Carmelo Mifsud Bonnici | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104 Il-kwistjoni tal-vjolenza domestika 1. Ħadt pjaċir nara fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati l-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, li kelli l-opportunità naqra, kif ukoll id-diskussjoni li kien hemm fil-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali fil-Parlament. 2. Hemm b’mod ċar sforz importanti li ma għandux jiċċekken. Anzi, tajjeb li dan jiġi sostnut ukoll minn livelli oħra, fosthom il-kunsilli lokali. Il-Kummissjoni tidher li qed tuża l-isforzi tagħha biex tutilizza bl-aħjar mod ir-riżorsi tagħha, però s-soċjetà m’għandhiex tħalliha abbandunata għal rasha. Dan għax l-effett tal-bidla radikali li saret bil-Kapitolu 481tal-Liġijiet tagħna fl-1 ta’ Marzu 2006 hemm bżonn li nikkapitalizzaw iktar fuqu. Il-liġi għandha vantaġġi kbar u dawn mhux biss għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni imma tan-nazzjon kollu. 3. Jekk soċjetà bħal tagħna tindirizza iktar din il-problema, li xi drabi hi moħbija, tikber fiċ-ċiviltà. Il-liġi qegħda hemm biex tiġi osservata verament però hawn l-enfasi qegħda iktar biex tipproteġi lil dawk li ħaqqhom attenzjoni. Ir-realtà llum hija li għandna mekkaniżmi ġodda li jassiguraw li persuni li jdejqu, isawtu u b’xi mod jimmolestaw lil dawk li qegħdin fl-ambjent domestiku tad-dar b’dik il-“kunfidenza” se jsibu warajhom l-id iebsa u ċara ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-bidla legali seħħet imma b’veloċità qawwija u għalhekk għad m’hemmx biżżejjed għarfien sħiħ tal-proċeduri l-ġodda li daħlu fis-seħħ. 4. Dan jitlob l-attenzjoni biex nassiguraw li jonqsu dawk li jabbużaw mill-vulnerabilità ta’ ħaddieħor u dan minħabba l-pożizzjoni dominanti li nsibu f’numru sew ta’ okkażjonijiet. Hemm verament differenza fid-doża tal-gravità. Altru min wettaq att f’mument diffiċli f’ħajtu, u altru min il-ħin kollu b’ripetizzjoni verament anti-uman ikompli għaddej. Hemm ġlieda għad-dinjità tal-persuna umana li aħna dejjem sostnejna u li permezz ta’ dawn l-emendi li daħlu fis-seħħ, hemm issa bl-iktar mod qawwi kif dan tassigurah. Kemm inħaddmu dawn tajjeb huwa essenzjali għas-soċjetà, mhux biss fuq livell nazzjonali izda wkoll l-iktar fuq dak personali. 5. Ħafna drabi, jekk is-sistema taħdem tajjeb, każ ma jeskalax, ma jikbirx imma jinqabad fi stadju inizjali. Illum nistgħu nitkellmu għalhekk fuq ordnijiet speċjali bħal dawk ta’ trattament li jippermetti li l-Qorti tagħti direzzjoni biex persuna li hija maħkuma minn mard jew vizzji tiġi kkurata. Biss biex dawn jaħdmu hemm il-bżonn ta’ aktar għarfien mal-poplu u ma’ dawk li jaħdmu direttament fl-awli u fl-għases tagħna. Verament imxejna ’l quddiem, iżda wieħed irid jara jekk dan huwiex fil-fatt biżżejjed. Huwa fil-fatt pass f’din id-direzzjoni li tul din is-sena, sal-1 ta’ Ottubru kienu ttieħdu proċeduri kriminali kontra 241 persuna mill-Korp tal-Pulizija fis-sezzjonijiet tiegħu. Dan huwa żgur avvanz li jkun żball jekk inċekknuh jew ninjorawh. Il-messaġġ beda jasal. Biss hemm bżonn iktar mis-soċjetà u mill-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. 6. Dan waħdu huwa pass ΄il quddiem imma hemm iktar x’taħseb u x’tagħmel. Għax il-kalkolu ta’ dawn il-figuri ma tkunx taf verament fejn tqiegħdu dejjem. Għax hemm bżonn ta’ iktar analiżi li tidher li l-Kummissjoni qegħda tidħol għaliha biex naraw kważi każ b’każ x’qed jiġri u x’lezzjonijiet nistgħu nieħdu. Il-proċess fih żgur ħafna toroq x’jittieħdu u hawn, għalkemm ċertament ma nistgħux ngħidu li lħaqnieh, jidher ċar li dan inbeda b’determinazzjoni u perseveranza. Tagħlim, taħriġ, li trid, huma ċwievet li jassiguraw li l-Liġi titħaddem aħjar. 7. F’dan il-proċess il-Qrati tagħna għandhom sehem verament determinanti. Dan fuq diversi binarji. Huwa dejjem tajjeb li jqum il-punt f’dak il-lok, iktar u iktar meta llum inbniet esperjenza tajba fis-sezzjoni speċjali li l-Qorti tal-Maġistrati għandha fuq din il-materja li sfortunatament ftit insemmu. Il-Kummissjoni għandha wkoll x’tieħu hi minn dak li jaraw u jisimgħu quddiemhom il-Ġudikanti. Il-prattika u l-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum fir-realtà effettiva hija għodda verament imprezzabbli. 8. Mhemmx dubju li l-Kummissjoni hi mħażżma tajjeb u billi llum diġà qed tħalli l-marka tajba tagħha, għada pitgħada ser timxi iktar. Biss hemm bżonn li s-soċjetà tipparteċipa aktar u aktar biex il-messaġġ jasal lil dawk li jabbużaw li hemm l-id iebsa tal-Liġi li tilħaqhom; u t-tieni, biex dawk li huma vittmi jiġu nfurmati bi drittijiethom. Dan huwa proċess kontinwu. Wieħed li jrid jigi sostnut mill-pajjiż iżda koordinat kemm jista’ jkun minn din il-Kummissjoni. Nawgura, l-ewwel li dan ikompli jsir; u t-tieni, li kulħadd jifhem li dan huwa dmir tagħna bħala bnedmin li qed ngħixu f’soċjetà demokratika bħal tagħna fis-Seklu 21.
|
Intervista
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan