Sports - Mark Attard | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104
Id-daħla tal-gżira ta’ Manoel Island iġeddidli l-memorja ta’ meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel u flimkien ma’ sħabi tal-istess toroq li twelidna u għexna fihom konna mmorru nilagħbu fil-grawnd li hemm fil-bidu u postijiet oħra qrib. Manoel Island hija gżira teżor għal Malta u l-Maltin.
“Għalija Manoel Island m’għadhiex tal-Maltin. Il-flus ikissru kollox fid-dinja. Darba kont ktibt żewġ artikli u għidt li hawnhekk kien maħluq bħala Palk Nazzjonali biex igawdih il-poplu Malti kollu. Dan intilef kollu.”
Dawn kienu l-ewwel erba’ sentenzi li qalli Teddy Borg meta ltqajt miegħu nhar it-Tnejn wara nofsinhar fil-klabb nazzjonali tal-Yachting f’Manoel Island. Jgħiduli hekk kif nispjegalu l-arja friska ġejja mis-siġar u l-baħar li hemm fil-madwar. Il-kwiet ta’ Manoel Island jiġbdek. Huwa post li jirrilassak bit-taħbit normali ta’ ġurnata xogħol. Fuq wiċċ Teddy tidher id-diqa għax jaf li d-destin ta’ dan il-klabb huwa magħmul. It-torta qiegħda fil-forn. U ilha fil-forn tmien snin hekk kif saru jafu li l-wegħda minn Midi Malta li mhux se jċaqlaqhom mill-post qabel l-iffirmar tal-kuntratt tal-art mal-Gvern taret mar-riħ.
“Ġara li meta sar il-kuntratt ta’ Manoel Island konna ġejna mwegħida li mhux se jneħħuna minn hawn għax aħna klabb ta’ prestiġju b’aktar minn 100 sena storja. Għamilna ħafna ġid u qatt ma bsarna li l-Midi kienu se jidku bina. Kulmin jaf l-istorja jgħid li hu skandlu. Anki r-Re Spanjol kiteb lill-Gvern Malti biex iħalluna hawn. La sar il-kuntratt saret il-froġa. U kif saret il-froġa aħna sibna rwieħna barra u bdejna nsibu post ieħor. Għall-ewwel kienu se jagħtuna faċċata fuq wara tal-lukanda Excelsior. Iżda mbgħad ġew u qalulna li ma setgħux. Imbagħad indikawlna l-Malta Maritime ħdejn il-Black Pearl u qbilna għax ma kellniex għażla oħra.
“Għalkemm kien qisu tradiment ċerti nies bdew jirsistu ġenwinament fuq din l-istorja. Kien hemm kwantità ta’ kuntratti li jgerfxulek moħħok. Il-Midi ma mpurtahx minna. Seta’ kien ġentlhom u ra kif għamel u nkludina fil-proġett tiegħu.
“Il-politikanti taf kif inhuma meta jiġu msallbin b’xi kuntratt. Issa ħriġna minn hawn grazzi għall-Ministru Austin Gatt. Offrielna l-Malta Maratime Premises ta’ fejn il-Black Pearl. Tkellimna miegħu u laqgħana mill-ewwel b’idu miftuħa.
“Issa se jkollna l-kumdità kollha meħtieġa. Bilkemm ma ngħidlekx li se nkunu aħjar. Sal-aħħar tas-sena beħsiebna nkunu hemmhekk. Il-post se jiġina l-finanzi għax se nirranġawh. Faddalna kemm flaħna bis-saħħa tar-Rolex u issa se nonfquhom hemmhekk. Nisperaw li jkollna ċ-ċans li nagħmluh bħal ta’ barra.
“Ilna 8 snin għaddejjin f’din il-biċċa nkwiet. Qgħadna kwieti kemm stajna u qatt ma ħriġna fil-pubbliku. Qgħadna prudenti ħafna mal-awtoritajiet.”
