
F’din is-sitwazzjoni ta’ instabbiltà internazzjonali mhemmx dubju li Malta se jkollha taffronta l-mewġ. Farrugia ikkritika lil Gvern talli f’din is-sitwazzjoni kien irresponsabbli biż-żidiet li ħabbar fit-tariffi tad-dawl u l-ilma.
“Dan kien ġenn għax se jitkissru l-industriji. Ġejja riċessjoni u allaħares ma nilqgħulhiex. Nemmen li l-Gvern għandu jiddikjara għal sena waħda friża fil-pagi u l-prezzijiet biex nibqgħu kompetittivi u hekk itaffi mill-piż ta’ dak li ġej għalina,” qal Farrugia.
Malta skapulat l-impatt dirett tal-kriżi finanzjarja minħabba l-investimenti prudenti li għamlu l-banek lokali tul iż-żmien. Iżda l-pajjiż mhux se jiskapula l-impatt tar-riċessjoni ekonomika anki jekk pajjiżna jirnexxielu jżomm fil-wiċċ.
L-ewwel effetti diġà bdew jinħassu fil-qasam tal-manifattura bit-Trelleborg tnaqqas il-ġimgħa xogħol għal erbat ijiem u t-Toly tkeċċi 84 ħaddiem.
Lura fl-Ingilterra, l-esperti diġà qed ibassru li s-sena d-dieħla l-ekonomija Ingliża mhux se tikber. Nhar it-Tlieta il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ingliż Mervyn King ammetta li r-Renju Unit dieħel f’riċessjoni.
L-impatt tar-riċessjoni fl-Ingliterra fuq Malta se jirrifletti ruħu żgur f’inqas turisti minn dan is-suq ewlieni.
Michael Zammit Tabona, sid il-lukanda Fortina, sostna ma’ Illum li s-suq Ingliż hu kajman ħafna.
“Għad hemm wisq inċertezza fis-swieq u min qed jibbukkja mhux qed jagħmel dan bil-quddiem. Pjuttost irridu nħarsu lejn is-sitwazzjoni xahar b’xahar. Ili ġimagħtejn fl-Ingilterra u fit-taħditiet li kelli ma’ xi tour operators joħroġ ċar li din ix-xitwa se tkun waħda twila u kiefra. It-tour operators tagħna wkoll qed jgħidulna l-istess affarijiet,” qal Zammit Tabona.
Imma l-lukandier esprima t-tama li l-affarijiet jitjiebu xi ftit sas-sajf li ġej. “Is-suq jista’ jirkupra sas-sajf imma żgur se jkollna nirkbu l-mewġ ta’ xitwa iebsa ħafna.”
F’kuntest iktar wiesa’ l-agħar tar-riċessjoni hu li din ħabtet mal-kriżi kbira fis-settur finanzjarju. Dan ifisser li l-gvernijiet se jkollhom jippumpjaw ħafna iktar flus fl-ekonomija biex la jħallu l-banek ifallu u lanqas ma jnixxfu l-investiment pubbliku li jekk ma jsirx iwassal għal riċessjoni iktar fit-tul.
Il-pakkett ta’ salvataġġ għall-banek Ingliżi mħabbar mill-Prim Ministru Gordon Brown se jiswa’ lill-Kaxxa Ingliża €105 biljun, li hu ekwivalenti għal 28 fil-mija tal-ġid kollu li jinħoloq fl-Ingilterra. Fl-istess nifs Brown sostna li mhux beħsiebu jaqta’ mill-ispiża pubblika.
Bħal f’pajjiżi oħra Ewropej din l-ispiża ikbar tal-Gvern Ingliż se twassal għal żbilanċ ogħla minn kemm kien proġettat.
Farrugia spjega li l-flus huma intenzjonati biex isalvaw is-sistema finanzjarja milli tikkrolla imma jemmen li l-flus li l-Gvernijiet qed jippumpjaw mhumiex biżżejjed u se jkollhom jiżdiedu.
“Din l-inċertezza fis-swieq ma tgħinx u r-riċessjoni ekonomika se tinfirex mal-Ewropa kollha. Fl-Ingilterra diġà pproġettaw li s-sena d-dieħla mhux se jkun hemm tkabbir ekonomiku.
“F’riċessjoni l-pajjiż jipproduċi inqas, in-nies tonfoq inqas u l-ewwel ma jinqatgħu huma l-kapriċċi bħas-safar. Dan se jwassal għal pressjoni fuq il-lukandi f’Malta, l-linji tal-ajru bħall-Air Malta anki jekk hemm diġà kuntratti negozjati,” sostna Farrugia.
Fuq nota pożittiva d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jnaqqas ir-rati tal-imgħax biex iħajjar il-konsum bil-għan li tkun evitata r-riċessjoni wasslet biex jonqsu wkoll il-pagamenti fix-xahar lil min għandu dejn mal-banek għax-xiri tal-proprjetà.

