Intervista | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104
Julia Farrugia
Bħal serbut nemel biċ-ċlikki ċlikki wara xulxin nitilgħu wieħed wieħed minn taraġ li jwassal ħdejn tabella li tindika li fil-binja hemm kumpanija tal-kompjuters.
Imma minflok, aħna konna sejrin niltaqgħu ma’ uffiċjal għoli tal-Hezbollah fil-Libanu, Nawwaf Massaoui, li hu responsabbli mill-Affarijiet Barranin.
Fil-pront tilqagħna kmajra ta’ ftit piedi wiesa’. Warajha hemm żewġt irġiel. Tnejn oħra li qiegħdin bil-wieqfa jordnawlna nagħtuhom it-telefown ċellulari.
F’kamra oħra wara din il-kmajra nsibu bħal salott u numru ta’ siġġijiet tal-plastik.
Għall-ewwel l-arja tinħass tqila. Cameraman li jissejjaħ għal tal-apposta jirrekordja ħafna mill-mistoqsijiet li nagħmlu.
Interpretu li jġaħġaħha bl-Ingliż jipprova jagħmel il-qlib fil-lingwi imma ta’ sikwit jitħarbat fid-damma tal-kliem u jiskuża ruħu sakemm isib kelma oħra. F’żewġ waqtiet jieħu żewġ żbalji ħoxnin u Massaoui jċanfru.
Fil-kamra hemm żewġ linef imdaqqsa lewn id-deheb li minnhom hemm imdendlin numru ta’ ħut dehbi. Minn ħalq kull ħuta toħroġ bozza energy saver.
Fuq moħħi mistoqsija waħda. Tgħinu ħafna nies billi tipprovdulhom edukazzjoni, skejjel, sptarijiet. Imma għandhom ukoll l-armi. Kif tiffinanzjaw dan kollu? Minn fejn iġġibu l-flus?
“Il-persuni li jafu l-istorja tal-Libanu sew jafu li f’kull dar issib l-armi. L-immaġini ta’ ħafna hi li l-Hezbollah għandha l-armi. Din mhix vera. Kulħadd għandu l-armi. Il-vantaġġ li għandna aħna hu li għandna esperjenza u ħila akbar minn partiti oħra fil-Libanu. L-armata Iżraeljana hi l-aktar waħda b’saħħitha. Aħna għandna l-aktar reżistenza b’saħħitha fid-dinja. U taf għala?” Jiskot għal sekonda waħda.
“Kunflitt hu xi ħaġa interattiva. Aħna nissaħħu mill-mod kif ninnegozjaw u nittrattaw mal-għadu tagħna.
“Minn fejn jiġu l-armi tagħna? Għal żmien twil konna nixtruhom minn movimenti Lebaniżi stess. Tkun sorpiż meta tkun taf li fil-muntanji hemm ħafna armi maħżuna. Nixtru l-armi wkoll minn riżorsi oħra li nsibu, fosthom mill-ekonomija s-sewda,” ikompli jispjega.
“Meta tkun qed tħabbat wiċċek ma’ okkupazzjoni bħalma hi dik tal-Iżrael ma tistax toqgħod tistenna għal dak li tkun qed tixtieq il-komunità internazzjonali. Ikollok tistrieħ fuq kemm int b’saħħtek.”
Ir-raġel wara l-politika internazzjonali tal-Hezbollah isostni li r-relazzoni li għandhom ma’ pajjiżi bħal Iran mhix la waħda finanzjarja u lanqas ta’ armi imma biss ideoloġika. Fih tinħass ċerta rabja għall-komunità internazzjonali.
“Meta sentejn ilu l-Iżrael attakka lil-Libanu, l-Istati Uniti għaddiet ħafna armi. Ajruplani tal-passiġġieri Ingliżi ġarrew armi wkoll. Kien hemm xi ħadd li dak iż-żmien staqsa kif iġġarrew l-armi? Kieku ġara inċident? Ħafna Ingliżi kienu jitilfu ħajjithom! Qed nitkellmu fuq missili enormi… feroċi!”
U l-qtil ta’ l-eks Prim Ministru Rafik Hariri?
“Ftit jiem biss wara l-qtil aħna nfurmajna lill-familja tiegħu u tajniha tagħrif dwar min naħsbu li kien il-qattiel. Ma nistax ngħid pubblikament issa dak li għidnielhom. Ejja nistennew sakemm titlesta l-investigazzjoni,” iwieġeb mingħajr l-ebda dettalji. |
|
Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah

Editorijal

Il Punt
Chris Cardona

TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|