Teddy Borg twieled fit-30 ta’ Mejju 1936 u trabba l-Imdina. F’ħajtu għex ukoll Marsascala u r-Rabat. Miżżewweġ lil Roselle u llum missier ta’ tlett itfal: Raymond, Charles u Christopher. Illum il-ġurnata joqgħod Għawdex u nannu ta’ sitta.
“Fl-isport naħseb li llum magħruf sew. Għandi 72 sena u minkejja li sifirt ħafna drabi dejjem erġajt ġejt lura Malta. Lil pajjiżi nħobbu ħafna. L-isport kien f’ħajti minn meta kont żgħir. Kont immur maz-ziju nistad għall-kaħli. Ta’ 16-il sena kont ngħix ir-Rabat u qbadt nilgħab il-futbol. Lgħabt anki goalkeeper ma’ Rabat Ajax. Għamilt xi seba’ jew tmien snin. Kien żmien li biex tilgħab trid tkun vera tajjeb. Imbagħad sirt Segretarju ta’ Rabat Ajax.
“Għamilt żmien anki fl-MFA. Maż-żmien il-futbol beda jdejjaqni. Bdejt nara ħafna ħmerijiet u l-korruzzjoni kienet rampanti ħafna. Ma kontx taqbad art jekk sieħbek tat-tim tiegħek ikunx qed jilgħab miegħek jew le. Kien ikun hawn ħafna mħatri kbar għaddejjin. “Kienu jkunu jafu jekk il-plejer hux miftiehem mal-klabb oppost billi hekk kif joħroġ mill-grawnd jagħti daqtejn mal-lasti tiegħu. Kulħadd kien jaf b’dan kollu nkluż il-Pulizija u l-awtoritajiet. Dawn l-affarijiet tant kemm kienu gerrxuni li mbgħad qlibt fuq sport ieħor.
“Bdejt inqatta’ ħafna ħin insegwi l-muturi. Ir-Rabat kellna l-vantaġġ li kellna ħafna nies dilettanti tal-muturi u kienu jiġu ħafna minn postijiet oħra. Kont għidtilhom li kellna bżonn norganizzaw aktar lilna nfusna. Konna għaqqadna assoċjazzjoni u l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien tagħna l-klabb li għandhom illum ir-Rabat Ajax. Konna nagħmlu t-tlielaq f’Ta’ Qali. Kien ikollna attendenza inkredibbli ta’ bejn id-9,000 u t-12,000 ruħ. Kont ġibt anki lil Southampton f’Malta u aħna morna hemm ukoll. Fl-1983 ġibt Malta lil Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċiklisti (FIM). Ġibt 57 pajjiż mid-dinja kollha.”
Il-personalità ta’ Teddy Borg hija marbuta mal-baħar. Grazzi għal diversi programmi fuq it-televiżjoni relatati mal-Yachts u l-Power Boats, il-wiċċ sar popolari mmens ma’ kull ma jbaħħar fl-ilma. Jgħidli kif sab ruħu f’dan l-isport.
“Bdejt ngħejja u ersaqt lejn il-baħar. Għalija l-baħar kien passjoni minn ta’ età żgħira. Bdejt nintefa’ ma’ sħabi tal-Yacht Club. Kont sirt membru tal-klabb. Dak iż-żmien kienu bagħtu għalija s-Super One. Proponejtilhom biex nagħmlu programm tas-sailing. Għamilt 15-il sena nagħmel il-programm Super Sailing. Fl-1996 irnexxielna norganizzaw il-Middle Sea Race wara waqfa ta’ 14-il sena. Illum ftit hawn tlielaq ta’ din il-kwalità.”
Ir-Rolex Middle Sea Race titlaq minn Malta lejn Siracusa u tgħaddi minn taħt il-vulkan Etna. Tkompli lejn Messina, Stromboli, Palermo, Pantelleria u Lampedusa sakemm id-dgħajjes jerġgħu jitfaċċaw lejn Għawdex, Kemmuna u finalment Malta. Immaġinajt li xi ħaġa bħal din tinvolvi gelgul ta’ liri kbar.