X’inhi l-kriżi finanzjarja?

Il-kriżi finanzjarja m’għandhiex x’taqsam mar-riċessjoni. Din il-kriżi bdiet fl-Istati Uniti meta bdew ifallu banek kbar wara li l-prezz tal-proprjetà waqa’ fl-iktar livell baxx. Dawn il-banek kienu ħadu riskji kbar fuq is-self bil-konsegwenza li spiċċaw bi djun ikbar milli kellhom depożiti.
It-tieni rawnd ta’ dan l-impatt laqat lill-banek finanzjarji li jsellfu lil banek oħra. Dawn ukoll spiċċaw iġorru riskji kbar li ħafna drabi lanqas setgħu jkunu kalkulati. Istituzzjonijiet finanzjarji kbar li sa ftit ilu kienu meqjusa bħala pilastri fis-sistema finanzjarja bdew ifallu u l-gvernijiet ħassew li kellhom jintervjenu billi jinnazzjonalizzaw il-banek jew jippumpjawlhom flus mit-taxxi ħalli s-sistema kollha ma tikkrollax. Madankollu kien hemm xi wħud bħal-Lehmann Brothers li ddikjaraw il-falliment.
It-tielet impatt tal-kriżi finanzjarja wassal għal nuqqas ta’ fiduċja bejn il-banek u għalhekk il-flus fl-idejn nixfu. Biex ipattu għal dan numru ta’ banek ċentrali, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, naqqsu r-rati tal-imgħax biex jistimulaw il-konsum u b’hekk jibdew iduru l-flus anki bejn il-banek.
Għalkemm il-kriżi finanzjarja laqtet lil settur wieħed tal-ekonomija, il-kriżi ta’ fiduċja li ħolqot mhix tgħin meta d-dinja tinsab f’xifer ta’ riċessjoni.

X’inhi riċessjoni?

Ir-riċessjoni hi marbuta mas-setturi kollha tal-ekonomija u mhux biss mas-settur finanzjarju. Għal darb’oħra l-ekonomija kajmana fl-Istati Uniti u n-nuqqas ta’ konsum ħallew impatt fuq il-bqija tad-dinja.
Din l-inċertezza fis-swieq tnaffar il-konsum u jekk jonqos il-konsum tonqos l-attività ekonomika.
Ir-riċessjoni tmur lil hinn minn sempliċi tnaqqis fl-ekonomija, imma għandha impatt iktar fil-fond u fit-tul b’konsegwenzi xejn sbieħ fuq l-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja.

 

Intervista
Id-destin tal-Libanu u ta’ Hariri

Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah


L-okkupazzjoni li ġġiegħlek taqbad l-armi



Il Punt
L-iskandlu tal-MITTS
Chris Cardona



TONI u PEPPI
Joanne saret mara. Għandha dritt tiżżewweġ?



Emmanuel Micallef
Tariffi bla kont!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-kwistjoni tal-vjolenza domestika



Wensu Mintoff
Sweet and sour


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan