Emmanuel Micallef | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104
Il-Ministru Austin Gatt jiddeċiedi. Fuq hekk nammirah. Ma kienx hawn riforma li kien inkarigat minnha hu li ma daħalx għaliha bir-ras.
F’dak li hu twettieq u mhux tpaċpiċ biss il-Ministru Gatt ħaqqu midalja. L-istil u t-tattika tiegħu iżda ma jġibulux ammirazzjoni. Anzi ħafna drabi jurta lin-nies. Jekk tmur tgħid dan lilu mhux se jistagħġeb.
“Ħobbni jew obgħodni, jien hekk magħmul!”
Dawn il-kwalitajiet tajbin u inqas tajbin spikkaw fil-jiem li għaddew meta ħabbar iż-żieda astronomika fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma. Ħareġ bihom bħal sajjetta fil-bnazzi meta sieħbu l-Ministru tal-Finanzi kien għaddej bil-konsultazzjoni dwar id-dokument ta’ qabel il-baġit. Bħas-soltu kien preparat biex iħabbar l-issikkar taċ-ċintorin.
Fakkarna fil-morsa li qed tagħfas l-UE biex kull xorta ta’ sussidju li jagħti l-Gvern jispiċċa llum qabel għada. Fakkarna li l-Gvern li jifforma parti minnu għandu viżjoni sal-2015 iżda sa sena u nofs oħra l-baġit irid jibda juri qligħ mhux telf.
Pinġilna sitwazzjoni li għal ħafna snin “we had it so good” iżda issa ma nifilħux aktar għax inkella nidħlu fi kriżi. Qabbad lil min jagħmillu l-proposti. Tawh ħamsa u f’erbgħa minnhom l-istess esperti ammettew li ma jilħqux l-aspirazzjonijiet tal-Ministru. Allura l-Ministru spiċċa effettivament bi proposta waħda, l-ħames waħda u ppreżentaha lill-imsieħba soċjali.
Faqqgħet il-bomba u qamu l-irwiefen kollha fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Ħadd mill-membri tal-Kunsill ma qabel ma’ din il-proposta u ħarġu qatta bla ħabel kontra dak li ressaq quddiemhom il-Ministru. Qalulu li dawn miżuri li se jġibu l-qgħad, li se jitfgħu piż li ma jifilħux il-familji, li juru li l-kuxjenza soċjali taret mar-riħ u li żgur ma jifilħux iġorru dan iz-zokk b’mod retroattiv.
Ir-reazzjoni tal-Ministru kienet sempliċi: agħtuni proposta oħra li twassal għall-istess riżultat u jikkunsidraha. Mill-bqija kien se jibqa’ għaddej għax skont hu l-interess nazzjonali jitlob li r-romblu jrid iwitti t-tarmak, it-torba, ix-xaħx u ż-żrar f’medda waħda!
L-imsieħba soċjali kitbu lill-Prim Ministru u għall-ewwel darba dehru li fuq din il-kwistjoni kienu qaqoċċa!
M’għandix dubju li l-intelliġenza u l-ħażen tal-Ministru Gatt qiesu wkoll l-fattur taż-żmien meta għandu jfaqqa’ din il-bomba! Naturalment għal raġunijiet politiċi wkoll.
Issa hu l-waqt fil-bidu tal-leġislatura. Ma jimpurtax jekk għalissa l-poplu jintgħafas waħda sew. L-elezzjoni għadha ’l bogħod u l-poplu jilħaq jinsa. U jekk ma jinsiex mhux se taqa’ d-dinja għax il-Partit Nazzjonalista jkun ilu 25 sena fil-poter!
Ħadd mhu se jwaħħal fil-Ministru jekk il-PN jitlef l-elezzjoni. Min-naħa tal-Prim Ministru kien hemm silenzju u ħalla liż-żewġ ministri, Gatt u Fenech, jiffaċċaw il-mewġ b’tal-aħħar iżomm ma’ tal-ewwel fil-prinċipju iżda jiżvija fid-dettal biex irattab l-effett tal-isplużjoni.
Meta ttewweb il-Ministru Gatt u ħarġet fil-beraħ l-istmerrija tal-imsieħba soċjali mbagħad bdejna nisimgħu li dak li ntqal kien biss proposta għad-diskussjoni, li l-Gvern kien lest li jirtira t-twettieq tagħha b’effett retroattiv, li l-capping ma kienx se jitneħħa f’daqqa, li dak li niffrankaw mill-prezz taż-żejt nistgħu nużawh biex jgħinu lil min ma jiflaħx għall-piż tal-kontijiet. Insomma, il-Gvern beda jbenġilha!
U meta ra li l-imsieħba soċjali kollha (l-aktar ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem, tal-kummerċ u tan-negozju) għall-ewwel darba ngħaqdu kontra l-Gvern allura ried isib mezz kif isalva wiċċu. Sal-lum ma rnexxilux. U mhux se jirnexxielu jekk se jibqa’ għaddej bil-pjan tiegħu.
Il-Gvern imissu diġà xamm li l-protesti tal-imsieħba soċjali mhux se jieqfu madwar il-mejda tal-Kunsill. Il-poplu qed jimtela u jasal il-mument li jkollu jiżvoga jekk il-Gvern ma jbiddilx ir-rotta.
Hu minnu li kif aħna ma nistgħux nibqgħu. Irridu nsibu rimedju għall-ħala u t-tberbiq ta’ flus fl-enerġija li nikkunsmaw. Irridu nutilizzaw alternattivi. Irridu nsostnu l-ambjent ta’ madwarna. Irridu nużaw id-dħul mit-taxxi tal-poplu ferm aħjar. Irridu nilqgħu għad-daqqiet minn barra. Naqtgħu l-abbużi. Dan li jrid jagħmel il-Gvern u ma nlumux.
Iżda bil-mod li wera li jrid jasal għall-għan tiegħu l-Gvern se jkun qed jagħmel bħal dak li jaqta’ s-sigrieti biex jinki l-mara. F’din il-kwistjoni l-Gvern wera li m’għadux sensittiv għall-ħtiġijiet soċjali taċ-ċittadin. Meta l-Gvern jassigurana kemm għandna ekonomija b’saħħitha u kemm għandna finanzi fis-sod imbagħad joħroġ bi proposta bħal din ikun qed jurina l-ħmara biex iqabbżilna d-debba. Daħq fil-wiċċ.
Il-poplu dan ma jaċċettahx. Għalhekk fil-ftit żmien li baqgħalu qabel ma jħabbar il-baġit (min jaf x’ġej?) aħjar jara kif jagħmel biex jagħti s-serħan il-moħħ liċ-ċittadin ordinarju kif wara kollox kien wiegħdu. |
|
Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah

Editorijal

Il Punt
Chris Cardona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|