“Iva, u ħafna. Hemm ċirkolazzjoni kbira ta’ flus u mhux biex tirbaħhom imma biex torganizza dan l-avveniment. Kieku għalina m’hemmx ir-Rolex bħala sponsor ma jirnexxielna qatt norganizzaw xi ħaġa hekk. Il-livell ogħla ħafna bis saħħa tagħhom. Qed jiġu mat-80 dgħajsa. Ir-Rolex jisponsorjaw xi 10 tlielaq fid-dinja li huma fost l-aqwa. Hija kumpanija multi miljunarja u jisponsorjaw dak l-isport ta’ klassi għolja biss.
“Malta qed tgawdi ħafna minn din it-tellieqa. Internazzjonalment qed nieħdu popolarità enormi. Qed jiġu nies mill-Amerika, Awstralja u Marshall Islands. Hawnhekk jiġu l-aqwa skippers fid-dinja. Magħhom iġibu skoss nies.
“Minbarra hekk Malta tieħu vantaġġi kbar fuq it-televiżjoni u d-dinja tal-internet. Ma rridux ninsew li dawn jużaw l-Air Malta u joqogħdu fl-aqwa lukandi u jħallu pajjiżna l-belli liri. Bħalissa waqt li għaddejja t-tellieqa taf id-dinja kollha fejn qegħdin eżatt id-dgħajjes permezz tal-internet.”
Teddy jispjegali kemm ikunu preparati f’każ li jinqala’ xi każ urġenti lil xi waħda mid-dgħajjes waqt li tkun f’nofs ta’ baħar.
“Dejjem inkunu on alert f’każ li allaħares jinqala’ xi ħaġa. Is-sena l-oħra kellna l-yacht LOKI li tfarrket u minn hawn stess kellna nagħmlu rescue operation bit-telefon. Marru salvawhom il-ħelikopters Taljani. Salvawhom kollha iżda d-dgħajsa tfarrket mal-blat. Għamilna sitt sigħat. Hawn organizazzjoni kbira. Żgur li mhux se nissugraw mal-baħar. Hawnhekk hawn mal-120 voluntier.”
Teddy huwa parti wkoll mid-dinja tal-Power Boats. Kien wieħed mill-imħuħ wara s-suċċess ta’ Aaron Ciantar meta sar Champion tad-Dinja. Filwaqt li jirrakkuntali, Teddy jinħakem mill-emozzjoni meta jiftakar f’dak il-mument meta Aaron tela’ fuq il-podju. Ninħasad hekk kif leħnu jinkiser u taqbiżlu anki demgħa.
“Il-Power Boats waħda mill-babies tiegħi. Dan l-aħħar snin sirt anki l-President tal-Assoċjazzjoni. Kont il-fundatur tal-Assoċjazzjoni u issa qegħdin anki fil-UIM. Issa sejjer l-Awstralja u nispera li għandi proġett kbir inġibu lejn Malta. Mhux se tkun faċli għax il-kompetituri miegħi huma t-Taljani.
“Naħseb li l-politikanti Maltin għadhom mhux konxji ta’ xi jfisser li tilbes il-flokk Malti, tikkompeti bih u tirbaħ. Jien ma ninsa qatt il-mument ta’ meta Aaron Ciantar sar Champion tad-Dinja.
“Meta tela’ fuq il-podju u ndaqq l-Innu Malti kulħadd beka. Bħalissa qed niġi emozzjonat biha wkoll għax id-demm Malti qiegħed ġo fija. Meta nara Malti jiġġieled għal pajjiżu u jirbaħ jagħtini l-ikbar sodisfazzjon. Kulmin għandu ftit talent irridu nagħtuh l-appoġġ kollu inkella ma nistgħux intejbuh.”
Huma ħafna dawk li jiftakru lil Teddy kap ta’ One Sport. Kien żmien fejn l-istazzjon kien fil-bidu tiegħu u l-bniedem kien irnexxielu jdaħħal sistema ġdida li biha l-istazzjon beda jkopri kważi l-isport kollu.
“Kont kap ta’ One Sport f’perjodu diffiċli meta ma kienx hemm finanzi. Ħloqt ħafna programmi different tal-isport. Għamilt 12-il sena mill-aqwa fejn fihom irbaħt l-aqwa tliet unuri tat-televiżjoni b’Super Sailing.
“Albert Marshall kien offrieli dik il-kariga ta’ Kap. ‘L-Argument’ ħloqtu jien. Kibru ħafna tfal miegħi. Spiċċajt meta kienet inbidlet l-amministrazzjoni tal-istazzjon. Il-ħin tal-programm tiegħi ma ħallewx popolari kif kien. La ma setgħux jagħmlu mod ieħor kelli nfittex biex ieħor. Għamilt sitt xhur mal-Cable TV sakemm bagħtu għalija l-PBS. Bħalissa ‘Starboard’ qed jixxandar fuq Family Channel. Naħseb li l-programm miexi sewwa.”
Fil-preżent Teddy huwa l-moħħ wara l-programm Sport Live fuq TVM il-Ħadd fl-4pm. Il-programm huwa wieħed oriġinali għal pajjiżna. Fih kull xorta ta’ sport li wieħed jista’ jimmaġina. Minbarra hekk jagħti xandiriet diretti minn postijiet fejn dak il-ħin ikun għaddej xi sport lokali. Nistaqsih fuqu.
“Int taf għax qiegħed miegħi. Ikopri l-isports kollu li jsir dik il-ġimgħa. Naħseb u nispera li jkun suċċess. Ninsabu fir-raba’ Ħadd. Kuntent ħafna bikom kollha. Dan il-programm tant fih nies li ma jistax jieħu l-kredtu wieħed biss. Iridu jiħduh ir-runners, l-abbiltà tal-ġurnalisti, il-preżentaturi kollha, il-camerapersons, l-editors, id-direttur, l-assistent producer, iċ-chief engineer, u l-amministrazzjoni kollha tal-PBS.
“Jien għalija l-ikbar sfida li qgħadt kelli bħala programm fuq it-televiżjoni. Hemm entużjażmu qawwi fit-tim li qegħdin. Xi darba rrid nagħmlilhom xi ħaġa biex nurihom kemm napprezza x-xogħol li qegħdin jagħmlu.”
Naqbdu diskussjoni ta’ xi jdejqu l-aktar fl-isport lokali. Teddy ma jaħbix il-fatt li diżappuntat li ħafna ġurnalisti lokali jiffukaw biss fuq sport wieħed filwaqt li jagħti ftit mill-ħsibijiet tiegħu fuq l-atleti Maltin li marru għall-Olimpjadi ta’ Beijing.
“Fil-każ tal-Middle Sea Race idejjaqni l-fatt li hawn ħafna ġurnalisti li ma tantx jifhmu f’dan l-isport. Iżda kollha tafu li jien disponibbli u lest ngħin lill-ġurnalisti kollha. Aħna ngħinu lil kulħadd. Għandna anki l-media centre.
“Jien għadni skantat kif mill-Olimpjadi għedna li morna tajjeb għax irranġajna l-ħiniiet personali tagħna. Imma dan jagħmel sens? Imbilli hawn Malta tellieqa nagħmilha fi 12-il sekonda u mort hemm għamiltha f’inqas għandi noħroġ kuntent jekk jien xorta ġejt l-aħħar jew qabel l-aħħar?
“Malta ipproduċiet ftit Champions tad-Dinja. U Aaron Ciantar huwa l-aħħar Champion tad-Dinja li kellna. Bir-rispett kollu lejn kulħadd, il-gazzetti ftit wisq qalu fuqu. Ħafna minnkom kienu xprunati minni jew insib ħabib bħalek u ngħidlek: iktibli fuqu. Niffukaw wisq fuq il-futbol meta għandna kowċ nazzjonali jgħid li jkun kuntent jekk jaqla’ inqas minn erba’ gowls. Trid tkun patetiku biex tgħid dik il-kelma. U mhux patetiku biss iżda jien ngħid li aħna sirna poplu li naċċettaw kollox. Kieku jgħid xi ħaġa bħal dik x’imkien ieħor anqas jagħmel kwarta fil-kariga. Irrid nisma’ lil Lippi jgħid li jkun kuntent bi draw u tara kif it-Taljani jtajruh l-għada.”
Teddy jgħidli liema kienu dawk l-akbar sportivi li mpressjonawh f’ħajtu. Ma jaħbix il-fatt li minkejja ma jridx jaf aktar bil-futbol Malti, il-plejers tal-passat jibqgħu ttimbrati f’moħħu.
“Jien għalija bħala bniedem idolu tiegħi, anki jekk għidtlek ħafna kontra l-futbol Malti, kien Tony Nicholl. Għalija kien l-aqwa plejer Malti li qatt kien hawn. Carmel Busutil laħaq livelli kbar ukoll. Iżda niftakar sew lil Salvinu Schembri, lil Pullu Demanuele ‘l-Koku’, lil Lolly Borg, lil Sammy Nicholl u lil Joe Cini.
“Sportivi oħrajn tista’ ssemmi bħal familja Ripard li rebħet il-Middle Sea Race ħames darbiet. Din xi ħaġa mhux ċajta għalkemm ftit jafuha.
“Imbagħad kellna bħal Tony Drago, Pawlu Mifsud u Alex Borg fl-isnooker.”
Teddy jagħmel ir-ringrazzjament tiegħu lil dawk in-nies kollha li kienu viċin tiegħu matul dawn is-snin kollha fl-isport.
“Lill-familja tiegħi fuq quddiemnett b’mod speċjali lil marti, Roselle. Dejjem aċcettat il-mod kif ngħix. Ġieli nkun se nsiefer l-għada filgħodu u anqas tkun taf. Qatt ma rajt tgergir. Nies li dejjem apprezzawni huma sħabi ta’ madwari. Fil-ħajja tkun taf min huma l-vera l-ħbieb tiegħek. Iżda għadni kif tlift ħabib ta’ vera bħal Martin Scicluna u ma nistax ma nsemmihx. Miet mewta traġika u għadni ma nistax inniżżilha. Konna ħbieb wisq. Kien bniedem taz-zokkor. Ma nistax nifhimha kif filli miegħi kuljum u filli ma nistax inkellmu aktar.”
Qabel ma nqumu minn quddiem xulxin, Teddy jgħidli li l-isport tal-baħar se jkun l-aħħar wieħed ta’ ħajtu u jagħtini r-raġuni għal dan kollu.
“Il-baħar xi ħaġa fenomenli. Jien nemmen ħafna fil-Bambin u nemmen li d-dinja ħoloqha hu. Ħoloqha billi għamel kwantità kbira ta’ ilma u ftit art. Għaliex għamel hekk? Il-baħar tant kemm hu kbir u vast li ħriġna mid-dinja u morna fuq il-qamar imma fil-qiegħ tal-oċean għadna ma nżillniex. Meta toħroġ hemm barra u tkun bejn sema u ilma jkun l-isbaħ mument ta’ ħajtek. Tħossok liberu u ma jkun hemm xejn x’ixekklek. L-isbaħ mument ikun meta tarah jisbaħ. Xi ħaġa maestuża. Mingħajr ma trid temmen f’Alla bilfors.” |
|
Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah

Editorijal

Il Punt
Chris Cardona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|